Il-Ħamis, 20 ta’ Frar 2014: Qabel ma nkunu nafuh permezz tal-istudju, lil Ġesù nsiru nafuh għax insegwuh. Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Kuljum, spjega l-Papa, Kristu jistaqsina min hu ‘Hu’ għalina. Imma t-tweġiba nistgħu ntuha jekk ngħixu bħala dixxipli. Hija l-ħajja ta’ dixxiplu aktar milli l-ħajja ta’ studjuż li tippermetti lin-Nisrani jsir jaf tassew x’inhu Ġesù għalih.
Mixja fuq il-passi tal-Imgħallem li fiha jistgħu jintisġu testimonjanzi ċari imma wkoll tradimenti, waqgħat u ħeġġa ġdida, imma mhux sempliċiment għarfien intellettwali. Biex jispjega dan il-Papa ħa bħala mudell lil Pietru li fl-Evanġelju tallum narawh bħala x-xhud kuraġġuż, dak li għall-mistoqsija ta’ Ġesù lill-Appostli: ‘Min tgħidu li jien?’, jafferma, ‘Int Kristu,’ u waqt wara, isir avversarju meta jlum lil Ġesù li jkun għadu kif ħabbar li kellu jbati u jmut biex wara jirxoxta.
Ħafna drabi, osserva l-Papa, Ġesù jagħmilha lilna din il-mistoqsija: ‘Imma jien min jien għalik?’ U jirċievi l-istess tweġiba ta’ Pietru, dik li tgħallimna fil-katekiżmu. Imma dan mhux biżżejjed.
Jidher li biex inwieġbu għal dik il-mistoqsija li lkoll inħossu fi qlubna: ‘Min hu Ġesù għalina?’ mhux biżżejjed dak li tgħallimna, dak li studjajna fil-katekiżmu, li hu importanti li nistudjawh, imma mhux biżżejjed. Biex inkunu nafu lil Ġesù hu meħtieġ li nagħmlu l-mixja li għamel Pietru. Wara din l-umiljazzjoni Pietru baqa’ miexi ma’ Ġesù, ra l-mirakli li kien jagħmel, ra l-qawwa tiegħu, imbagħad ħallas it-taxxi, kif qallu jagħmel Ġesù. Stad għal ħuta, ħa l-munita, u ra tant mirakli bħal dawn.
Imma f’ċertu waqt, Pietru ċaħad lil Ġesù, ittradieh, u tgħallem minn dik ix-xjenza tant diffiċli, li aktar minn xjenza hija għerf, ix-xjenza tad-dmugħ, tal-biki. Pietru, kompla l-Papa Franġisku, jitlob maħfra lil Ġesù u minkejja li, wara l-qawmien, jisimgħu jistaqsih iħobbux għal tliet darbiet fuq ix-xatt ta’ Tiberija, probabbilment, żied il-Papa, meta kien qed jafferma mill-ġdid l-imħabba totali lejn l-Imgħallem tiegħu, Pietru beka u staħa meta ftakar fit-tliet ċaħdiet tiegħu.
Din l-ewwel mistoqsija: ‘Min jien għalik?’ li staqsa lil Pietru tista’ tinftiehem biss f’mixja, wara triq twila magħmula mill-grazzja u mid-dnub, triq ta’ dixxiplu. Lil Pietru u lid-dixxipli Ġesù ma qalilhomx, ‘Kunu afuni’; qalilhom, ‘Imxu warajja.’ U b’din is-sekwela aħna nsiru nafu lil Ġesù. Insegwu lil Ġesù bil-virtujiet tagħna u anke bi dnubietna, imma nimxu dejjem wara Ġesù. Mhux l-istudju hu meħtieġ imma ħajja ta’ dixxiplu. Hemm bżonn, insista l-Papa Franġisku, li niltaqgħu mal-Mulej kuljum, bir-rebħiet u d-dgħufijiet tagħna. Iżda, żied jgħid, din hi mixja li ma nistgħux nagħmluha waħedna: hu meħtieġ l-intervent tal-Ispirtu s-Santu.
L-għarfien ta’ Ġesù hu rigal tal-Missier: huwa Hu li jgħarrafna lil Ġesù. Huwa xogħol l-Ispirtu s-Santu, li hu ħaddiem kbir. Mhux persuna tat-trejdunjons: huwa ħaddiem kbir u dejjem jaħdem fina. Xogħlu hu li jispjega l-misteru ta’ Ġesù u li jtina dan is-sens ta’ Kristu. Inħarsu lejn Ġesù, Pietru, l-Appostli u nisimgħu fi qlubna din il-mistoqsija: ‘Min jien jien għalik?’ U bħad-dixxipli nitolbu lill-Missier li jtina dan l-għarfien ta’ Kristu fl-Ispirtu s-Santu, ifissrilna dan il-misteru, temm il-Papa.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta