Iż-Żwieġ, Sagrament li jwassalna fil-qalba tal-pjan ta’ Alla

9. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 2 t’April 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Il-lum qed nagħlqu ċ-ċiklu ta’ katekeżi fuq is-Sagramenti billi nitkellmu dwar iż-Żwieġ. Dan is-Sagrament iwassalna fil-qalba tal-pjan ta’ Alla, li hu pjan ta’ patt mal-poplu tiegħu, magħna lkoll, patt ta’ komunjoni. Fil-ftuħ tal-ktieb tal-Ġenesi, l-ewwel ktieb tal-Bibbja, bħala kuruna tar-rakkont tal-ħolqien, jingħad: “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom… Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 1:27; 2:24). Hi l-koppja miżżewġa x-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara; mhux ir-raġel waħdu, mhux il-mara waħidha, imma t-tnejn li huma flimkien. Din hi x-xbieha ta’ Alla: l-imħabba, il-patt ta’ Alla magħna jidher f’dak il-patt li jsir bejn raġel u mara. U din hi ħaġa wisq sabiħa! Aħna maħluqin biex inħobbu, bħal mera ta’ Alla u ta’ mħabbtu. U fir-rabta konjugali, ir-raġel u l-mara jwettqu din is-sejħa fis-sinjal tar-reċiproċità u tal-komunjoni ta’ ħajja sħiħa u għal dejjem. Continue reading Iż-Żwieġ, Sagrament li jwassalna fil-qalba tal-pjan ta’ Alla

L-Ordni Sagri, Sagrament li jagħti l-qawwa għat-tħaddim tal-ministeru, fdat mill-Mulej Ġesù lill-Appostli

8. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Marzu 2014

Għeżież ħuti,

Diġà kellna l-okkażjoni nirrimarkaw li t-tliet Sagramenti tal-Magħmudija, tal-Konfirmazzjoni u ta’ l-Ewkaristija flimkien isawru l-misteru ta’ l-“inizjazzjoni Nisranija”, ġrajja unika u kbira ta’ grazzja li tnissilna mill-ġdid fi Kristu. Din hi s-sejħa fundamentali li hi komuni għal dawk kollha li jagħmlu parti mill-Knisja, bħala dixxipli tal-Mulej Ġesù. Imbagħad hemm żewġ Sagramenti li jikkorrispondu ma’ żewġ vokazzjonijiet speċifiċi: dawn huma l-Ordni Sagri u ż-Żwieġ. Huma żewġ toroq kbar li permezz tagħhom in-Nisrani jista’ jagħmel don ta’ mħabba minn ħajtu, fuq l-eżempju u f’isem Kristu, u hekk jikkopera fil-bini tal-Knisja. Continue reading L-Ordni Sagri, Sagrament li jagħti l-qawwa għat-tħaddim tal-ministeru, fdat mill-Mulej Ġesù lill-Appostli

Id-Dilka tal-Morda tgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla

7. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Illum kienet prevista x-xita, u intom ġejtu xorta waħda. Imma tassew għandkom kuraġġ! Kumplimenti!

Il-lum nixtieq inkellimkom dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem. Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut. Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla. Continue reading Id-Dilka tal-Morda tgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla

Il-Qrar, Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa Sagrament li jfejjaq

6. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 19 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Permezz tas-Sagramenti tal-Inizjazzjoni Nisranija, il-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni u l-Ewkaristija, il-bniedem jirċievi l-ħajja ġdida fi Kristu. Issa, dan nafuh ilkoll, aħna din il-ħajja nġorruha “f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7), għax għadna suġġetti għat-tentazzjoni, għat-tbatija, għall-mewt u, minħabba fid-dnub, nistgħu anki nitilfu l-ħajja ġdida. Għalhekk il-Mulej Ġesù ried li l-Knisja tkompli bil-ħidma tiegħu ta’ salvazzjoni anki ma’ l-istess membri tagħha, b’mod partikulari bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u dak tad-Dilka tal-Morda, li nistgħu niġbruhom flimkien taħt l-isem ta’ “Sagramenti ta’ Fejqan”. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni hu sagrament li jfejjaq. Meta jien immur inqerr, dan nagħmlu biex infiq, infejjaq ruħi, infejjaq qalbi u xi ħaġa li għamilt li m’hix tajba. L-aħjar xbieha Biblika biex infissruhom, fir-rabta qawwija ta’ bejniethom, hi l-episodju tal-maħfra u tal-feqjan tal-mifluġ, fejn il-Mulej Ġesù jidher bħala tabib tar-ruħ u tal-ġisem fl-istess waqt (ara Mk 2:1-12 // Mt 9:1-8; Lq 5:17-26). Continue reading Il-Qrar, Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni huwa Sagrament li jfejjaq

L-Ewkaristija, Ir-Rabta tagħha mal-ħajja tagħna

5. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 12 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

Fl-aħħar katekeżi kellimtkom dwar kif l-Ewkaristija ddaħħalna fil-komunjoni vera ma’ Ġesù u mal-misteru tiegħu. Issa nistgħu nagħmlu xi mistoqsijiet dwar ir-rabta bejn l-Ewkaristija li niċċelebraw u l-ħajja tagħna, bħala Knisja u bħala Nsara individwali. Kif ngħixuha l-Ewkaristija? Meta mmorru għall-Quddiesa l-Ħadd, kif ngħixuha? Hi biss mument ta’ festa, tradizzjoni b’saħħitha, okkażjoni biex niltaqgħu jew biex inħossuna f’postna, jew hi xi ħaġa iżjed minn hekk? Continue reading L-Ewkaristija, Ir-Rabta tagħha mal-ħajja tagħna

L-Ewkaristija, Kelma u Ħobż fil-Quddiea isiru ħaġa waħda bħal fl-Aħhar Ċena

4. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 5 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum sa nkellimkom dwar l-Ewkaristija. L-Ewkaristija, flimkien mal-Magħmudija u l-Konfirmazzjoni, tinsab fil-qalba ta’ l-“inizjazzjoni Kristjana” u hi l-għajn tal-ħajja tal-Knisja. Minn dan is-Sagrament ta’ mħabba, fil-fatt, toħroġ kull mixja awtentika ta’ fidi, ta’ komunjoni u ta’ xhieda. Continue reading L-Ewkaristija, Kelma u Ħobż fil-Quddiea isiru ħaġa waħda bħal fl-Aħhar Ċena

Il-Griżma tal-Isqof, Inħarsu lejha f’kontinwità mal-Magħmudija

3. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 29 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

F’din it-tielet katekeżi dwar is-Sagramenti, sa nieqfu nitkellmu fuq il-Konfirmazzjoni jew Griżma ta’ l-Isqof, li għandna nħarsu lejha f’kontinwità mal-Magħmudija, li magħha hi marbuta b’mod inseparabbli. Dawn iż-żewġ Sagramenti, flimkien ma’ l-Ewkaristija, jiffurmaw ġrajja waħda salvifika, li tissejjaħ l-“inizjazzjoni Kristjana”, li fiha aħna niġu inseriti f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta u nsiru ħlejjaq ġodda u membri tal-Knisja. Hu għalhekk li għall-bidu dawn it-tliet Sagramenti kienu jiġu ċċelebrati f’mument wieħed, fi tmiem il-mixja katekumenali, normalment fil-Velja ta’ l-Għid. Hekk kienet tiġi ssiġillata l-mixja ta’ formazzjoni u ta’ dħul gradwali fil-komunità Nisranija li setgħet ittul anki għal xi snin. Kien isir pass wara l-ieħor biex wieħed jasal għall-Magħmudija, imbagħad għall-Griżma u mbagħad għall-Ewkaristija. Continue reading Il-Griżma tal-Isqof, Inħarsu lejha f’kontinwità mal-Magħmudija