Il-Knisja: Waħda u Qaddis

Print Friendly, PDF & Email

4. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 27 t’Awwissu 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Kull darba li nġeddu l-istqarrija tal-fidi tagħna billi ngħidu l-“Kredu”, aħna naffermaw li l-Knisja hi “waħda” u “qaddisa”. Hi waħda, għax għandha l-bidu tagħha f’Alla Trinità, misteru ta’ għaqda u ta’ xirka sħiħa. Il-Knisja mbagħad hi qaddisa, għax hi mwaqqfa fuq Ġesù Kristu, tieħu l-ħajja mill-Ispirtu Qaddis tiegħu, hi mogħnija bl-imħabba u l-fidwa tiegħu. Imma fl-istess waqt li hi qaddisa, hi magħmula minn midinbin, ilkoll kemm aħna, midinbin, li ta’ kuljum inħabbtu wiċċna mad-dgħufijiet tagħna u x-xejn tagħna. Mela din il-fidi li nistqarru tressaqna għall-konverżjoni, biex bil-kuraġġ kollu ngħixu ta’ kuljum l-għaqda u l-qdusija, u jekk aħna m’aħniex magħqudin, jekk m’aħniex qaddisin, dan għax m’aħniex fidili lejn Ġesù. Imma Hu, Ġesù, ma jitlaqniex waħidna, qatt ma jħalli lill-Knisja tiegħu waħidha! Hu jimxi magħna, Hu jifhimna. Jifhem id-dgħufijiet tagħna, id-dnubiet tagħna, jaħfrilna, dejjem jekk aħna nħalluh jaħfrilna. Hu dejjem magħna, biex jgħinna nsiru inqas midinbin, iktar qaddisin, iktar magħqudin.

1. L-ewwel faraġ jiġina mill-fatt li Ġesù talab ħafna għall-għaqda tad-dixxipli. Hi t-talba ta’ l-Aħħar Ikla, fejn Ġesù minn qalbu talab: “Missier, ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Talab għall-għaqda, u dan għamlu sewwa sew meta l-Passjoni tiegħu kienet qed toqrob, meta kien wasal biex joffri ħajtu kollha għalina. Dan hu li aħna mistednin kontinwament biex naqraw mill-ġdid u nimmeditaw, f’waħda mill-aktar paġni intensi u kommoventi tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, il-kapitlu sbatax (ara vv. 11,21-23). Kemm hi ħaġa sabiħa li nafu li l-Mulej, ftit qabel ma miet, ma qagħadx jaħseb fih innifsu, imma ħaseb fina! U fid-djalogu mqanqal tiegħu mal-Missier, talab sewwa sew li nkunu ħaġa waħda miegħU u bejnietna. Hekku: b’dawn il-kelmiet, Ġesù sar l-interċessur tagħna quddiem il-Missier, biex anki aħna nistgħu nidħlu fix-xirka sħiħa ta’ mħabba miegħU; fl-istess ħin, jafdahielna bħala t-testment spiritwali tiegħu, biex l-għaqda ssir dejjem iżjed in-nota distintiva tal-komunitajiet Insara tagħna u l-isbaħ tweġiba lil kull min jitlobna r-raġuni tat-tama li għandna (ara 1 Piet 3:15).

2. “Nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda. Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21). Il-Knisja fittxet sa mill-bidu li twettaq din ix-xewqa li hi tant għal qalb Ġesù. L-Atti ta’ l-Appostli jfakkruna li l-ewwel Insara kienu jingħarfu mill-fatt li kienu “qalb waħda u ruħ waħda” (Atti 4:32); l-Appostlu Pawlu, imbagħad, widdeb lill-komunitajiet tiegħu biex ma jinsewx li huma “ġisem wieħed” (1 Kor 12:13). L-esperjenza, imma, turina li ħafna huma d-dnubiet kontra l-għaqda. U ma rridux naħsbu biss fix-xiżmi, imma naħsbu f’nuqqasijiet komuni sew fil-komunitajiet tagħna, fid-dnubiet “parrokkjali”, f’dawk id-dnubiet li nsibu fil-parroċċi tagħna. Fil-fatt, kultant il-parroċċi tagħna, li huma msejħin ikunu mkejjen ta’ kondiviżjoni u komunjoni, sfortunatament huma mmarkati minn mibegħda, għira, antipatiji… U t-tpaċpiċ fuq l-oħrajn donnu kulħadd kapaċi jagħmlu. U kemm inpaċpċu u nqassu fil-parroċċi! Dan m’hux sew. Ngħidu aħna, meta wieħed jiġi elett president ta’ dik l-għaqda, ipaċpċu kontrih. U jekk l-oħra tiġi maħtura presidenta tal-kumitat kateketiku, l-oħrajn iqassu kontriha. Imma m’hix din il-Knisja. Dan m’għandux ikun, m’għandniex nagħmlu hekk! Irridu nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nagħmlux hekk. Dan jiġri meta nfittxu l-postijiet ta’ quddiem; meta npoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru, bl-ambizzjonijiet personali tagħna u l-mod ta’ kif aħna naraw l-affarijiet, u niġġudikaw lill-oħrajn; meta naraw id-difetti ta’ ħutna, minflok il-preġji tagħhom; meta aktar nagħtu piż lil dak li jifridna, milli lil dak li hu komuni bejnietna…

Darba waħda, fid-Djoċesi l-oħra li kelli qabel, smajt kumment interessanti u sabiħ. Id-diskors waqa’ fuq waħda anzjana li ħajjitha kollha qattgħetha taħdem fil-parroċċa, u kien hemm persuna li kienet tafha tajjeb, li qalet: “Din il-mara qatt ma tkellmet ħażin fuq ħadd, qatt ma qasset fuq dik jew fuq l-oħra, dejjem bi tbissima fuq ħaddejha”. Mara bħal din nistgħu nikkanonizzawha soptu! Dan hu eżempju tajjeb. U jekk inħarsu lejn l-istorja tal-Knisja, kemm firdiet bejnietna l-Insara! Anki issa aħna mifruda. Anki fl-istorja aħna l-Insara ħloqna l-gwerer bejnietna minħabba f’firdiet teoloġiċi. Tiġini f’moħħi dik tat-Tletin Sena. Imma n-Nisrani m’hux dan. Irridu nħabirku anki b’riżq l-għaqda ta’ l-Insara kollha, nimxu fit-triq lejn l-għaqda li hi dik li Ġesù jrid u li għaliha talab.

3. Quddiem dan kollu, irridu bis-serjetà kollha nagħmlu eżami tal-kuxjenza. F’komunità Nisranija, il-firda hi wieħed mill-aktar dnubiet gravi, għax tagħmilha sinjal mhux tal-ħidma ta’ Alla, imma ta’ ħidmet ix-Xitan, li b’definizzjoni hu dak li jifred, li jirvina r-relazzjonijiet, li jinsinwa l-preġudizzji… Il-firda f’komunità Nisranija, sew jekk hi skola, parroċċa, jew għaqda, hi dnub gravi ħafna, għax hi opra tax-Xitan. Min-naħa l-oħra, Alla jrid li nikbru fil-ħila li nilqgħu lil xulxin, li naħfru u nħobbu lil xulxin, biex insiru nixbhu dejjem iżjed lilU li hu komunjoni u mħabba. Hawn qiegħda l-qdusija tal-Knisja: li nagħrfu f’xulxin ix-xbieha ta’ Alla, mogħnijin bil-ħniena u l-grazzja tiegħu.

Għeżież ħbieb, ejjew insemmgħu għal darb’oħra lil qlubna dawn il-kelmiet ta’ Ġesù: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9). Minn qalbna nitolbu maħfra għal dawk id-drabi kollha li fihom konna okkażjoni ta’ firda u ta’ nuqqas ta’ ftehim fi ħdan il-komunitajiet tagħna, għax nafu sew li ma nistgħux naslu għall-komunjoni jekk mhux permezz ta’ konverżjoni kontinwa. X’inhi l-konverżjoni? Hi li nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma npaċpċux ħażin fuq xulxin, ma nikkritikawx, ma nqassux, li nixtiequ l-ġid lil kulħadd. Hi grazzja li l-Mulej jista’ jagħtihielna. Dan ifisser nibdlu qlubna. U nitolbu li t-tessut tar-relazzjoni tagħna fil-ħajja ta’ kuljum isir mera dejjem isbaħ u iktar hienja tar-relazzjoni bejn Ġesù u l-Missier.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading