Minn Joe Farrugia
Is-Sibt, 16 ta’ Awwissu 2014: Għadni kif qrajt b’interess, kitba fil-Gaurdian tallum dwar dak li l-Iżvediżi jsejħulha “fika”. Il-kelma hija użata kemm bħala verb kif ukoll bħala nom u tirreferi għall-waqfa mix-xogħol għall-mistrieħ. Imma aktar minn hekk hija waqfa li joħduha flimkien, waqfa sinkronizzata tal-ħaddiema kollha f’daqqa. L-artiklu jsemmi kif Terry Hartig, li huwa psikologu u riċerkatur fil-qasam tas-saħħa tkellem dwar il-ħtieġa li l-mistrieħ tagħna, breaks jew vaganzi, noħduhom flimkien għaliex hekk iservu ta’ restawr kollettiv – collective restoration.
Mill-ewwel ġie f’moħħi u apprezzajt kemm kien ġeneruż magħna l-Mulej meta riedna nħarsu waqfa flimkien darba fil-ġimgħa; mhux għalih, imma għalina. Ġesù qal, “ma tafux li s-Sibt sar għalikom u mhux intom għas-Sibt” Illum, wara eluf ta’ snin, wara li bosta familji lanqas biss il-possibiltà ta’ waqfa flimkien darba fil-ġimgħa ma fadlilhom, illum ix-xjenza, lil Alla qed tagħtih raġun. Mhux bilfors, mhux Huwa stess ħalaqha!
Konna nosservaw il-Ħadd bħala jum ta’ mistrieħ li noħduh ilkoll flimkien. Illum il-mistrieħ noħduh – suppost – anke għax impost mil-liġijiet industrijali, imma llum il-ġurnata off, min joħodha llum, min se joħodha għada u min ġa ħadha il-bieraħ. Imsieken li aħna, ħallejnihom jisirqulna anke l-jum tal-Ħadd!