Evanġelju tas-Sibt 15 ta’ Diċembru 2018

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Mt 17, 10-13

Kienu għadhom ma jistgħux jifhmu. Kienu għadhom kif rawh fil-glorja fuq it-Tabor ma’ Mosè u ma’ Elija, jitkellmu miegħu. Rawhom b’għajnejhom u semgħuhom b’widnejhom. L-evanġelisti jgħidulna x’raw imma jisktu fuq dak li semgħu. Id-dehra li għaġġbithom iktar minn dak li semgħu jingħad. U kien hemm Elija, dak li kellu jiġi jiftaħ għajnejn magħluqa u jrattab il-qlub ta’ dawk li ibbisulhom. Jekk Elija ġie, u rawh, għlafejn Ġesù ma riedhom jitkellmu ma’ ħadd qabel ikun qam mill-imwiet? U x’jiġifieri tqum mill-imwiet? Bie xtqum mill-imwiet trid tmut u din huma ma setgħu qatt iniżżluha. ‘Kemm hu sew li aħna hawn!’ jekk daqshekk kuntenti kif aħna, għalfejn nibdlu, għalfejn ninbidlu?

Ġesù ma jiċħadx il-fatt li Elija ġie, anzi donnu jenfasizza l-importanza tal-miġja tiegħu. Il-preżenza tiegħu hija meħtieġa, biex iqiegħed kollox f’postu. Ġesù jkompli juża t-tixbiha tal-aħbar it-tajba li kien uża Iżaija, ‘ħejju t-triq għall-Mulej.’ Meta jiġi l-Mulej kellu jisb kollox f’postu. Dan kien li Alla xtaq. Iżda huma, u Ġesù qed jitkellem fuq il-kittieba, dawk li, fit-teorija, l-iktar kellhom jagħrfuh għax kienu daqshekk familjari mal-Kelma ta’ Alla, baqgħu ma għarfuhx, ma stmawhx ta’ dak li tassew kien. Baqgħu jiġġustifikaw l-għemil u l-imġieba tagħhom, ma riedux jitilfu l-fiduċja għamja li n-nies kellhom fihom u hekk jitilfu l-pożizzjoni għolja li ħatfu. Il-kxif tal-verità dwar Dak li kellu jiġi, kien se jżaramhom u jurihom ta’ dak li tassew kienu, ħattafa ta’ post Alla.

Ġesù juri wkoll lid-dixxipli, li dak li l-mibgħut biex iħejji għadda minnu, kellu jgħaddi minnu huwa wkoll. Min jilgħabha ta’ Alla, se jeħodha dejjem kontra Alla u dawk li Alla jibgħat. Meta rrakkonta l-parabbola tal-għalqa tad-dwieli u ta’ sidha li siefer u li ħalla kollox f’idejn il-bdiewa tiegħu u baghat lil ħafna biex jiġbru l-frott, kollha mill-istess sitwazzjoni għaddew, għa xil-bdiewa ħasbu li saru l-werrieta assoluti, anke minflok l-iben stess ta’ sid l-għalqa; l-illużjoni ta;’ min dejjem jiggranfa biex jitla’ ’l fuq: iktar kemm jitla’ ’l fuq, iktar jinsa fejn hu postu veru.

Id-dixxipli jagħrfu li kien qed jitkellem dwar Ġwanni. Aħna nagħrfu li l-kelma ta’ Ġwanni għada taslilna sallum. Il-mistoqsija mhix jekk Ġwanni ġiex, imma jekk għarafnihx. Jew forsi aħna wkoll ixxabbatna tant ’il fuq li nsejna fejn hu postna? Tant qed nimmaġinaw li wasalna ’l fuq li l-kelma tiegħu nippreferu ma nisimgħuhiex għax komdi fejn qegħdin! Elija għalina huwa ż-żmien tas-smiegħ tal-istedina biex nevalwaw ħajjitna u l-pretensjonijiet tagħna, u filwaqt li nagħrfu postna, b’umiltà kbira, nistgħu ngħidu: ‘wittejna Mulej, meta trid tista’ tiġi’.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading