Lectio Divina tat-3 Ħadd tal-Avvent. Sena “Ċ”


Vanġelu (Lq 3, 10-18): Il-ġimgħa l-oħra smajna ‘l Ġwanni jħeġġiġna biex nikkonvertu, i.e. mhux nagħmlu xi bidla kożmetika, iżda nbiddlu kompletament il-mod kif naħsbuha, u nerġgħu npoġġu l-valuri fl-iskala kif jixtieqha Alla: l-essenzjali fl-ewwel postijiet, u l-oħrajn wara. Ġwanni mbagħad kompla jgħid (3, 8): “Mela uru l-frott li jixraq lill-indiema,” i.e. wara li nkunu ħadna deċiżjoni li ninbidlu, rridu nsegwu l-konsegwenzi ta’ dil-konverżjoni.  Illum Ġwanni se jgħallimna x’għandhom ikunu dawn il-konsegwenzi biex inkunu ċerti li l-konverżjoni tagħna tkun vera u awtentika.

  1. “Il-folla tan-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni: X’għandna nagħmlu?” Ta’ sikwit jista’ jiġrilna li nkunu qed inħossuna komdi ngħixu kif irid Alla . Imbagħad nisimgħu xi silta mill-Vanġelu u nindunaw li, jew mhux qed nagħmlu kollox tajjeb, jew mhux qed nagħmlu biżżejjed. Forsi ngħidu: “Ara jien kont għaddej tajjeb bit-talb, quddies u devozzjonijiet tiegħi. Issa Ġesu qed jitlobni din ukoll? Kemm Hu esiġenti!” U d-domanda tiġi waħedha: “Issa x’għandi nagħmel? Se nisma’ minn Ġesu, jew nibqa’ għaddej kif jien? Wara kollox, mhiniex xi raġel ħażin!” Min iħalli moħħu u qalbu jinfetħu għad-dawl tal-Ispirtu s-Santu, iġib f’ħajtu konverżjoni totali. Ħafna jibżgħu jagħmlu hekk, u jgħaddu l-Avvent aljenati fuq il-preparamenti materjali għall-Milied. Dil-festa mhiex waħda sentimentali. Illum irridu nieħdu deċiżjoni,  għax kulma jrid Ġesu, jekk  inħalluh jidħol f’ħajjitna, hu li jagħmilna ferħanin. Dan nagħmluh jekk nisimgħu minn Ġwanni: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min m’għandux.” Niħtieġ li niddistakka ruħi mill-ġid tad-dinja.  Il-ġid huwa mportanti imma rrid inqiegħdu f’postu fl-iskala tal-valuri. Żgur mhux fl-ewwel post.  L-istint jgħidli biex naħtaf u nrekken ġid kemm nista’. Hemm bżonn inrażżan dal-istint billi naqsam ġidi mal-fqar. Dan hu l-ewwel frott tal-konverżjoni.  Ġwanni ma qalx “obdu l-Kamdamenti” imma “għamlu dix-xi ħaġa li suppost qed tagħmlu bħala Nsara imma li qed tittraskurawha.”  Ma tantx qed nagħtu każ xi tfisser meta ngħidu fil-bidu tal-Quddiesa: “..u billi  ħallejt dmirijiet.” “Min jaf jagħmel it-tajjeb u ma jagħmlux ikun qed jidneb” (S. Ġakbu). “Jekk wieħed għandu biex jgħix u jara ‘l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba t’Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3, 17). Turi li tħobb bil-fatti mhux bil-paroli.  Il-ġid tad-dinja għandhom dritt għalieh l-ulied kollha t’Alla.  Meta naqsam ġidi mal-proxxmu tkompli sseħħ il-bidla għall-proposta tad-dinja ġdida ta’ Ġesu.
  2. Lill-pubblikani Ġwanni jgħid: “Tissikkaw lil ħadd b’taxxi żejda.” Dawn kienu jridu jagħtu ċertu somma ta’ flus lir-Rumani. Kulma jiġbru aktar, kienu jżommuh għalihom.  Fuq hekk il-Lhud ma kinux jaħmluhom u kienu miqjusin tradituri tar-reliġjon tagħhom, għax meta kienu jmorru jikkonsenjaw it-taxxi lir-Rumani, kienu sfurzati biex iqimu xbiha tal-imperatur, meqjuż bħala alla. Ġwanni ma jgħidilhomx biex iħallu dan ix-xogħol, imma li jżommu għalihom dak biss li hu ġust.  Dan għax it-taxxi huma neċessarji, hu min hu li jkun qed jiggverna. Minn dan nitgħallmu li kull xogħol nistgħu nagħmluh b’modi differenti: jew għall-flus jew promotion biss, jew b’valuri Nsara, e.g. ma nfallux bla bżonn, ma niskartawx, ngħinu lil sħabna u l-klijenti bi tbissima u bil-ferħ. F’kelma waħda, inqisu rwieħna servi tal-oħrajn.
  3. Lis-suldati: “Tisirqu ‘l ħadd bit-theddid ….. ikkuntentaw bil-paga li għandkom.” Dawn kienu merċenarji ta’ Erodi. Ma kienx hemm gwerer. Kulma kellhom jagħmlu hu li jżommu l-ordni. Kienu meħtieġa, għalhekk Ġwanni ma qallhomx biex isibu mpieg ieħor, imma li ma jabbużawx mill-poter li kellhom meta jġorru l-armi. Dan jgħodd illum għal kull min għandu xi poter, żgħir kemm hu żgħir. Il-kelma Ingliża “extortion” ġejja minn kelma Griega li tfisser “twerwer” bl-iskop li tieħu l-flus bla ma jkollok dritt għalih. Min irid ikun parti mid-dinja l-ġdida ta’ mħabba, dan ma jistax jagħmlu. Ma jistax jhedded, iwerwer u jirrikatta. “Ikkuntentaw bil-paga li għandkom”  mhux tisfruttaw lil dawk li qegħdin taħtkom biex tħaxxnu bwietkom.
  4. Lil dawn it-3 kategoriji ta’ nies Ġwanni ma semmilhomx reliġjon. L-ewwel pass għalissa hu li jikkonvertu, jibdlu l-mod kif jirraġunaw, kid qed jgħixu u jaħdmu, u kif għandhom iġibu ruħhom mal-proxxmu. It-talb għalina llum iservi biex nassimilaw il-messaġġ tal-Vanġelu biex imbagħad insarrfu fil-prattika dan id-Dawl mogħti lilna mill-Imgħallem tagħna.
  5. “Il-poplu kien qiegħed jistenna” li jseħħu l-profeziji biex tispiċċa d-dinja l-qadima u tibda waħda ġdida ta’ mħabba u paċi. Aħna x’qed nistennew dan il-Milied? Paċi, imħabba, ħbiberija? Imma liema? Skont il-kriterji tagħna? Per eżempju, irrid il-paċi wara li nkun imponejt ir-rieda tiegħi fuq l-oħrajn? Il-paċi vera ma tiġix hekk, imma tiġi meta nħaddem il-pariri tal-Vanġelu u tibda titwettaq umanita’ kif irid Alla.
  6. Issa Ġwanni se jippreżentalna tliet immaġini: (a) Hemm żewġ magħmudijiet: l-ewwel waħda taħsel il-persuna minn barra biss. Imma issa ġej wieħed li l-magħmudija tiegħu issir ħajja ġewwa l-bniedem. Bħal għeruq li jerda’ l-ilma mill-ħamrija u jwasslu lill-weraq biex itihom il-ħajja, u dawn, imbagħad, jagħmlu l-frott. Il-Messija se jġib ilma li se jittrasforma ruħu f’ħajja – din hi l-ħajja tal-Ispirtu, tal-Missier Etern, li se tingħata lil uliedu. Meta dil-ħajja tibda turi ruħha, se toħloq fid-dinja soċjeta ġdida ta’mħabba. maħfra u ħniena. (b) In-nar, mhux tal-infern, imma n-nar ta’ Pentekoste, i.e.tal-Ispirtu s-Santu li se jaħraq il-ħażen (mhux in-nies ħżiena) li hemm ġewwa fina. Ġesu għad jitkellem aktar fuq dan in-nar: “kemm nixtieq li ġa qed iħeġġeġ” biex jippurifikana u nibdew ngħixu skont il-qalb tiegħu. (ċ) Il-midra: riħ, mhux biex jissepara t-tajbin mill-ħżiena (dan kien tagħlim żbaljat għall-aħħar) imma hu r-riefnu ta’ Pentekoste li se jtajjar minn ġo qalbna il-qxur kollha tad-difetti tagħna u  b’hekk iħalli fina biss iż-żerriegħa t-tajba li se tagħmel il-frott.
  7. Dawn it-tliet tixbihat mhumiex messaġġi ta’ biża’ tal-infern, imma ta’ tama u ferħ. In fatti, Luqa jispiċċa dis-silta hekk: “U b’ħafna twissijet oħra (ta’ konsolazzjoni) kien ixandar lill-poplu il-Bxara t-Tajba.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.