It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2019: It-tama qiesha ankra li tinxteħet fuq in-naħa l-oħra tax-xatt. Il-Papa Franġisku uża din it-tixbiha fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, it-Tlieta 29 ta’ Ottubru 2019. B’din il-metafora l-Papa ried iwissina biex inkunu dejjem moħħna fil-laqgħa tagħna mal-Mulej għax jekk le, insiru korrotti u l-ħajja nisranija tagħna jkun hemm ir-riskju li ssir ‘duttrina filosofika’.
Ir-riflessjoni tal-Papa kienet imnebbħa mill-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħud mill-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani (8,18-25), li fiha l-Appostlu jgħanni innu lit-tama. Żgur li xi wħud mir-Rumani kienu marru jilmentaw, osserva Franġisku, u Pawlu jħeġġiġhom biex iħarsu ’l quddiem. Jgħidilhom: ‘Jien għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina,’ u kompla jkellimhom dwar il-Ħolqien li ħerqan qed jistenna r-rivelazzjoni.
Din hi t-tama: li ngħixu bit-tama ħerqana tar-rivelazzjoni tal-Mulej, mexjin lejn il-laqgħa miegħu. Nistgħu niltaqgħu mat-tbatijiet u l-problemi imma dan huwa ‘għada’ filwaqt li llum int għandek f’idejk ‘il-kapparra’ ta’ dil-wegħda li hi l-Ispirtu s-Santu li jistenniena u li qiegħed jaħdem minn issa.
Infatti t-tama tixbah lil ankra mitfugħa lejn ix-xatt l-ieħor waqt li aħna mqabbdin mal-ħabel tagħha. Mhux aħna biss, il-Ħolqien kollu jikseb il-ħelsien permezz tat-tama biex jidħol fil-glorja ta’ wlied Alla. U aħna wkoll, aħna li għandna f’idejna ‘l-ewwel frott tal-Ispirtu’ – il-kapparra – ‘ġewwa fina nitniegħdu bl-istennija tal-adozzjoni.’
It-tama hi li aħna ngħixu b’din it-tensjoni ġewwa fina, dejjem; bl-għarfien li l-bejta tagħna ma nistgħux nibnuha hawnhekk: il-ħajja tan-Nisrani dejjem ‘imxennqa lejn…’
Jekk Nisrani jitlef din il-perspettiva, ħajtu ssir statika u dak kollu li ma jiċċaqlaqx jikkorrompi ruħu. Niftakru ftit fl-ilma: meta l-ilma jkun qiegħed, ma jiġrix, ma jiċċaqlaqx, jeħżien. Nisrani li ma jkollux ħila jixxennaq, li ma jkunx moħħu fix-xatt l-ieħor, ikollu xi ħaġa nieqsa: jispiċċa korrott. Għalih, il-ħajja nisranija tkun duttrina filosofika, jgħixha hekk. Hu jgħid li din hi fidi imma fidi mingħajr tama mhi fidi xejn.
Il-Papa Franġisku osserva li hu diffiċli tifhem it-tama. Meta nitkellmu dwar il-fidi nifhmu li nemmnu f’Alla li ħalaqna, f’Ġesù li fdiena u nirreċitaw il-Kredu biex nistqarru ħwejjeġ konkreti tal-fidi. Jekk nitkellmu dwar il-karità nifhmu li din tfisser li nagħmlu l-ġid mal-proxxmu u mal-oħrajn, ħafna opri ta’ karità li jsiru mal-oħrajn.
Imma t-tama diffiċli tifhimha: huma biss il-foqra li jistgħu jkollhom din il-virtù l-aktar umli fost il-virtujiet l-oħra.
Jekk irridu nkunu bnedmin ta’ tama, jeħtieġ li nkunu foqra. Foqra, marbutin ma’ xejn. Foqra u miftuħin lejn ix-xatt l-ieħor. It-tama hi umli u hi virtù li rridu nibnuha kuljum. Kuljum irridu naqbdu mal-ħabel u naraw li l-ankra għadha mqabbda sewwa hemmhekk u jien qed inżomm magħha bil-ħabel. Kuljum jeħtieġ niftakru li f’idejna għandna l-kapparra, li huwa l-Ispirtu li jaħdem fina fl-affarijiet iż-żgħar.
Il-Papa kompla jfiehem kif ngħixu t-tama billi kkwota t-tagħlim ta’ Ġesù fis-silta tal-Evanġelju tal-lum (Lq 13, 18-21) meta jqabbel is-Saltna t’Alla maż-żerriegħa tal-mustarda mitfugħa fl-għalqa. Nistennewha tikber. Ma noqogħdux immorru kuljum biex naraw kif sejra għax inkella ‘ma tikber qatt’, qal il-Papa, li ried ifisser li għandu jkollna l-paċenzja għax, kif jgħid San Pawl, ‘it-tama teħtieġ il-paċenzja.’
Hi l-paċenzja li nafu li aħna niżirgħu imma huwa Alla li jkabbar. It-tama hija artiġjanali, hi ż-żergħa tal-qamħ li nħallu l-art tkabbarha. Meta tkellem dwar it-tama fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù juża wkoll it-tixbiha tal-ħmira li l-mara tħallat ma’ tliet siegħan dqiq. Ħmira li ma tibqax fil-friġġ imma tagħġen il-ħajja, l-istess kif iż-żerriegħa tindifen fl-art.
Għalhekk it-tama hi virtù li ma narawhiex: taħdem fis-satra; tgħinna nimxu ’l quddiem u nħarsu minn isfel għal fuq. Mhux faċli tgħix bit-tama, imma jiena ngħid, qal il-Papa, li għandha tkun l-arja li jieħu n-Nisrani, nifs ta’ tama; inkella n-Nisrani ma jkunx jista’ jimxi ’l quddiem għax ma jkunx jaf fejn hu sejjer.
It-tama ttina ċ-ċertezza. Dan żgur: it-tama ma tqarraqx. Qatt. Jekk tittama ma tisfax imqarraq. Hemm bżonn ninfetħu għall-wegħda tal-Mulej imxennqin għal dik il-wegħda bl-għarfien li hemm l-Ispirtu li qed jaħdem fina.
Jalla l-Mulej itina l-grazzja li ngħixu f’tensjoni, mhux minħabba n-nervi, il-problemi, le: f’tensjoni ta’ xenqa għall-Ispirtu s-Santu li jixħetna lejn ix-xatt l-ieħor u jżomm tixgħel fina t-tama.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.