Il-Papa f’Santa Marta: Għan-nisrani t-tama hi n-nifs li jieħu


It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2019: It-tama qiesha ankra li tinxteħet fuq in-naħa l-oħra tax-xatt. Il-Papa Franġsiku uża din it-tixbiha fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, it-Tlieta 29 ta’ Ottubru. B’din il-metafra l-Papa ried iwissina biex inkunu dejjem moħħna fil-laqgħa tagħna mal-Mulej għax jekk le, insiru korrotti u l-ħajja nisranija tagħna jkun hemm ir-riskju li ssir “duttrina filosofika”.

Ir-riflessjoni tal-Papa kienet imnebbħa mill-ewwel qari tal-liturġija tal-lum meħud mill-Ittra a’ San Pawl lir-Rumani (8,18-25), li fiha l-Appostlu jgħanni innu lit-tama.  Żgur li xi wħud mir-Rumani kienu marru jilmentaw, osserva Franġisku, u Pawlu jħeġġiġhom biex iħarsu ‘l quddiem. Jgħidilhom: “Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” u kompla jkellimhom dwar il-Ħolqien li ħerqan qed jistenna r-rivelazzjoni.

Din hi t-tama: li ngħixu bit-tama ħerqana tar-rivelazzjoni tal-Mulej, mexjin lejn il-laqgħa miegħu.  Nistgħu niltaqgħu mat-tbatijiet u l-problemi imma dan huwa ‘għada’  filwaqt li llum int għandek f’idejk ‘il-kapparra’ ta’ dil-wegħda li hi l-Ispirtu s-Santu li jistenniena u li qiegħed jaħdem minn issa.

Infatti t-tama tixbaħ lil ankra mitfugħa lejn ix-xatt l-ieħor waqt li aħna mqabbdin mal-ħabel tagħha.  Mhux aħna biss, il-Ħolqien kollu jikseb il-ħelsien permezz tat-tama biex jidħol fil-glorja ta’ ulied Alla.  U aħna wkoll, aħna li għandna f’idejna “l-ewwel frott tal-Ispirtu”, il-kapparra, ” ġewwa fina nitniegħdu bl-istennija tal-adozzjoni”.

It-tama hi li aħna ngħixu b’din it-tensjoni ġewwa fina, dejjem; bl-għarfien li l-bejta tagħna ma nistgħux nibnuha hawnhekk: il-ħajja tan-nisrani dejjem “imxennqa lejn….”

Jekk nisrani jitlef din il-perspettiva, ħajtu ssir statika u dak kollu li ma jiċċalqlaqx jikkorrompi ruħu.  Niftakru ftit fl-ilma: meta l-ilma jkun qiegħed, ma jiġrix, ma jiċċaqlax, jeħżien.  Nisrani li ma jkollux ħila jixxennaq, li ma jkunx moħħu fix-xatt l-ieħor, ikollu xi ħaġa nieqsa: jispiċċa korrott.  Għalih, il-ħajja nisranija tkun duttrina filosofika, jgħixha hekk.  Hu jgħid li din hi fidi imma fidi imma mingħajr tama mhi fidi xejn.

Il-Papa Franġisku osserva li hu diffiċli tifhem it-tama.  Meta nitkellmu dwar il-fidi nifhmu li nemmnu f’Alla li ħalaqna, f’Ġesù li fdiena u nirreċitaw il-Kredu biex nistqarru ħwejjeġ konkreti tal-fidi.  Jekk nitkellmu dwar il-karità nifhmu li din tfisser li nagħmlu l-ġid mal-proxxmu u mal-oħrajn, ħafna opri ta’ karità li jsiru mal-oħrajn.

Imma t-tama diffiċli tifhimha: huma biss il-foqra li jistgħu jkollhom din il-virtu l-aktar umli fost il-virtuwjiet l-oħra.

Jekk irridu nkunu bnedmin ta’ tama, jeħtieġ li nkunu foqra, foqra, marbutin ma’ xejn.  Foqra u miftuħin lejn ix-xatt l-ieħor.  It-tama hi umli u hi virtù li rridu nibnuha kuljum.  Kuljum irridu naqbdu mal-ħabel u naraw li l-ankra għadha mqabbda sewwa hemmhekk u jien qed inżomm magħha bil-ħabel.  Kuljum jeħtieġ niftakru li f’idejna għandna l-kapparra, li huwa l-Ispirtu li jaħdem fina fl-affarijiet iż-żgħar.

Il-Papa kompla jfiehem kif ngħixu t-tama billi kkwota t-tagħlim ta’ Ġesù fis-silta tal-Evanġelju tal-lum (Lq 13,18-21) meta jqabbel is-Saltna t’Alla maż-żerriegħa tal-mustarda mitfugħa fl-għalqa.  Nistennewha tikber.  Ma noqgħodux immorru kuljum biex naraw kif sejra għax inkella “ma tikber qatt”, qal il-Papa li ried ifisser li għandu jkollna l-paċenzja għax, kif jgħid San Pawl, “it-tama teħtieġ il-paċenzja”.

Hi l-paċenzja li nafu li aħna niżirgħu imma huwa Alla li jkabbar.  It-tama hija artiġjanali, hi ż-żergħa tal-qamħ li nħallu l-art tkabbarha.  Meta tkellem dwar it-tama fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù juża wkoll it-tixbiha tal-ħmira li l-mara tħallat ma’ tliet siegħan dqiq.  Ħmira li ma tibqax fil-friġġ imma tgħaġen il-ħajja l-istess kif iż-żerriegħa tindifen fl-art.

Għalhekk it-tama hi virtù li ma narawhiex: taħdem fis-satra; tgħinna nimxu ‘l quddiem u nħarsu minn isfel għal fuq.  Mhux faċli tgħix bit-tama, imma jiena ngħid, qal il-Papa, li għandha tkun l-arja li jieħu n-nisrani, nifs ta’ tama; inkella n-nisrani ma jkunx jista’ jimxi ‘l quddiem għax ma jkunx jaf fejn hu sejjer.

It-tama ttina ċ-ċertezza, dan żgur: it-tama ma tqarraqx.  Qatt.  Jekk tittama ma tisfax imqarraq.  Hemm bżonn ninfetħu għall-wegħda tal-Mulej imxennqin għal dik il-wegħda bl-għarfien li hemm l-Ispirtu  li qed jaħdem fina.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li ngħixu f’tensjoni, mhux minħabba n-nervi, il-problemi, le: f’tensjoni ta’ xenqa għall-Ispirtu s-Santu li jixħetna lejn ix-xatt l-ieħor u jżomm tixgħel fina t-tama.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.