137. Unità Nisranija Sħiħa tistà tinkiseb

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 30/08/1995.

1. Quddiem il-qasmiet attwali tal-insara, jistà jkun hemm tentattivi li jikkunsidraw li l-unità tal-Knisja ta’ Kristu ma teżistix, jew li tibqà biss ideal sabiħ lejn liema għandna naspiraw, imma li ma jitwettaqx jekk mhux fl-eskatoloġija.

Il-fidi tgħidilna iżda li l-unità tal-Knisja mhijiex biss tama tal-ġejjieni: din diġa teżisti. Ġesù Kristu ma talabx għalxejn għaliha. L-unità madankollu, għadha ma laħqitx it-twettiq tagħha viżibbli fl-insara, u anzi, bħal ma hu magħruf, kienet sottomessa tul is-sekli għal diversi diffikultajiet u provi.

B’mod simili wieħed irid jgħid li l-Knisja hija qaddisa, imma l-qdusija tagħha tesiġi proċess kontinwu ta’ konverżjoni u ta’ tiġdid min-naħa tal-fidili ndividwali u tal-komunitajiet. F’dan tinserixxi ruħha wkoll id-domanda umli ta’ maħfra għall-ħtijiet imwettqa. U iktar: il-Knisja hija kattolika, imma d-dimensjoni universali tagħha trid turi ruħha dejjem b’mod maġġuri grazzi għall-attività missjunarja, għall-inkulturazzjoni tal-fidi u għall-isforz ekumeniku immexxi mill-Ispirtu Santu, sal-attwazzjoni sħiħa tas-sejħa divina għall-fidi fi Kristu.

2. Il-problema tal-ekumeniżmu mhijiex, għalhekk, li tispira mix-xejn unità li s’issa għadha ma teżistix, imma li ngħixu pjenament u fedelment, taħt l-azzjoni tal-Ispirtu Santu, dik l-unità li fiha l-Knisja kienet ikkostitwita minn Kristu. Hekk jiċċara ruħu s-sens veru tat-talb għall-unità u tal-isforzi meħuda biex jassikuraw l-ftehim bejn l-insara (cf. Lettera enciclica Ut unum sint, 21). Dan ma jfissirx sempliċement li tqiegħed flimkien xi ridiet tajbin biex toħloq xi ftehim: jinħtieġ pjuttost li tilqà b’mod sħiħ l-unità mixtieqa minn Kristu u b’mod kontinwu rregalaha mill-Ispirtu. Għaliha wieħed ma jistax jasal b’mod sempliċi bil-punti ta’ ftehim miftehma mill-baxx; jeħtieġ pjuttost li kull wieħed u waħda ninfetħu biex sinċerament nilqgħu l-impuls li jiġi mill-Għoli, billi nsegwu bil-ħlewwa l-azzjoni tal-Ispirtu li trid tgħaqqad lill-bnedmin f’”merħla waħda,” taħt “Ragħaj wieħed” (cf. Ġw 10, 16), Kristu Sidna.

3. L-unità tal-Knisja trid mela tkun meqjusa b’mod speċjali bħala don li jiġi mill-Għoli. Poplu tal-mifdijin, il-Knisja għandha struttura singolari, li tvarja minn dik li tirregola s-soċjetajiet umani. Dawn jagħtu lilhom infushom, meta jkunu laħqu l-maturità meħtieġa u permezz ta’ proċessi propji, awtorità li tmexxi u tfittex li tassikura l-konfluwenza ta’ kulħadd lejn il-ġid komuni.

Il-Knisja, iżda, tirċievi l-istituzzjoni tagħha minn  Dak li waqqafha, Ġesù Kristu, Bin Alla inkarnat. Bl-awrorità propja, Huwa bniha billi għażel tnax-il raġel u għamilhom appostli, jiġifieri mibgħutin, sabiex ikomplu f’ismu l-opra tiegħu; fost dawk it-Tnax għażel wieħed, l-appostlu Pietru, li lilu qal: “Xmun… jiena tlabt għalik; u int, ladarba tiġi lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek” (Lq 22, 31-32).

Pietru huwa, mela, wieħed mit-Tnax, bid-dmirijiet tal-Appostli l-oħra; lilu, bdanakollu, Kristu ried jafdalu dmir ieħor: dak li jwettaq lil ħutu fil-fidi u fl-interess tal-karità reċiproka. Il-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru huwa don li Kristu ta lill-Għarusa tiegħu, sabiex f’kull żmien tkun ippreservata u promossa l-unità tal-poplu kollu ta’ Alla. L-Isqof ta’ Ruma, għalhekk, huwa s-servus servorum Dei, maħtur minn Alla bħala “bidu perpetwu u viżibbli u pedament tal-unità” (Lumen Gentium, 23; cf. Ut unum sint, 88-96).

4. L-unità tal-Knisja ma turix ruħha għal kollox sakemm l-insara ma jagħmlux propja din ir-rieda ta’ Kristu, billi jilqgħu, fost id-doni ta’ grazzja, wkoll l-awtorità li Huwa ta lill-Appostli, dik l-istess awtorità li llum tiġi eżerċitata mill-Isqfijiet, is-Suċċessuri tagħhom, f’komunjoni mal-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma, Suċċessur ta’ Pietru. Madwar dan iċ-“ċenaklu ta’ apostoliċità”, ta’ istituzzjoni divina, hija msejħa biex twettaq ruħha f’livell viżibbli, permezz tal-qawwa tal-Ispirtu Santu, dik l-istess unità tal-fidili kollha fi Kristu, li għaliha huwa talab b’qawwa kbira.

Ma jkunx skont l-Iskrittura u t-Tradizzjoni li nassumu fil-Knisja tip ta’ awtorità fuq il-mudell tas-sistemi politiċi li żviluppaw tul l-istorja tal-umanità. Għall-kuntrarju, skont il-ħsieb u l-eżempju tal-Fundatur, lil min ikun imsejjaħ biex jifforma parti mill-kulleġġ apostoliku huwa mitlub li jaqdi, propju bħal Kristu li fiċ-Ċenaklu beda l-Aħħar Ċena billi ħasel riġlejn l-Appostli. “Bin il-bniedem infatti ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu” (Mk 10, 45). Jaqdi l-poplu ta’ Alla sabiex ilkoll ikunu qalb waħda u ruħ waħda!

5. Din hija l-bażi tal-istruttura tal-Knisja. Imma l-istorja  tfakkarna li tali ministeru ħalla fil-memorja tal-insara tal-Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali l-oħra xi tifkiriet dolorużi li jeħtieġ nippurifikaw. Id-dgħufija umana ta’ Pietru (cf. Mt 16, 23), ta’ Pawlu (cf. 2 Kor 12, 9-10) u tal-Appostli tenfasizza l-valur tal-ħniena ta’ Alla u tal-qawwa tal-grazzja tiegħu. It-tradizzjonijiet evanġeliċi, infatti, jgħallmuna li hija propju din il-qawwa tal-grazzja li tittrasforma lill-imsejħin għas-segwitu tal-Mulej u li tirrendihom wieħed fih. Il-ministeru ta’ Pietru u tas-suċċessuri tiegħu, fl-intern tal-kulleġġ tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom, huwa ministeru ta’ ħniena mwieled minn att ta’ ħniena ta’ Kristu” (Lettera enciclica Ut unum sint, 92).

Ir-Ragħaj it-Tajjeb ried li fis-sekli leħnu ta’ verità jkun mismugħ mill-merħla kollha li huwa akkwista permezz tas-sagrifiċċju tiegħu. Għal tali raġuni huwa afda lill-Ħdax mal-mexxej Pietru, u lis-suċċessuri tagħhom, il-missjoni li jgħassu bħal għassiesa, sabiex f’kull Knisja partikolari lilhom afdata titwettaq l-una, sancta, catholica et apostolica Ecclesia. Fil-komunjoni tar-Rgħajja mal-Isqof ta’ Ruma, mela, tiġi biex twettaq lilha nfisha x-xhieda għall-verità li hija wkoll sevizz ta’ unità, li fih l-irwol tas-suċċessur ta’ Pietru għandu post għal kollox speċjali.

6. Fit-tbexbix tal-millenju l-ġdid, kif ma nitolbux għall-insara kollha l- grazzja ta’ dik l-unità li kienet immeritata bi prezz hekk għoli mill-Mulej Ġesù? L-unità tal-fidi, fl-adeżjoni mal-Verità rivelata; l-unità tat-tama, fil-mixja lejn it-twettiq tas-Saltna ta’ Alla; l-unità tal-karità, bil-forom multipliċi tagħha u l-applikazzjonijiet fl-oqsma kollha tal-għixien uman. F’din l-unità l-konflitti kollha jistgħu jsibu soluzzjoni u l-insara kollha mifrudin ir-rikonċiljazzjoni tagħhom, biex naslu għall-iskop tal-komunjoni sħiħa u viżibbli.

“U li kieku kellna nistaqsukom jekk dan kollu huwiex possibbli, it-tweġiba hija dejjem: iva. L-istess tweġiba mismugħa minn Marija ta’ Nazzaret, għaliex xejn mhu mpossibbli għal Alla” (Lettera enciclica Ut unum sint, 102). Fi tmiem dan iċ-ċiklu ta’ katekeżi, tiġina f’moħħna l-eżortazzjoni tal-appostlu Pawlu: “Mill-bqija, ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom […]. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Kor 13, 11. 13).

Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading