136. Djalogu ma’ komunitajiet ta’ riforma


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 23/08/1995.

1. Fil-qasam tal-attwali sforz ekumeniku, irridu llum nitfgħu ħarsitna fuq il-Komunitajiet ekkleżjali numerużi li nibtu fil-Punet mill-perijodu tar-Riforma ‘il quddiem.

Il-Konċilju Vatikan II ifakkar li dawk il-Komunitajiet ekkleżjali “b’mod miftuħ jistqarru lil Ġesù Kristu bħala Alla u Mulej u uniku medjatur bejn Alla u l-bnedmin, għall-glorja ta’ Alla wieħed, Missier, Iben u Spirtu Santu” (Unitatis Redintegratio, 20). L-għarfien tad-divinità ta’ Kristu u l-professjoni ta’ fidi fit-Trinità jikkostitwixxu bażi sikura għad-djalogu, għalkemm waqt li nżommu quddiemna, bħal ma josserva l-istess Konċilju, “id-diskrepanzi mhux żgħar tad-dutrina tal-Knisja kattolika madwar Kristu Verb ta’ Alla inkarnat u l-opra tar-redenzjoni, u għalhekk madwar il-misteru u l-ministeru tal-Knisja u l-funzjoni ta’ Marija fl-opra tal-fidwa” (Unitatis Redintegratio, 20).

Mill-bqija, niftakru li differenzi notevoli jinsabu bejn l-istess Komunitajiet ekkleżjali , sal-punt li, “għad-diversità tagħhom ta’ oriġni, ta’ dutrina u ta’ ħajja spiritwali […] huwa diffiċli mhux ftit li tiddeskrivihom bi preċiżjoni” (Unitatis Redintegratio, 19). Anzi, fl-intern tal-istess komunjoni, mhuwiex rari li tintebaħ b’kurrenti dutrinali li ma jaqblux bejniethom, b’differenzi li saħansitra jmissu wkoll s-sustanza tal-fidi. Dawn id-diffikultajiet, madankollu, jirrendu iktar meħtieġa r-riċerka perseveranti tad-djalogu.

2. Element ieħor sinifikattiv li ma jonqosx li jħeġġeġ id-djalogu ekumeniku huwa “l-imħabba, il-qima u kważi l-kult tal-Iskrittura Mqaddsa li minnha dawn ħutna huma mbuttati “għal studju diliġenti u kostanti tal-Ktieb Sagru” (Unitatis Redintegratio, 21). Hawn, infatti, hija offruta l-possibiltà li jagħrfu u jaderixxu ma’ Kristu “sors u ċentru tal-komunjoni ekkleżjastika. Maħtufa mix-xewqa tal-għaqda ma’ Kristu, huma jħossuhom imbuttati biex ifittxu dejjem iktar l-unità tal-Knisja u biex jirrendu xhieda tal-fidi tagħha fost il-popli kollha” (Unitatis Redintegratio, 20).

Ma nistgħux ma nammirawhomx għal dan l-atteġġjament spiritwali tagħhom, li jinsab fl-oriġni, fost l-oħrajn, ta’ kisbiet prezzjużi fir-riċerka fil-qasam bibbliku. Fl-istess ħin, madankollu, hemm bżonn nagħrfu li jeżistu ċerti diverġenzi dwar il-fehim tar-rapport bejn l-Iskritturi Sagri, it-Tradizzjoni u l-Maġisteru awtentiku tal-Knisja. Dwar dan tal-aħħar, b’mod partikolari, huma jinnegaw l-awtorità deċiżiva fl-espożizzjoni tas-sens tal-Kelma ta’ Alla, bħal ma wkoll fis-silta ta’ tagħlim etiku għall-ħajja nisranija (cf. Lettera enciclica Ut unum sint, 69). Dan l-atteġġjament differenti  fil-konfront tar-Rivelazzjoni u tal-verità fiha msejsa m’għandux, madankollu, jimpedixxi, imma anzi għandu jistimula l-impenn komuni fid-djalogu ekumeniku.

3. Il-magħmudija li naqsmu ma’ dawn ħutna tirrapreżenta “ir-rabta sagramentali tal-unità, li teżisti fost dawk kollha li permezz tagħha kienu riġenerati” (Unitatis Redintegratio, 22). Kull imgħammed huwa nkorporat ma’ Kristu msallab u gglorifikat, u jiġi ġġenerat mill-ġdid biex jieħu sehem fil-ħajja divina. Imma huwa magħruf li l-magħmudija “weħedha hija biss il-bidu u l-ewwel dehra” tal-ħajja l-ġdida, metodika kif inhi “mal-professjoni integra tal-fidi, mal-inkorporazzjoni ntegrali fl-istituzzjoni tas-salvazzjoni, bħal ma Kristu riedha, u mal-inserzjoni sħiħa fil-komunjoni ewkaristika” (Unitatis Redintegratio, 22).

Fil-loġika tal-Magħmudija jinsabu, infatti, l-Ordni Sagri u l-Ewkaristija. Huma dawn iż-żewġ sagramenti li jonqos lil dawk li, propju minħabba n-nuqqas tas-saċerdozju, “ma kkonservawx s-sustanza ġenwina u integrali tal-misteru ewkaristiku” (Unitatis Redintegratio, 22), li madwaru tinbena l-komunità l-ġdida ta’ dawk li jemmnu. Jeħtieg, iżda, inżidu li l-Komunità ta’ wara r-Riforma “fiċ-Ċena Qaddisa jagħmlu t-tifkira tal-mewt u tal-Qawmien mill-Imwiet tal-Mulej”, “jipprofessaw li fil-komunjoni ta’ Kristu hija sinifikata l-ħajja u jistennew il-miġja glorjuża tiegħu” (Unitatis Redintegratio, 22), elementi dawn li javviċinawhom lejn id-dutrina kattolika.

Dwar dawn il-punti fundamentali kollha huwa partikularment meħtieġ li jkompli d-djalogu tejoloġiku, imħeġġa mill-passi sinifikattivi li diġa twettqu fid-direzzjoni t-tajba.

4. Laqgħat numerużi ta’ studju infatti saru f’dawn is-snin b’rappreżentanti kkwalifikati tad-diversi Komunitajiet ekkleżjali ta’ wara r-Riforma. Ir-riżultati ingħataw f’dokumenti ta’ interess kbir li fetħu prospettivi ġodda u, fl-istess ħin, ġagħluna nifhmu l-bżonn li niskandaljaw iktar fil-fond diversi argumenti (cf. Lettera enciclica Ut unum sint, 70). Hemm bżonn madankollu nagħrfu li l-varjetà dutrinali wiesgħa eżistenti f’dawn il-komunitajiet tirrendi l-proċess tqil, fl-intern tagħhom, għar-riċezzjoni sħiħa tar-riżultati milħuqa.

Hemm bżonn li nkomplu b’kostanza u rispett fit-triq tal-konfront fratern, billi nistrieħu b’mod speċjali fuq it-talb.  Propju għaliex ir-riċerka tal-unità sħiħa tesiġi konfront ta’ fidi bejn dawk li jemmnu li jirreferu ruħhom għall-uniku Mulej, it-talb huwa s-sors tal-illuminazzjoni dwar il-verità li għandha tintlaqà kollha kemm hi” (Lettera enciclica Ut unum sint, 70).

5. It-triq li baqà nimxu hija madankollu twila. Jeħtieġ inkomplu nsegwuha b’fidi u b’kuraġġ, mingħajr tlaqliq u imprudenzi. L-għarfien reċiproku u l-konverġenzi dutrinali milħuqa kellhom bħala konsegwenza tkabbir konfortanti affettiv u effettiv fil-komunjoni. Imma hemm bżonn li ma ninsewx li “l-iskop aħħari tal-moviment ekumeniku huwa l-istabiliment mill-ġdid tal-unità viżibbli sħiħa tal-imgħammdin kollha” (Lettera enciclica Ut unum sint, 77). Imfarrġin mir-riżultari diġa milħuqa, l-insara jridu jirduppjaw l-impenn.

Minkejja d-diffikultajiet antiki u ġodda li jostakolaw il-mixja ekumenika, aħna nserrħu mill-ġdid tama nkrollabbli “fit-talba ta’ Kristu għall-Knisja, fl-imħabba tal-Missier għalina u fil-qawwa tal-Ispirtu Santu” (Unitatis Redintegratio, 24), konvinti ma’ San Pawl li “it-tama ma  tiddiżappuntax, għaliex l-imħabba ta’ Alla kienet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu li ingħatalna” (Rm 5, 5).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb