73. Il-verġinità jew iċ-ċelibat għas-saltna tas-smewwiet

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  10/03/1982.

1. Illum nibdew nirriflettu dwar il-verġinità jew iċ-ċelibat “għas-saltna tas-smewwiet”.

Il-kwestjoni tas-sejħa għal donazzjoni esklussiva tiegħek innifsek lil Alla fil-verġinità u fiċ-ċelibat tgħaddas għeruqha b’mod profond fl-art evanġelika tat-tejoloġija tal-ġisem. Biex nagħrfu d-dimensjonijiet li huma propji tagħha, wieħed irid iżomm preżenti l-kliem, li bih Kristu għamel referenza għall-“bidu”, u wkoll dak, li bih huwa rrifera għall-qawmien mill-imwiet tal-iġsma. L-osservazzjoni: “Meta jqumu mill-imwiet . . ., la jieħdu mara u linqas raġel” (Mk 12, 25), tindika li hemm kondizzjoni ta’ ħajja nieqsa miż-żwieġ, li fiha l-bniedem, maskju u femmina, jsib f’salt wieħed il-milja tad-donazzjoni personali u tal-komunjoni intersoġġettiva tal-persuni, grazzi għall-glorifikazzjoni tal-esseri psikosomatiku tiegħu kollu fl-għaqda perenni ma’ Alla. Meta s-sejħa għar-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” isib eku fir-ruħ umana, fil-kondizzjonijiet tat-temporalità u jigifieri fil-kondizzjonijiet li fihom il-persuni ssoltu “jieħdu mara u jieħdu raġel” (Lq 20, 34), mhix diffiċli li tintebaħ b’sensibiltà partikulari tal-ispirtu uman, li diġa fil-kondizzjonijiet tat-temporalità donnha tantiċipa dak li bih il-bniedem isir parteċipi fil-qawmien mill-imwiet futur.

2. Madankollu dwar din il-problema, dwar din il-vokazzjoni partikulari, Kristu ma tkellimx fil-kuntest immedjat tad-djalogu tiegħu mas-Saduċej (cf. Mt 22, 23-30; Mk 12, 18-25; Lq 20, 27-36), meta kien irrifera għall-qawmien mill-imwiet tal-iġsma. Iżda kien tkellem (diġa qabel)fil-kuntest tad-djalogu mal-Fariżej dwar iż-żwieġ u fuq il-bażi tal-indissolubiltà tiegħu, kważi bħala estensjoni ta’ dak id-djalogu (cf. Mt 19, 3-9). Il-kliem konklussiv rigward l-hekk imsejħa ittra ta’ ripudju, permessa minn Mosè f’xi każi. Kristu jgħid: “Minħabba l-għebusija ta’ qalbkom Mosè ppermettilkom li tibagħtu n-nisa tagħkom, imma fil-bidu ma kienx hekk. Għalhekk ngħidilkom: Min jibgħat lil martu, jekk mhux fil-każ ta’ konkubinaġġ, u jiżżewweġ oħra, jikkummetti adulterju” (Mt 19, 8-9). Allura id-dixxipli li – kif wieħed jistà jiddeduċi mill-kuntest – kienu attenti jisimgħu dak id-djalogu u b’mod partikulari l-aħħar kliem ippronunzjat minn Ġesù, jgħidulu hekk: “Jekk din hija l-kondizzjoni tar-raġel fir-rigward tal-mara, mhux tajjeb li tiżżewweġ” (Mt 19, 10). Kristu jagħtihom din it-tweġiba: “Mhux kulħadd jistà jifhem dan,  imma dawk biss li lilhom ġie mogħti.    Infatti hemm ewnuki li twieldu hekk minn ġuf ommhom; hemm uħud li ġew magħmulin ewnuki mill-bnedmin, u hemm oħrajn li ġew magħmula ewnuki għas-saltna tas-smewwiet. Min jistà jifhem, ħa jifhem” (Mt 19, 11-12).

3. fir-rigward ta’ dan id-djalogu, irrakkuntat minn Mattew, nistgħu npoġġu d-domanda:X’kienu ħasbu d-dixxipli, meta, wara li kienu semgħu t-tweġiba mogħtija minn Ġesù lill-Fariżej dwar iż-żwieġ u l-indissolubiltà tiegħu, esprimew l-osservazzjoni tagħhom: “Jekk din hija l-kondizzjoni tar-raġel fir-rispett tal-mara, mhux tajjeb li tiżżewweġ”? Hu xhinu, Kristu kkonsidra dik iċ-ċirkustanza opportuna biex ikellimhom dwar ir-rażan voluntarju għas-saltna tas-smewwiet. Waqt li jgħid dan, huwa ma jiħux pożizzjoni direttament fir-rigward tal-espressjoni tad-dixxipli lanqas ma jibqà fil-linja tar-raġġjonament tagħhom. (Fuq il-problemi iktar dettaljata tal-esiġeżi ta’ din is-silta, ara per eżempju L. Sabourin, Il Vangelo di Matteo. Teologia e Esegesi, vol. II, pp. 834-836; The Positive Values of Consecrated Celibacy, in “The Way”, Supplement 10, summer 1970, p. 51; J. Blinzler, Eisin eunuchoi. Zur Auslegung von Mt 19, 12, “Zeitschrift für die Neutestamentliche Wissenschaft” 48 [1957] 268 ss.) Allura ma jweġibx: “Tajjeb li tiżżewweġ” jew “mhux tajjeb li tiżżewweġ”. Il-kustjoni tar-rażan għas-Saltna tas-smewwiet mhux ikkuntrastat maż-żwieġ, lanqas ma jibbaża ruħu fuq ġudizzju negattiv rigward l-importanza tiegħu. Mill-bqija, Kristu, waqt li tkellem preċedentement dwar l-indissolubiltà taż-żwieġ, kien irrifera għall-“bidu”, jiġifieri għall-misteru tal-ħolqien waqt li hekk indika s-sors ewlieni u fundamentali tal-valur tiegħu. Konsegwentement, biex inwieġbu għad-domanda tad-dixxipli, jew pjuttost biex niċċaraw il-problema minn posthom, Kristu jirrikorri għal prinċipju ieħor. Mhux minħabba l-fatt li “mhux tajjeb li tiżżewweġ”, jew aħjar mhux minħabba l-mottiv ta’ valur suppost negattiv taż-żwieġ huwa osservat ir-rażan minn dawk li fil-ħajja jagħmlu tali għażla għas-“Saltna tas-smewwiet” imma minħabba l-valur partikulari li huwa marbut ma’ tali għażla u li jinħtieġ li personaloment wieħed jiskopri u jilqà bħala propja vokazzjoni. U għalhekk Kristu jgħid: “Min jistà jifhem, ħalli jifhem”  (Mt 19, 12). Iżda immedjatament qabel jgħid: “Mhux kulħadd jistà jifhmu, imma dawk biss li lilhom ġie mogħti” (Mt 19, 11).

4. Kif wieħed jistà jara, Kristu, fit-tweġiba tiegħu għall-problema mqanqla mid-dixxipli, jippreċiża b’mod ċar regola biex wieħed jifhem kliemu. Fid-duttrina tal-Knisja tapplika l-konvinzjoni li dan il-kliem ma jesprimix kmandament li jobbliga lil kulħadd, imma parir li jirrigwarda biss xi ftit persuni: (Bl-istess mod il-qdusija tal-Knisja hija b’mod speċjali ffavorita mill-pariri multipli, li l-Mulej fil-Vanġelu jipproponi għall-osservanza tad-dixxipli tiegħu. Fosthom jeċċella d-don prezzjuż tal-grazzja divina, mogħti mill-Missier lil xi wħud  [cf. Mt 19, 11; 1 Cor 7, 7], għaliex b’mod iktar faċli b’qalb indiviża jikkonsagraw ruħhom lil Alla biss fil-verġinità jew fiċ-ċelibat [Lumen Gentium, 42]) dawk appuntu li huma kapaċi “jifmuh”. U huma kapaċi “jifhmuh” dawk biss li “lilhom ġie mogħti”. Il-kliem ikkwotat jindika b’mod ċar il-mument tal-għażla personali u fl-istess ħin il-mument tal-grazzja partikulari, jiġifieri tad-don li l-bniedem jirċievi biex jagħmel tali għażla. Wieħed jistà jgħid li l-għażla tar-rażan għas-Saltna tas-smewwiet hija orjentament kariżmatiku lejn dak l-istat eskatoloġiku, li fih il-bnedmin la jieħdu mara u linqas raġel”: madankollu, bejn dak l-istat tal-bniedem fil-qawmien mill-imwiet tal-iġsma u l-għażla voluntarja tar-rażan għas-Saltna tas-smewwiet fil-ħajja terrena u fl-istat storiku tal-bniedem imwaqqà u mifdi, teżisti differenza essenzjali. Dak il-“ma nizzewwiġx”eskatoloġiku se jkun “stat”, jiġifieri il-mod propju u fundamentali tal-eżistenza tal-esseri umani, irġiel u nisa, fl-iġsma tagħhom igglorifikati. Ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet, bħala frott ta’ għażla kariżmatika, huwa eċċezzjoni imqabbel mal-istat l-ieħor, jiġifieri  ma’ dak li fih il-bniedem “mill-bidu” sar u jibqà parteċipi tul il-kors tal-eżistenza terrena kollha.

5. Huwa tassew sinifikattiv li Kristu ma jgħaqqadx b’mod dirett kliemu dwar ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet mat-twissija bil-quddiem tad-“dinja l-oħra”, li fiha “la jieħdu mara u linqas raġel” (Mk 12, 25). Kliemu, iżda, jinsab – kif diġa għidna – fl-estensjoni tad-djalogu mal-Fariżej, li fih Ġesù għamel referenza “għall-bidu”, waqt li indika l-istituzzjoni taż-żwieġ da parti tal-Ħallieq u waqt li fakkar il-karattru indissulibli li, fil-pjan ta’ Alla, jikkorrispondi mal-unità konjugali tar-raġel u tal-mara.

Il-parir u allura l-għażla kariżmatika tar-rażan għas-Saltna tas-smewwiet huma marbutin, fil-kliem ta’ Kristu, bl-ikbar rikonoxximent tal-ordni “storiku” tal-eżistenza umana, relattiva għar-ruħ u għall-ġisem. A bażi tal-kuntest immedjat tal-kliem dwar ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet fil-ħajja terrena tal-bniedem, jinħtieġ naraw fil-vokazzjoni għal tali rażan tip ta’ eċċezzjoni għal dik li hi pjuttost regola komuni ta’ din il-ħajja. Kristu jinnota speċjalment dan. Li mbagħad tali eċċezzjoni tagħlaq fiha l-avanz tal-ħajja eskatoloġika nieqsa miż-żwieġ u propja tad-“dinja l-oħra” (jiġifieri tal-istadju finali tas-“Saltna tas-smewwiet”). Kristu hawn ma jitkellimx b’mod dirett.  Hija, tassew, mhux dwar ir-rażan fis-Saltna tas-smewwiet, imma dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-smewwiet”, L-idea tal-verġinità jew taċ-ċelibat, bħala avanz u sinjal eskatoloġiku (cf., ex. gr., Lumen Gentium, 44; Perfectae Caritatis, 12), tirriżulta mill-assoċjazzjoni tal-kliem hawn ippronunzjat ma’ dak li Ġesù  jesprimi f’ċirkustanza oħra, jew aħjar fid-djalogu mas-Saduċej, meta jħabbar il-qawmien futur mill-imwiet tal-iġsma.

Nerġgħu naqbdu din it-tema matul ir-riflessjonijiet li jmiss ta’ nhar t’ Erbgħa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading