74. Ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  17/03/1982.

1. Inkomplu r-riflessjoni dwar il-verġinità jew iċ-ċelibat għas-Saltna tas-smewwiet: tema mportanti wkoll għal tejoloġija sħiħa tal-ġisem.

Fil-kuntest immedjat tal-kliem dwar ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet, Kristu jagħmel konfront tassew sinifikattiv; u dan iwettaqna iktar aħjar fil-konvinzjoni li huwa jrid jgħaddas l-għeruq tal-vokazzjoni b’mod profond għal tali rażan fir-realtà tal-ħajja terrena, u hekk javanza fil-mentalità tas-semmiegħa tiegħu. Infatti huwa jelenka tliet kategoriji ta’ ewnuki.

Dan it-terminu jirrigwarda d-difetti fiżiċi li jirrendu mpossibbli il-prokrejattività taż-żwieġ. Appuntu tali difetti jispjegaw l-ewwel żewġ kategoriji, meta Ġesù jitkellem kemm dwar id-difetti konġeniti: “Ewnuki li twieldu hekk minn ġuf ommhom” (Mt 19, 11), kemm dwar id-difetti miksuba, ikkawżati minn intervent uman: “Hemm uħud li ġew irrenditi ewnuki mill-bnedmin” (Mt 19, 12). Fiż-żewġ każi għandhom mela x’jaqsmu ma’ stat ta’ vjolenza, għalhekk mhux voluntarju. La darba Kristu, fil-konfront tiegħu, jitkellem imbagħad dwar dawk “li rrendew lilhom infushom ewnuki għas-Saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12), bħala tielet kategorija, żgur li jagħmel dan biex  jagħraf ferm iktar il-karattru voluntarju soprannaturali tagħha. Voluntarju għaliex dawk li jagħmlu parti minn din il-kategorija “saru ewnuki”; soprannaturali, iżda, għaliex dan għamluh “għas-Saltna tas-smewwiet”.

2. Id-distinzjoni hija ċara ferm u qawwija ferm. Xejn inqas, qawwi u elokwenti huwa wkoll il-konfront. Kristu jkellem bnedmin, li t-tradizzjoni tal-allejanza l-antika ma kinitx għaddiet l-ideal taċ-ċelibat jew tal-verġinità. Iż-żwieġ kien hekk komuni li impotenza fiżika biss setgħet tikkostitwixxi eċċezzjoni. It-tweġiba mogħtija lid-dixxipli f’Mattew (Mt 19, 10-12) hija fl-istess ħin rivoluzzjoni, f’ċertu sens, għat-tradizzjoni kollha tat-Testment il-Qadim. Dan jikkonfermah eżempju wieħed biss, meħud mill-Ktieb tal-Imħallfin, għal-liema nirreferu hawn mhux tant minħabba l-iżvolġiment tal-fatt, daqskemm minħabba l-kliem sinifikattiv li jakkumpanjah. “Ġie lili permess. . .  nibki l-verġinità tiegħi” (Imħ 11, 37), tgħid bint Jefte lil missierha, wara li fehmet minn għandu li kienet iddestinata għas-sagrifiċċju minħabba wegħda magħmula lill-Mulej (fit-test bibbliku nsibu l-ispjega ta’ kif waslu għal dan). “Mur; – naqraw wara – u ħalliha tmur . . . Hija marret ma’ sħabha u bkiet fuq il-muntanji l-verġinità tagħha. Fi tmiem ix-xahrejn reġgħet lura għand missierha u hu għamel minnha dak li kien wiegħed fil-wegħda. Hija ma kinitx għarfet raġel” (Imħ 11, 38-39).

3. Fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim, minn dak li jirriżulta, mhemmx lok għal dan is-sinifikat tal-ġisem, li Kristu, waqt li jitkellem mir-rażan għas-Saltna ta’ Alla, irid  jippreżenta u jirrivela lid-dixxipli tiegħu. Fost il-persunaġġi li nafu, bħala mexxejja spiritwali tal-poplu tal-allejanza l-antika, mhemm ebda wieħed li kien ipproklama tali rażan bil-kliem jew bl-għemil. (Huwa minnu li Ġeremija kellu, permezz ta’ ordni espliċità tal-Mulej, josserva ċ-ċelibat [cf. Ġer 16, 1-2]; imma dan ma kienx “sinjal profetiku”, li kien jissimboleġġja l-abbandun futur u l-qerda tal-pajjiż u tal-poplu.)  Iż-żwieġ, dak iż-żmien, ma kienx biss stat komuni, imma, ferm iktar, f’dik it-tradizzjoni kien akkwista sinifikat ikkonsagrat mill-wegħda magħmula lill-Abraham mill-Mulej:  “Hawn jien: l-allejanza tiegħi hija miegħek u tkun missier ta’ multitudni ta’ popli . . .  U nirrendik fertili ħafna ħafna; se nagħmlek nazzjonijiet u minnek jitnisslu diversi slaten. Se nistabilixxi l-allejanza tiegħi miegħek u mad-dixxendenti tiegħek warajk minn ġenerazzjoni għal oħra, bħala allejanza perenni, biex inkun l-Alla tiegħek u tad-dixxendenza tiegħek warajk” (Ġen 17, 4.6-7). Għalhekk fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim iż-żwieġ, bħala sors ta’ fertilità u ta’ prokrejazzjoni minħabba d-dixxendenza, kien stat reliġjożament ipprivileġġjat: u pprivileġġjat mill-istess rivelazzjoni. Fuq l-isfond ta’ din it-tradizzjoni, skont liema l-Messija kellu jkun “Bin David” (Mt 20, 30), kienet ħaġa diffiċli li wieħed jifhem l-ideal tar-rażan. Kollox  kien jiffavorixxi ż-żwieġ: mhux biss r-raġunijiet tan-natura umana, imma wkoll dawk tas-Saltna ta’ Alla. (Huwa minnu, kif inhu magħruf mis-sorsi extrabibbliċi, li fil-perijodu intertestamentarju ċ-ċelibat kien miżmum fl-ambitu tal-Ġudaiżmu minn diversi membri tas-setta tal-Esseni  [cf. Giuseppe Flavio, Bell. Jud., II, 8, 2: 120-121; Filone Al., Hypothet., 11, 14]; imma dan kien iseħħ fil-marġni tal-Ġudaiżmu uffiċċjali u probabilment ma ppersistiex ‘il hemm mill-bidu tat-II seklu. Fil-komunità ta’ Qumran iċ-ċelibat ma kienx jobbliga lil kulħadd, imma  xi wħud mill-membri kienu jżommuh sal-mewt, waqt li kienu jittrasferixxu fuq il-bażi tal-konvivenza paċifika il-preskrizzjoni tad-Dewteronomju [23, 10-14] dwar il-purezza ritwali li kienet tobbliga fi żmien ta’ gwerra qaddisa. Skont t-twemminijiet tal-Qumranjani, tali gwerra kienet iddum dejjem “bejn ulied id-dawl u ulied id-dlam”; iċ-ċelibat mela allura kien għalihom l-espressjoni li tkun dejjem lest għall-battalja [cf. 1 Qm. 7, 5-7].)

4. Il-kliem ta’ Kristu f’tali ambitu kien jiddetermina żvolta deċiżiva. Meta hu ikellem lid-dixxipli tiegħu, għall-ewwel darba, dwar ir-rażan għas-Saltna tas-smewwiet, jinduna b’mod ċar li huma, bħala wlied it-tradizzjoni tal-Liġi l-Antika, kellhom jassoċjaw iċ-ċelibat u l-verġinità mas-sitwazzjoni tal-individwi, speċjalment tas-sess maskili, li minħabba xi difetti ta’ natura fiżika ma jistgħux jiżżewġu (“l-ewnuki”), u għalhekk jirreferi għalihom b’mod dirett. Din ir-referenza għandha sfond multiplu: kemm storiku kif ukoll psikoloġiku, kemm etiku kif ukoll reliġjuż. B’tali referenza Ġesù jmiss – f’ċertu sens – dawn l-isfondi kollha, bħallikieku ried jgħid: Naf li dak li se ngħidilkom issa għandu jqanqal diffukultà kbira fil-kuxjenza tagħkom, fil-mod tagħkom kif tifhmu s-sinifikat tal-ġisem, infatti, se nkellimkom, dwar ir-rażan, u dan jassoċja ruħu bla dubju fikom mal-istat ta’ defiċjenza fiżika, kemm imwielda biha kif ukoll akkwistata minħabba kawża umana. Jien iżda rrid ngħidilkom li r-rażan jistà wkoll ikun voluntarju u għażla tal-bniedem “għas-Saltna tas-smewwiet”.

5. Mattew fil-kap. 19. ma jsemmi ebda rejazzjoni mmedjata mid-duxxipli għal dan il-kliem. Insibuh iktar tard fil-kibiet tal-Appostli biss, speċjalment ta’ Pawlu (cf. 1 Kor 7, 25-40; vide etiam Ap 14, 4). Dan jikkonferma li tali kliem kien ittimbrat fil-kuxjenza tal-ewwel ġenerazzjoni tad-dixxipli ta’ Kristu, u mbagħad iffruttifika ripetutament u b’mod multiplu fil-ġenerezzjoni tal-konfessuri tagħhom fil-Knisja (u jistà jkun ukoll barra minnha). Mela, mill-punt di vista tat-tejoloġija  – jiġifieri tar-rivelazzjoni tas-sinifikat tal-ġisem, ġdid għal kollox fir-rispett tad-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim – dan huwa kliem ta’ bidla. L-analiżi tiegħu turi kemm hu preċiż u sustanzjali, minkejja l-qosor tiegħu (dan  ninnutawh ferm aħjar, meta nagħmlu l-analiżi tat-test pawlin tal-ewwel ittra lill-Korintin, kapitolu 7). Kristu jitkellem dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-smewwiet. B’dan il-mod irid jenfasizza li dan l-istat, magħżul b’mod kuxjenzjuż mill-bniedem fil-ħajja temporali, li fiha normalment il-bnedmin “jieħdu mara u jieħdu raġel”, għandu finalità singulari soprannaturali. Ir-rażan, ukoll jekk għażla b’mod kuxjenti u wkoll jekk deċiż b’mod personali, imma mingħajr dik il-finalità, ma jidħolx fil-kontenut tal-hekk imsejħa espressjoni ta; Kristu. Waqt li nitkellmu dwar dawk li għażlu b’mod kuxjenti ċ-ċelibat jew il-verġinità għas-Saltna tas-smewwiet (jiġifieri “irrendew lilhom infushom ewnuki”), Kristu jinnota – almenu b’mod indirett – li tali għażla, fil-ħajja terrena, hija magħquda maċ-ċaħda u wkoll ma; sforz spiritwali ddeterminat.

6. L-istess finalità soprannaturali – “għas-Saltna tas-smewwiet” – tammetti serje ta; interpretazzjonijiet iktar iddettaljati, li Kristu f’tali pass jinnumera. Wieħed iżda jistà jenfasizza li permezz tal-formula konċiża li biha hu jinqeda, tindika b’mod infdirett dak kollu li kien intqal dwar dik it-tema fir-Rivelazzjoni, fil-Bibbja u fit-Tradizzjoni; dak kollu li sar għana spiritwali tal-esperjenza tal-Knisja, li fih iċ-ċelibat u l-verġinità ffruttifikaw b’mod multiplu fil-ġenerazzjonijiet tad-dixxipli u segwaċi tal-Mulej.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >