Sintesi dwar l-ewwel tliet kapitli tal-Amoris Laetitia.

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (38)

31 ta’ Mejju 2016

Sintesi dwar l-ewwel tliet kapitli tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku, Amoris Laetitia. Dun Pawl Sciberras, Dun Ray Zammit, Dun Richard N Caruana

Il-Kummissjoni Teoloġika qed toffri sensiela ta’ sussidji teoloġiċi dwar l-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia. Illum se noffru sintesi dwar l-ewwel tliet Kapitli tal-Eżortazzjoni.

  

Amoris Laetitia – Kap I

Fid-Dawl tal-Kelma

 

Fil-paragrafu 6 tal-Eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba, il-Papa Franġisku jgħid: “Imbagħad infakkar xi elementi essenzjali tat-tagħlim tal-Knisja dwar iż-żwieġ u l-familja, biex imbagħad nidħol għaż-żewġ kapitli ċentrali, dedikati lill-imħabba”. Dan ifisser li l-kapitli 1-3 huma intenzjonati li jħejju għad-diskussjoni fuq l-imħabba fil-kapitli 4-5. Issa kapitli 1-3 jiddiskutu: 1) il-ferħ tal-imħabba “Fid-dawl tal-Kelma” (AL 8-30); 2) “ir-Realtajiet u l-isfidi tal-familji” (AL 31-57); u 3) “Il-ħarsa lejn Ġesù: is-sejħa tal-familja” (AL 58-88).

B’dan il-mod, l-Eżortazzjoni tiftaħ b’konverżazzjoni minn tliet toroq bejn il-Kelma ta’ Alla, id-dinja ta’ llum u t-tagħlim tal-Knisja. Il-kummentarju fuq 1 Kor 13, fil-paragrafi 89-119, fil-kapitlu 4, jagħmel parti, naturalment, mill-ħarsa fuq l-imħabba, iż-żwieġ u l-familja fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla f’Kapitlu 1.

Il-Bibbja hi “miżgħuda b’familji, b’ġenerazzjonijiet, bi stejjer ta’ mħabba u ta’ kriżijiet familjari. Dan jidher sa mill-ewwel paġni bil-familja ta’ Adam u Eva … sal-aħħar paġni, fejn inħarsu lejn it-tieġ tal-Għarusa u l-Ħaruf” (AL 8). L-imħabba hija ċentrali fejn jidħlu l-familja u ż-żwieġ fl-Iskrittura. Dak li jilma f’dan it-trijalogu huwa l-ferħ tal-ħajja ta-familja, l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li “ssuqna” (2 Kor 5:14) biex inħobbu lill-oħrajn.

Fl-ewwel kapitlu, il-Papa jiżviluppa meditazzjoni fuq is-Salm 128, karatteristiku tal-liturġija tat-tieġ Lhudi kif ukoll dak Nisrani. Nistgħu nitilqu mill-fatt li fil-Bibbja l-familja hija preżenti ħafna u ħajja biex nirriflettu kif il-familja mhix xi ideal astratt, imma “ħidma li titlob sengħa” (AL 16) minsuġa bi ħlewwa (AL 28), imma li sa mill-bidu tħabbat wiċċha wkoll mad-dnub, meta r-relazzjoni ta’ mħabba tinbidel f’ħakma, f’egoiżmu (AL 19). Għalhekk il-Kelma ta’ Alla “ma tidhirx bħala sekwenza ta’ ideat astratti, imma bħala sieħba fil-vjaġġ anki għall-familji li qegħdin fi kriżi jew għaddejjin minn xi tbatija, u turihom fejn trid tasal il-mixja tagħhom” (AL 22).

Din il-bażi Biblika tad-dawl tal-Kelma ta’ Alla fuq l-imħabba fiż-żwieġ toħroġ mill-fatt li “l-Evanġelju tal-familja jħaddan l-istorja tad-dinja, mill-ħolqien tar-raġel u l-mara fuq ix-xbieha u s-sura ta’ Alla sat-twettiq tal-misteru tal-patt fi Kristu fl-aħħar taż-żmien bit-tieġ tal-Ħaruf” AL 63; ara AL 8).

Mhux biss il-Bibbja tibda u tintemm biż-żwieġ, imma fin-nofs sew tagħha hemm il-pern taċ-ċelebrazzjoni tar-rabta taż-żwieġ fl-Għanja tal-Għanjiet. Din l-imħabba tant umana tipponta lejn l-imħabba divina u turi kif Kristu Ġesù jħobb il-Knisja tiegħu b’passjoni ta’ mħabba vera.

L-ewwel miraklu tiegħu Ġesù għamlu f’kuntest ta’ tieġ. U fil-qofol tal-analoġija Biblika sħiħa tal-imħabba sponsali, San Pawl isejjaħ it-twaħħid tal-miżżewġin f’ġisem wieħed bħala “misteru kbir”, imma misteru li jsib ir-riżoluzzjoni tiegħu fi Kristu u l-Knisja (Ef 5:31-32) (AL 11). Dan il-misteru kbir huwa t-tema ċentrali tar-rivelazzjoni kollha, ir-realtà ċentrali tagħha. Dan hu dak li Alla jixtieq jgħaddi lill-umanità kollha fil-Kelma tiegħu, jgħid il-Papa Ġwanni Pawlu II. “Alla tagħna fil-profond tal-misteru tiegħu mhuwiex solitudni imma hu familja, għax huwa fih innifsu missier (fatherhood), iben (sonship) u l-essenza tal-familja, li hi l-imħabba” (Puebla de Los Angeles (Mexico), Seminarju Maġġuri ta’ Palafox il-Ħadd, 28 ta’ Jannar 1979) (ara AL 12-13).

Donnu li għalhekk lil Eva Alla ħalaqha biex tkun “għajnuna tgħodd” għal Adam (Ġen 2:18-20), li fil-Lhudi tesprimi l-idea ta’ għajnuna li tista’ “toqgħod wiċċ imb’wiċċ ma’” (kenege) Adam, biex Adam−il-bniedem−ma joqgħod qatt waħdu (AL 12).

Li tkun Kristjan, għalhekk, ma jfissirx li toqgħod għal sett ta’ duttrini xotti u regoli ripressivi dwar l-għeruq tiegħek ta’ membru ta’ familja. Tfisser li titgħallem kif twassal l-iktar tixniq profond tal-qlub tagħna (eros) lejn dak li tassew jissodisfa: iż-żwieġ etern bejn Kristu u l-Knisja. Dan “iż-żwieġ tas-sema” huwa dak li aħna nixxennqu għalih, dak li aħna maħluqa għalih, dak li aħna destinati għalih. Dan huwa l-messaġġ li għandu l-ħila jwieġeb għat-tixniq l-aktar profond għall-infinità li hemm fil-qlub tagħna” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, 265).  Ir-regoli qegħdin hemm għal għan wieħed u għan wieħed biss: li jgħinuna nimmiraw lejn it-tixniq fid-direzzjoni t-tajba.

Jekk il-Kristjaneżmu ma jkunx ingastat b’dan il-mod—fix-xewqa appassjonata ta’ Alla għal għaqda magħna u t-tfittix tagħna għal sodisfazzjon veru tal-eros fina f’għaqda miegħu—ma jibqax jiftiehem u jsir bla sens. Iktar minn hekk ukoll, jista’ jinbidel f’xi ħaġa qerrieda għall-umanità tagħna.

X’inhu, mela, x-xogħol tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida? Mhu xejn iktar milli nagħtu widen għas-sejħa ta’ Ġesù biex “[im]morru fit-toroq ewlenija u [ni]stiednu lil kulħadd jidħol għall-festa tat-tieġ” (Mt 22:9). Dak li jagħmel il-Papa Franġiksu fl-Eżortazzjoni Amoris Laetitia hu li jifrex l-istedina għal kulħadd, imkissra kemm huma mkissra ħajjithom u r-relazzjonijiet tagħhom.

Dun Paul Sciberras

Amoris Laetitia – Kap II

L-Esperjenza u l-Isfidi tal-Familji

Il-Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fiż-Żminijiet tal-lum tibda bil-kliem, ferm magħruf: “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu” (Gaudium et Spes, 1). Huwa forsi minħabba dan li l-Papa Franġisku jagħżel li jiffoka fuq ‘realtajiet konkreti’ li għaddejja minnhom il-familja llum (AL 31), filwaqt li jindika li “ma jeżisti l-ebda sterjotip tal-familja ideali, imma minflok, mużajk li joffri sfida, mużajk tar-realtajiet differenti, bil-ferħ, it-tamiet u l-problemi kollha tagħhom” (AL 57).

L-importanza tal-familja

Il-Papa huwa ċar li l-futur tad-dinja u tal-Knisja jiddependi fuq kemm il-familja sejra tajjeb jew le (AL 31). Meta l-familja bħala soċjetà naturali tiddgħajjef dan mhux tajjeb, u jhedded l-iżvilupp matur tal-individwi, it-tkabbir tal-valuri komunitarji, u l-progress morali tal-bliet u tal-pajjiżi (AL 52). Għalhekk huwa jagħmilha ċara li “unjonijiet li huma temporanji jew magħluqa għat-trasmissjoni tal-ħajja umana” ma jistgħux jassiguraw il-futur tas-soċjetà (AL 52). Il-Papa huwa grat li l-maġġoranza tan-nies jagħtu importanza lir-relazzjonijiet fil-familja li huma permanenti u mmarkati bir-rispett lejn xulxin; dawn in-nies japprezzaw il-gwida tal-Knisja u jagħmlu esperjenza tal-grazzja fis-sagramenti tar-Rikonċiljazzjoni u tal-Ewkaristija li tgħinhom jiffaċċjaw l-isfidi taż-żwieġ u tal-familja. Il-Papa Arġentin huwa wkoll grat “għax-xhieda ta’ tant żwiġijiet li mhux biss kienu dejjiema, imma wkoll taw il-frott u kienu mimlija mħabba” (AL 38).[1]

Liema sfidi qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-familji?

Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku jistqarr li hemm numru ta’ aspetti li jikkaratterizzaw il-mużajk tal-familji tal-lum. L-individwaliżmu estrem jittrasforma l-membri tal-familja f’units iżolati li l-personalitajiet tagħhom ikunu ffurmati minn xewqat assoluti (AL 33). Jekk jieħu direzzjoni ħażina, il-personaliżmu li jagħżel l-awtentiċità kontra sempliċi konformiżmu iwassal għal suspett, biża’ minn impenn, self-centredness u arroganza (AL 33). Il-libertà li spiss hawn min iħawwadha ma’ atti arbitrarji li mhumiex marbutin ma’ veritajiet, valuri jew prinċipji, twassal għal inabbiltà li persuna tagħti lilha nfisha b’mod ġeneruż meta tkun nieqsa minn għanijiet nobbli u dixxiplina personali (AL 33-34). Relazzjoni affettivi jibdew isiru  xi ħaġa li malajr teħles minnha u tisfruttaha bl-istess mod li jsir bl-oġġetti materjali u bl-ambjent (AL 39), u għalhekk iż-żgħażagħ jaħarbu milli jibdew familja (AL 40).

Papa Bergoglio jisħaq dwar numru ta’ problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-familji: problemi li għandhom x’jaqsmu mal-housing (AL 44); it-tfal (li jitwieldu barra ż-żwieġ, l-esplojtazzjoni sesswali tagħhom; u t-tfal tat-triq) (AL 45); il-migrazzjoni (AL 46) u persuni bi bżonnijiet speċjali (AL 47) li jservu bħala prova għall-impenn li tintwera ħniena meta jiġu milqugħin persuni vulnerabbli; l-anzjani, li hemm min jarahom bħala piż għax jikkaġunaw strain fuq l-għeżież tagħhom (AL 48); familji li jgħixu f’faqar estrem u single mothers (AL 49); addictions li jwasslu l-familji biex ma jirnexxilhomx jgħinu lill-membri tagħhom (AL 51); affezzjonijiet narċissistiċi (il-pornografija, il-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem, l-użu ħażin tal-internet, il-prostituzzjoni) li ma jwasslux għal maturità fil-ħajja affettiva u sesswali (AL 41); problemi fiż-żwieġ li jiġu affaċati bl-għaġla, mingħajr il-kuraġġ li wieħed juri paċenzja jew li jaħfer (AL 41); il-biża’ li wieħed ikollu l-ulied, liema biża’ huwa promoss mill-politika tas-saħħa riproduttiva, biża’ li jwassal għal tbatija ekonomika u nuqqas ta’ tama fil-futur (AL 42); l-indħil tal-Istat biex jippromwovi l-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni u l-abort (AL 42); u l-faqar kbir tal-kultura kontemporanja, jiġifieri li wieħed ikun waħdu (loneliness), liema stat jiġi meta wieħed ikollu lil Alla nieqes mill-ħajja tiegħu, kif ukoll jiġi minn fraġilità fir-relazzjonijiet (AL 43).

Quddiem dawn ir-realtajiet differenti u problemi, madankollu, il-Knisja “m’għandhiex tkun maqbuda fi stat fejn taħli … l-enerġija tagħha fi krib ta’ dwejjaq”. Minflok dan, forom ġodda ta’ “kreattività missjunarja”, “viżjonijiet profetiċi, azzjonijiet trasformattivi u forom kreattivi ta’ karità” (AL 57) għandhom jitfittxew, filwaqt li l-Knisja hi msejħa biex toffri kelma ta’ verità u ta’ tama, għax il-valuri taż-żwieġ u l-familja Nisranija jaqblu mal-għatx li huwa parti mill-eżistenza umana (AL 57).

Minflok ma tipprova timponi regoli permezz ta’ awtorità stretta, huwa meħtieġ  sforz aktar responsabbli u ġeneruż biex jiġu ppreżentati r-raġunijiet u l-motivazzjonijiet l-għala persuna tagħżel iż-żwieġ u kif tista’ twieġeb aħjar għall-grazzja ta’ Alla (AL 35). Sfortunatament, insistenza kważi esklussiva fuq il-prokreazzjoni, u fuq ideal teologiku kważi artifiċjali dwar iż-żwieġ, li hu ’l bogħod ħafna mis-sitwazzjonijiet konkreti u l-possibiltajiet prattiċi ta’ familji veri, ma għenx biex persuna tinġibed lejn iż-żwieġ u tixtiequ. Jekk nagħfsu biss fuq issues dottrinali, bioetiċi u morali, mingħajr ma ninkuraġġixxu l-ftuħ għall-grazzja, isir mhux biss diffiċli li ż-żwieġ jiġi propost bħala  mogħdija dinamika għall-fulfilment personali, imma wkoll ikun ristrett il-post tal-kuxjenza. U, kif ifakkarna l-Papa, “aħna ġejna msejħin biex niffurmaw il-kuxjenzi, u mhux nissostitwuhom” (AL 37).

Il-Knisja, għalhekk, għandha tkun “partikolarment impenjata biex tifhem il-persuni, toffri serħan u tilqa’ lil dak li jkun, minflok ma’ timponi sett ta’ regoli li jwasslu biss biex persuni jħossuhom iġġudikati u abandunati propju minn dik l-Omm li hi msejħa li turihom il-ħniena ta’ Alla” (AL 49). Fl-istess ħin, Papa Bergoglio jagħmilha ċara li hemm distinzjoni bejn “li wieħed jifhem id-dgħufija umana u l-komplessitajiet tal-ħajja fuq naħa, u li fuq naħa oħra wieħed ikun immexxi minn ideoloġiji, bħall-forom differenti ta’ teknika riproduttiva artifiċjali li jippruvaw itappnu l-aspetti inseparabbli tar-realtà” (AL 56), ċerti forom ta’ feminiżmu (AL 54), u l-ideoloġija tal-ġeneru li telimina l-bażi antropoloġika tal-familja (AL 56). Għalhekk, filwaqt li huwa leġittimu li niċħdu ċerti forom qodma tal-familja tradizzjonali, bħall-awtoritarjaniżmu u l-vjolenza, dan għandu jwassalna biex niskopru mill-ġdid t-tifsira awtentika tal-familja u t-tiġdid tagħha, liema famija ssib saħħitha fil-“kapaċità li tħobb u li tgħallem kif tħobb” (Al 53).

Dun Ray Zammit

(maqluba għall-Malti minn Dun Hector Scerri)

Amoris Laetitia –  Kap III

Il-ħarsa lejn Ġesù: il-vokazzjoni tal-familja

Jekk inxebbhu l-Eżortazzjoni Appostolika ma’ pjanta ta’ dar li takkumpanjana biex inżuru l-familja ta’ żmienna u nduqu l-ferħ tal-imħabba, allura nistgħu ngħidu li t-tielet kapitlu jindika l-għatba ta’ quddiem il-bieb prinċipali. Infatti, kif ifiehem il-Papa fil-bidu tad-dokument (AL 6), dan il-kapitlu jħejji lill-qarrej għall-parti ċentrali, jiġifieri l-kapitli IV u V li joffru riflessjoni għanja fuq l-imħabba. Wara li l-Papa jirrifletti fuq il-familja fid-dawl tal-Iskrittura Mqaddsa (kapitlu I) u jagħti stampa tar-realtà u l-isfidi tal-familji llum (kapitlu II), f’dan il-kapitlu hu jagħtina l-muftieħ biex permezz tiegħu l-Kelma ta’ Alla tkun tista’ tidħol u ddawwal ir-realtà konkreta tal-familja u s-sejħa tagħha fid-dinja tal-lum: il-ħarsa lejn Ġesù.

Dawn il-paragrafi jiġbru l-frott ta’ din il-ħarsa kontemplattiva li biha l-Isqfijiet miġbura madwar is-Suċċessur ta’ Pietru f’Ottubru 2014 u f’Ottubru 2015 ħarsu lejn il-familja bl-għajnejn ta’ Kristu (AL 60).  Fil-fatt minn 55 referenza li fih il-kapitlu, 27 minnhom jirreferu għad-dokumenti finali tas-Sinodi (ir-Relatio Synodi [2014] u r-Relatio finalis [2015]), u wieħed isib paragrafi sħaħ ta’ dawn id-dokumenti kkwotati f’din il-parti tal-Eżortazzjoni.

Dan il-kapitlu huwa attwazzjoni ta’ dak li l-Papa fisser fl-Evangelii gaudium (2013) dwar iċ-ċentralità  tal-ewwel tħabbira, jew “kerygma” għall-ħidma tal-evanġelizzazzjoni u t-tiġdid tal-Knisja (AL 58). Hu proprju mill-ħarsa lejn Kristu li trid titlaq ir-riflessjoni u t-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja: ħarsa li mhux biss twassal biex wieħed jara l-familja bl-għajnejn ta’ Kristu, imma biex wieħed jara lill-Kristu ħaj f’tant familji fejn tingħax l-imħabba (AL 59). Dan il-Kristo-ċentriżmu jikkaratterizza l-kapitlu kollu u l-mod kif jitkellem fuq it-tagħlim tal-Knisja dwar il-familja. Tabilħaqq f’din il-prospettiva tagħlim li ġeneralment jinstema’ bħala moraliżmu u esiġenzi li diffiċli tgħixhom, jidher bħala aħbar tajba li tferraħ qalb il-bniedem.

Fl-għajnejn ta’ Kristu ż-żwieġ għalhekk jilma bħala don tiegħU u l-kwistjoni allura mhijiex tant li titgħabba b’obbligi imma li tieħu ħsieb dan id-don divin, inkluża s-sesswalità (AL 61). Ir-rabta dejjiema taż-żwieġ mhijiex madmad li jagħfas fuq il-libertà tal-bniedem imma huwa don li l-Mulej jagħti lil dawk li jintrabu fiż-żwieġ (AL 62). Il-ħarsa lejn Ġesù tfakkarna li l-imħabba u l-fedeltà tal-miżżewġin hija possibli għax iż-żwieġ u l-familja ġew mifdija biex isiru mill-ġdid xbieha tat-Trinità li hija l-għajn ta’ kull imħabba ġenwina (AL 63).

Fil-ħidma tagħha mal-familji, il-Knisja trid tħares lejn Kristu ħalli timxi fuq l-eżempju tiegħu u titgħallem minnu l-ħniena. Hawn l-Eżortazzjoni toffri passaġġi kontemplattivi tal-atteġġjament ta’ Kristu mal-midinbin (64) u tal-ħajja moħbija tal-familja Mqaddsa f’Nazaret (AL 65, 66).

Dan il-pedament Kristo-ċentriku jidher ukoll fil-mod kif l-Eżortazzjoni tippreżenta t-tagħlim fuq iż-żwieġ u l-familja fid-dokumenti riċenti tal-Maġisteru tal-Knisja. Fil-qalba tal-familja hemm l-imħabba – kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II – li Ġesù bl-Inkarnazzjoni tiegħu saffa u wassalha għall-perfezzjoni. Hu jagħti lill-miżżewġin il-qawwa tal-Ispirtu tiegħu sabiex jgħixu l-imħabba u jibnu l-Ġisem ta’ Kristu u jkunu Knisja domestika (AL 67). Min-natura tagħha, l-imħabba tagħti l-ħajja u għalhekk hemm rabta ġewwinija bejn l-imħabba tal-miżżewġin u t-tnissil tal-ħajja kif spjega l-Beatu Pawlu VI fl-Enċiklika Humane Vitae (AL 68). Iż-żwieġ u l-familja – kif jgħallem San Ġwanni Pawlu II – huma tweġiba għas-sejħa li r-raġel u l-mara għandhom sabiex iħobbu u fl-għotja ta’ mħabbithom lil xulxin huma jibnu dik il-karità konjugali mwieżna bid-don tal-Ispritu ta’ Kristu (AL 69). L-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara, jispjega l-Papa Benedittu XVI, tilma b’mod sħiħ fid-dawl tal-imħabba ta’ Ġesù Msallab u meta l-miżżewġin jibnu ż-żwieġ tagħhom fuq l-imħabba esklussiva u definittiva jsiru xhieba tar-rabta ta’ Alla mal-poplu tiegħu u viċe-versa (AL 70).

Din il-ħarsa ta’ Kristu ma tridx tiġi nieqsa fil-mod kif nifhmu s-sagrament taż-Żwieġ u minħabba f’hekk hu meħtieġ li ssir riflessjoni aktar profonda fuq l-azzjoni divina waqt ir-rit taż-żwieġ (AL 75). Il-Papa jislet mit-tagħlim tal-Maġisteru, mid-dokumenti finali tas-Sinodi tal-Isqfijiet, mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u mil-Liġi Kanonika biex jippreżenta damma ta’ riflessjonijiet dwar x’għandna nifhmu biż-żwieġ-sagrament li mhuwiex “xi ħaġa” jew “qawwa” imma l-preżenza ta’ Kristu nnifsu fir-rabta tal-miżżewġin (AL 73). Hu minn Kristu li l-miżżewġin, xbiehet it-Trinità, jirċievu l-qawwa biex jagħtu xhieda tal-Vanġelu tal-imħabba ta’ Alla (AL 71) u bis-sinjal sagramentali jagħmlu mill-għotja tagħhom lil xulxin rappreżentazzjoni reali tal-istess rabta bejn Kristu u l-Knisja tiegħu (AL 72). Il-kelmiet tal-kunsens fir-rit sagramentali jagħtu sens lill-unjoni sesswali tal-miżżewġin u l-ħajja kollha tagħhom għandha tkun impenn biex iħaddmu l-grazzja tas-sagrament fin-nisġa tar-relazzjoni ta’ bejniethom, ma’ uliedhom u mal-oħrajn (AL 74).

Il-ħarsa ta’ Kristu trid tkun prinċipju ta’ dixxerniment fil-ħidma tal-Knisja mal-familja – mhux biss dawk Insara jew “perfetti”. Hawn il-Papa jfakkar fil-missjoni universali ta’ Kristu li jdawwal lil kull bniedem u bl-Inkarnazzjoni u l-Fidwa tiegħu jdawwal u jwettaq kulma jeżisti fil-ħolqien, inkluża l-imħabba umana u r-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin. Hu f’dan id-dawl Kristo-ċentriku li jridu jiġu mifhuma l-proprjetajiet naturali taż-Żwieġ. Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II dwar il-preżenza tas-semina Verbi fil-kulturi, hekk ukoll insibu ħjiel tal-preżenza ta’ Kristu f’kull familja fid-dinja li tipprova tgħix l-imħabba (AL 76, 77). Għad-dawl ta’ Kristu l-Knisja titgħallem dik il-pedagoġija divina biex tersaq lejn dawk il-membri tagħha li jikkoabitaw jew huma miżżewġa biss ċivilment jew huma ddivorzjati f’relazzjoni ġdida (AL 78). Hawn il-Papa jsemmi l-ħtieġa li l-Knisja żżomm flimkien l-fedeltà lejn il-Vanġelu (ċarezza fit-tagħlim duttrinali) u l-fedeltà lejn il-bniedem b’attenzjoni għas-sitwazzjonijiet kumplessi li fihom jinsab (AL 79). Dan huwa punt li l-Papa jiżviluppa f’aktar dettall fil-kapitlu VIII tal-Eżortazzjoni.

Fil-kuntest tal-imħabba l-Papa jtenni t-tagħlim tal-Knisja dwar li kull att sesswali bejn il-miżżewġin għandu jkun miftuħ għall-ħajja: din hija eżigenza tal-imħabba nnifisha li tilqa’ kull ħajja ġdida bħala don (AL 80, 81). L-imħabba tilqa’ l-ħajja f’kull kundizzjoni u fażi tagħha u l-familja hija msejħa biex tkun santwarju li tħares il-ħajja mill-bidu sal-mewt naturali (AL 82, 83). Papa Franġisku jsemmi l-missjoni tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ uliedhom (AL 85) u s-sehem tal-Knisja biex takkumpanjahom (AL 86).

Fl-aħħarnett, il-Papa jitkellem dwar ir-rabta bejn l-familja u l-Knisja, familja ta’ familji: il-Knisja hija ta’ ġid għall-familja u l-familja hija ta’ ġid għall-Knisja (AL 87) għax hija l-komunità Nisranija li ssostni lill-familja, filwaqt li l-familja, esperjenza primarja ta’ komunjoni (AL 86), tgħin lill-Knisja u lis-soċjetà jikbru fl-imħabba awtentika (AL 88).

Dun Richard-Nazzareno Farrugia

[1] Dan donnu jissostitwixxi  t-tria bona ta’ Santu Wistin: “Jalla dawn it-tlett aspetti tat-tajjeb fiż-żwieġ ikunu l-oġġett tal-imħabba tagħna: l-ulied, il-fedeltà u r-rabta li ma tinkisirx” (bonum prolis, bonum fidei, bonum sacramenti).

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading