Aspetti dwar l-Enċiklika Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwanni Pawlu II. It-Tielet Parti. Dun Hector Scerri

Print Friendly, PDF & Email

FORMAZZJONI U INFORMAZZJONI

MILL-KUMMISSJONI TEOLOĠIKA (37)

22 ta’ Marzu 2016

Aspetti dwar l-Ittra Enċiklika

Għani fil-Ħniena tal-Papa San Ġwann Pawlu II – It-Tielet Parti

(Ikompli minn numru 36 tas-serje formattiva u informattiva tal-Kummissjoni Teoloġika: preżentazzjoni dwar l-Ittra Enċiklika ‘Dives in Misericordia’ tat-30 ta’ Novembru 1980)

 

Il-Misteru tal-Għid

Il-Papa Ġwann Pawlu II jgħaddi mbagħad biex jurina kif il-quċċata tal-ħniena ta’ Alla sseħħ fil-Misteru tal-Għid tal-Iben.[1] Fil-fatt, is-sottotitlu li jagħti fil-bidu tal-par.7 hu dan: Il-ħniena tintwera fis-Salib u fil-qawmien mill-imwiet. Huwa jieqaf fuq diversi mumenti mill-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù, u permezz tagħhom jurina kif il-ħniena tal-Missier għalina l-bnedmin waslet biex Ibnu jbati dan kollu biex jifdina mid-dnub. Il-Papa, ukoll, joħroġ il-kuntrast bejn in-nuqqas ta’ ħniena murija lejn Ġesù, kemm minn dawk li ħaqruh b’kefrija, kif ukoll mid-dixxipli tiegħu li ħarbu ’l bogħod biex jibżgħu għal ġildhom, u l-fejqan li aħna rċevejna permezz tal-ħniena infinita tiegħu għalina (ara par.7 tal-Enċiklika).

Il-Papa jfisser, permezz ta’ kliem mill-isbaħ u profond mill-Kelma ta’ Alla, kif Kristu tgħabba bi dnubietna , “sar dnub għalina” (2 Kor 5:21) biex ipatti għall-inġustizzji kollha tal-umanità. Huwa jurina kif

“il-fidwa turi l-ħniena fil-milja kollha tagħha. Fil-misteru tal-Għid jidher u jseħħ il-qofol kollu tal-ħniena li tista’ tiġġustifika l-bniedem u ġġedded lill-istess ġustizzja, dik il-ġustizzja li hi l-ordni tas-salvazzjoni li Alla ried sa mill-bidu fil-bniedem, u, permezz tal-bniedem, fid-dinja. Kristu fi tbatijietu jkellem b’mod speċjali kull bniedem, u mhux biss il-bniedem li jemmen” (par.7).

Ġwanni Pawlu II jkompli jurina kif l-imħabba ta’ Alla murija lilna permezz tat-tbatija ta’ Ibnu hi aktar qawwija mill-mewt u mid-dnub. L-Iben tbaxxa u ċċekken daqshekk, kif jgħid San Pawl fl-innu kristoloġiku li hemm fl-Ittra lill-Filippin. Din il-ġrajja unika u tal-għaġeb li għadda minnha l-Iben ta’ Alla turina l-kobor tal-ħniena ta’ Alla. Il-Papa jurina wkoll kif permezz tal-Qawmien tiegħu mill-imwiet, Kristu jurina lil Alla tal-imħabba u l-ħniena. Permezz ta’ riflessjoni tokkanti u qawwija, huwa jgħallima wkoll li

“l-Iben ta’ Alla … fil-qawmien tiegħu mill-imwiet ġarrab bis-sħiħ il-ħniena, jiġifieri l-imħabba tal-Missier, imħabba li hija aktar qawwija mill-mewt. Hu Kristu wkoll, Kristu, l-Iben ta’ Alla, li sat-tmiem, anzi b’xi mod, aktar ’l hemm mit-tmiem tal-missjoni tiegħu bħala Messija, wera lilu nnifsu bħala għajn ta’ ħniena li qatt ma tonqos, għajn ta’ dik l-istess imħabba li, minn dak il-mument u matul il-ġrajja twila tas-salvazzjoni, fil-Knisja, qatt ma naqset li turi ruħha aktar qawwija mid-dnub. Kristu, fil-misteru tal-Għid, huwa l-inkarnazzjoni darba għal dejjem tal-ħniena u sinjal ħaj tagħha” (par.8).

Dan il-kliem elokwenti tal-Papa Ġwann Pawlu II ikompli jemfasizza kif il-Misteru tal-Għid tal-Mulej huwa l-quċċata tal-ħniena li Alla jsawwab fuq il-bnedmin imjassra mid-dnub. Fl-aħħar paragrafu ta’ din it-taqsima, il-Papa jitkellem dwar l-irwol ta’ Marija bħala l-Omm tal-ħniena. Jispjega kif Marija, aktar minn kull persuna oħra, għarfet x’inhi l-ħniena ta’ Alla. Minkejja li Marija hija assolutament mingħajr dnub, hi xorta waħda taf x’inhi l-ħniena divina. Taf li hi rċeviet kollox mingħand Alla li żejjinha b’kull grazzja. Tant kienet ħaġa waħda ma’ Binha waqt is-sagrifiċċju tiegħu fuq il-Kalvarju, li kienet xhud dirett tal-ħniena ta’ Alla fil-milja kollha tagħha. F’Għani fil-Ħniena, il-Papa Ġwann Pawlu II jistqarr:

“Marija hija dik li b’mod tassew tal-għaġeb, b’mod li ma hemmx ieħor bħalu, għarfet x’inhi l-ħniena … Fl-istess waqt, b’mod tassew speċjali, permezz tas-sagrifiċċju ta’ qalbha seta’ jseħħ it-tisħib tagħha fir-rivelazzjoni tal-ħniena ta’ Alla. Dan is-sagrifiċċju ta’ qalbha hu marbut b’rabta liema bħalha mas-sagrifiċċju ta’ Binha fuq is-Salib, li fejnu qagħdet fuq il-Kalvarju. Is-sagrifiċċju tagħha hu tisħib tassew speċjali fir-rivelazzjoni tal-ħniena, jiġifieri hu tisħib fil-fedeltà sħiħa ta’ Alla għal imħabbtu … Bħal Marija, Omm l-Imsallab, ħadd ma ġarrab il-misteru tas-Salib, jiġifieri l-għaqda tal-ġustizzja ta’ Alla, li tiżboq, kollox, mal-imħabba tiegħu tal-għaġeb: ‘il-bewsa’ mogħtija lill-ġustizzja mill-ħniena. Daqs Marija ħadd ma laqa’ f’qalbu dan il-misteru” (par.9).

Dan kollu juri kemm il-Verġni Marija hija ħaġa waħda mal-misteru tal-ħniena ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li l-Poplu Nisrani sa minn żminijiet bikrija, sejjaħ lil Marija bit-titlu Omm tal-ħniena! Insibu eku ta’ dan fil-par. 24 tal-Bolla Misericordiae Vultus tal-Papa Franġisku meta hu jiffoka fuq dan it-titlu wisq għażiż ta’ Marija: “Taħt is-salib, Marija flimkien ma’ Ġwanni, id-dixxiplu l-maħbub, hi xhud tal-kelmiet ta’ maħfra li joħorġu minn fomm Ġesù. L-ogħla maħfra offruta lil min sallbu turina sa fejn kapaċi tasal il-ħniena ta’ Alla. Marija tixhed li l-ħniena tal-Iben ta’ Alla ma tafx b’limiti u tilħaq lil kulħadd bla ma tħalli lil ħadd barra”.

“Ħniena … f’kull żmien”

Il-Papa Ġwann Pawlu II jgħaddi biex ikompli jitkellem dwar Alla, għani fil-ħniena, billi jfakkarna li din il-ħniena hija indirizzata lil kull persuna. Il-kliem tal-Verġni Marija fil-Magnificat huwa mhux biss ċar, imma profetiku wkoll: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu”. Quddiem il-bidliet mgħaġġla u serji li kontinwament iseħħu fl-istorja tal-umanità, il-Papa jurina kemm hu meħtieġ li l-bniedem jafda lilu nnifsu lill-ħniena ta’ Alla. Huwa jagħmel riferenza għall-progress fit-teknika, fil-komunikazzjoni, fl-industrijalizzazzjoni, kif ukoll għat-tbatija, l-inġustizzji u l-iżbilanċ fost il-popli tad-dinja. Dawn il-fatturi tal-aħħar joħolqu qtigħ il-qalb fil-bniedem. Huwa jkollu jġarrab nuqqas ta’ libertà, moħqrija u tkażbir għad-drittijiet tiegħu, faqar, miżerja, kriżi tal-verità u nuqqas ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġid (ara par.10 u 11).

Quddiem din ir-realtà kollha, li taffettwa wkoll il-membri tal-Knisja, il-Knisja tixtieq tkun strument effikaċi biex il-ħniena ta’ Alla tfejjaq l-istrutturi korrotti u morda ta’ żminijietna: “Il-Knisja flimkien mal-bnedmin kollha tal-lum, tixtieq bil-ħeġġa kollha ħajja ġusta fl-oqsma kollha, u qatt ma tonqos tistieden lill-bnedmin iqisu s-suriet kollha tal-ġustizzja, meħtieġa mill-ħajja tal-bniedem u tas-soċjetà. Prova ta’ dan l-interess tal-Knisja hu t-tagħlim soċjali tagħha” (par.12).

Il-Ħniena ta’ Alla fil-Missjoni tal-Knisja

Dak li għadna kemm għidna ftit ilu, ikompli jiġi żviluppat mill-Papa San Ġwann Pawlu II fis-seba’ taqsima tal-Ittra Enċiklika Għani fil-Ħniena. Quddiem tant ħażen u strutturi tad-dnub, il-Knisja għandha r-responsabiltà li twassal ċar il-messaġġ tal-ħniena ta’ Alla lil kulħadd.[2] Huwa jistqarr:

“Il-Knisja trid tistqarr u xxandar il-ħniena ta’ Alla fil-verità sħiħa tagħha … Fil-ħajja ta’ kuljum tal-Knisja, il-verità dwar il-ħniena ta’ Alla, imfissra fl-Iskrittura, tinstama’ bla qatt ma tieqaf, fil-ħafna qari tal-Liturġija mqaddsa. Is-sens veru tal-fidi (sensus fidei) tal-Poplu ta’ Alla wkoll jintebaħ b’din il-verità, kif jixhdu l-ħafna għemejjel ta’ tjieba ta’ kull xorta minn individwi u minn komunitajiet. … Il-Knisja tkun tgħix ħajja vera meta tistqarr u xxandar il-ħniena – l-aqwa attribut jew perfezzjoni ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej – u meta tressaq lill-bnedmin lejn l-egħjun tal-ħniena tas-Salvatur, li huma fdati lilha biex tħarishom u tqassam minnhom” (par.13).

Il-Knisja hija għalhekk imsejħa biex ixxandar il-konverżjoni kontinwa mhux biss tal-membri tagħha, imma wkoll tal-istrutturi tad-dnub li jeżistu fis-soċjetà. Il-Knisja għandha din ir-responsabiltà kbira biex ma tieqaf qatt ixxandar il-bidla tal-qlub. Hi tkompli tagħti sehemha biex jingħelbu firdiet bejn il-bnedmin minħabba l-ebusija ta’ qalbhom. Hu għalhekk li l-Knisja tkompli tħabrek biex tkun strument tal-ħniena fost il-bnedmin. Ispirata mill-eżempju tar-Ras tagħha, Ġesù Kristu – “eżempju li jqawwina u jħeġġiġna”, il-Knisja, bl-umiltà kollha, turi ħniena mal-oħrajn (ara par.14). Is-sejħa tal-Papa hija waħda ta’ purifikazzjoni awtentika, u ssejjaħ għal eżami ta’ kuxjenza tassew sinċier:

“Jeħtieġ li bla heda nsaffu kull għemil u kull fehma tagħna li bihom nuru l-ħniena li qed nagħmlu mal-oħrajn, minn għalina ġejja min-naħa tagħna biss. Veru għemil ta’ mħabba u ħniena huwa biss dak l-għemil li, aħna u qegħdin nagħmluh, inħossu fil-fond ta’ qalbna li dawk in-nies stess li qegħdin nuruhom ħniena, qegħdin juruna huma wkoll ħniena” (par.14).

Il-Papa Ġwann Pawlu II jkompli juri kif dan jista’ jseħħ tassew fil-prattika: it-tqassim sew tal-ġid materjali, l-ugwaljanza vera fost il-bnedmin, il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem, u l-ħolqien ta’ ċiviltà ta’ mħabba fil-qasam ekonomiku, politiku, kulturali u soċjali.

It-Talba tal-Knisja fi żminijietna

Fil-konklużjoni tal-Enċiklika tiegħu Għani fil-Ħniena, il-Papa San Ġwann Pawlu II jistqarr li l-Knisja hija msejħa biex titlob il-ħniena lil Alla. Il-Knisja, mela, mhux biss ixxandar il-ħniena ta’ Alla li aħna rajna fil-Misteru tal-Għid tal-Iben tiegħu magħmul bniedem għalina, imma wkoll tgħolli l-vuċi tagħha quddiem Sidha waqt li titolbu l-ħniena. Il-Knisja mhux biss għandu r-responsabiltà li timpenja ruħha biex titrawwem dejjem aktar soċjetà msejsa fuq il-ħniena fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin, imma wkoll li tittallab il-ħniena ta’ Alla. Il-Papa jgħid li hija għandha tagħmel dan “b’leħen għoli”, kif insibu fl-Ittra lil-Lhud (5:7). F’dan kollu, ir-responsabiltà tal-Knisja hija waħda kbira. Il-Papa, fil-fatt, jikteb hekk fl-Enċiklika:

“U jekk il-bniedem, illum, xi kull tant, m’għandux ħila jgħid il-kelma ‘ħniena’ jew jekk fil-kuxjenza tiegħu ma jsib xejn x’jixbaħ il-ħniena għax nieqes minn kull sentiment reliġjuż, wisq aktar kbira hi għalhekk il-ħtieġa li l-Knisja tgħidha din il-kelma ‘ħniena’, mhux biss f’isimha, imma wkoll f’isem il-bnedmin kollha ta’ żmienna. Kull ħaġa li għidt f’dan id-dokument fuq il-ħniena jeħtieġ li bla heda jinbidel f’talba mħeġġa, f’leħen għoli jitlob ħniena skont il-ħtiġijiet tal-bniedem fid-dinja tal-lum” (par.15).

Il-Papa jisħaq kontinwament dwar din is-sejħa tal-Knisja li tinterċedi f’isem il-bnedmin kollha quddiem Alla li huwa “għani fil-ħniena”. Il-membri kollha tal-Knisja huma msejħin biex jidħlu aktar fil-fond tal-misteru ta’ Alla permezz tat-talb, permezz tal-meditazzjoni fuq il-Kelma ta’ Alla u taċ-ċelebrazzjoni ħajja fil-Liturġija mqaddsa. U għaliex huma “l-melħ tal-art” u “d-dawl tad-dinja”, huma ma jistgħux jabdikaw mir-responsabiltà tagħhom li jkunu strumenti tal-ħniena ta’ Alla għall-umanità kollha, kif ukoll ikunu dawk li b’talba ħerqana jittallbu mhux biss għalihom infushom, imma għad-dinja kollha, il-ħniena tiegħu. Il-Papa San Ġwann Pawlu II jagħlaq l-Enċiklika tiegħu b’dan il-kliem:

“Il-Knisja twaqqfet biex turi lil Alla, il-Missier, li jħallina ‘narawh’ fi Kristu. Qawwija kemm hi qawwija r-reżistenza tal-istorja tal-bniedem, huma x’inhuma l-ħafna għażliet ta’ kull xorta ta’ ċiviltà ta’ żmienna, kbira kemm hi kbira ċ-ċaħda ta’ Alla fid-dinja tal-bnedmin tal-lum, wisq aktar trid il-Knisja tersaq qrib il-misteru, li moħbi għall-mijiet ta’ snin f’Alla, ġie fiż-żmien irrivelat lill-bniedem permezz ta’ Ġesù Kristu” (par.15).

Jekk dan il-kliem kien jgħodd fl-1980, meta nkitbet l-Enċiklika Għani fil-Ħniena, aktar u aktar għadu jgħodd għalina llum fis-sena 2016. Mhux biss jgħodd, imma meħtieġ ħafna. Għalhekk huwa providenzjali li l-Papa Franġisku nieda Ġublew tal-Ħniena.

Tmiem

 

Dun Hector Scerri

hector.scerri@um.edu.mt

[1] Ara Marcello Bordoni, “Annunciare Cristo, incarnazione della misericordia divina. L’enciclica Dives in Misericordia”, in Giovanni Paolo II Teologo. Nel segno delle encicliche, a cura di Graziano Borgonovo e Arturo Cattaneo, Milano 2003, pp. 94-95.

[2] Ara ibid., pp. 97-100.

%d bloggers like this: