Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-III ġimgħa tal-Għid

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
It-Tlieta

QARI I
Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi.
Atti 7, 51 – 8, 1a

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, Stiefnu qal lill-poplu, lix-xjuħ u lill-kittieba: “Ja nies ta’ ras iebsa, intom għalaqtu qalbkom u saddejtu widnejkom, u dejjem waqaftulu lill-Ispirtu s-Santu. Kif għamlu missirijietkom, qegħdin tagħmlu intom ukoll. Lil min mill-profeti ma ppersegwitawx missirijietkom? Huma qatlu lil dawk li ħabbru minn qabel il-miġja ta’ dak il-Ġust li issa intom stess ittradejtuh u qtiltuh, intom, li rċevejtu l-Liġi minn idejn l-anġli, u ma ħaristuhiex”.

Meta semgħu dan, ħassew kliemu jinfdilhom qalbhom u bdew jgħażżu snienhom kontra Stiefnu. Imma hu, mimli bl-Ispirtu s-Santu u b’għajnejh fis-sema, ra l-glorja ta’ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. U qal: “Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla”.

U huma nfexxew jgħajtu kemm jifilħu u jsoddu widnejhom. Imbagħad intefgħu fuqu lkoll f’daqqa, kaxkruh ’il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl.

Lil Stiefnu qabdu jħaġġruh huwa u jitlob u jgħid: “Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi”. Imbagħad niżel għarkupptejh u għajjat b’leħen għoli: “Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub”. U kif qal hekk, miet.

Sawl kien fehma waħda magħhom fil-mewt li tawh.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 30 (31), 3ċd-4. 6ab u 7b u 8a. 17 u 21ab

R/. (6a): Mulej, f’idejk jien nerħi ruħi
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta’ salvazzjoni.
Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f’ġieħ ismek mexxini u wassalni. R/.

F’idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa.
Imma jien fil-Mulej nittama.
Nifraħ u nithenna għat-tieba tiegħek. R/.

Uri d-dawl ta’ wiċċek lill-qaddej tiegħek;
fit-tieba tiegħek eħlisni.
Bil-ħarsien tiegħek tkenninhom
kontra t-tnassis tal-bnedmin. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 6, 35ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena hu l-ħobż tal-ħajja, jgħid il-Mulej.
Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mhux Mosè iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema.
Ġw 6, 30-35

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, in-nies staqsew lil Ġesù: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: “Tahom jieklu ħobż mis-sema”.

Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”.

Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading