Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-III ġimgħa tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

It-Tielet Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa

QARI I
Bdew ixandru l-kelma kull fejn marru.
Atti 8, 1b-8

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Dak iż-żmien qamet persekuzzjoni kbira kontra l-Knisja ta’ Ġerusalemm. Barra mill-appostli kulħadd xtered fl-artijiet tal-Lhudija u tas-Samarija. Xi rġiel twajba difnu lil Stiefnu, u bkewh ħafna. Sadattant Sawl kien qiegħed jagħmel ħerba mill-Knisja; kien jidħol minn dar għal oħra, jaqbad irġiel u nisa u jitfagħhom il-ħabs. Imma dawk li xterdu bdew ixandru l-kelma kull fejn marru. Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajjat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 65 (66), 1-3a. 4-5. 6-7a

R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!” R/.

“L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 6, 40

Hallelujah. R/. Hallelujah
Min jemmen fl-Iben, ikollu l-ħajja ta’ dejjem, jgħid il-Mulej,
u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Din hi r-rieda tal-Missier: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Ġw 6, 35-40

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx! Imma jiena ġa għedtilkom li, għalkemm rajtuni, ma emmintux. Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Din hi tabilħaqq ir-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu