Qari tal-Quddies tas-Sibt tal-XXI ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin.
1 Tess 4, 9-11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, fuq l-imħabba tal-aħwa ma għandniex għalfejn niktbulkom; intom stess tgħallimtu mingħand Alla kif għandkom tħobbu lil xulxin. U dan intom qegħdin tagħmluh mal-aħwa kollha li jinsabu fil-Maċedonja kollha.

Inħeġġukom, ħuti, li tagħmlu iktar minn hekk. Fittxu li tgħixu fil-kwiet, kulħadd jagħmel li għandu jagħmel u taħdmu b’idejkom, kif ġa għednielkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 97 (98), 1, 7-8.9

R/. (9): Il-Mulej jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,
id-dinja u kulma jgħammar fiha.
Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,
u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ. R/.

Quddiem il-Mulej, għax ġej
biex jagħmel ħaqq mill-art;
hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 13, 34

Hallelujah. R/. Hallelujah
Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:
bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Int kont fidil fil-ftit; idħol fl-hena ta’ sidek.
Mt 25, 14-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal din il-parabbola lid-dixxipli tiegħu: “Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skont il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu.

Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. Qallu: “Sinjur, ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”.

Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu