Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-XXI ġimgħa matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

Il-Wieħed u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom.
1 Tess 4, 1-8

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed.

Tafu x’tagħlim tajniekom permezz ta’ Sidna Ġesù. Dan irid Alla minnkom: il-qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-qdusija u l-ġieħ, u ma jħallix il-passjoni tegħlbu bħall-pagani li ma jagħrfux lil Alla. F’din il-ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh, għax il-Mulej jaf jitħallas ta’ dan kollu, kif ġa għednielkom qabel u tajniekom xhieda. Għax Alla ma sejħilniex biex ngħixu fiż-żína, imma fil-qdusija. Għalhekk min iwarrab dan it-tagħlim, ikun iwarrab mhux lill-bniedem, iżda lil Alla li takom l-Ispirtu qaddis tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
92 93

SALM RESPONSORJALI
Salm 96 (97), 1 u 2b. 5-6. 10. 11-12

R/. (12a): Ifirħu, ġusti, fil-Mulej

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,
u jifirħu l-ħafna gżejjer!
Sħab u dlam hemm madwaru;
is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Bħax-xama’ jdubu l-muntanji quddiem il-Mulej,
quddiem is-Sid tal-art kollha.
Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;
jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu. R/.

Iħobb il-Mulej lil min jobgħod il-ħażen,
iħares il-ħajja ta’ ħbiebu,
jeħlishom minn idejn il-ħżiena. R/.

Ifeġġ id-dawl fuq il-ġust,
u l-hena għal qalb in-nies sewwa.
Ifirħu, ġusti, fil-Mulej,
u faħħru l-isem qaddis tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 36

Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!
Mt 25, 1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

Imbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!”. Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin: “Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew”. Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom”.

Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!”. Iżda hu weġibhom u qal: “Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx”.

Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading