Qari tal-Quddies tal-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel. (F)

Print Friendly, PDF & Email

Stampa t-test tal-qari …

29 ta’ Settembru
L-Arkanġli Mqaddsa, Mikiel, Gabrijel u Rafel
Festa

QARI I
Daniel 7: 9-10.13-14
Jew
Apok 12: 7-12a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fil-għomor qagħad bilqiegħda; ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf; ilsna tan-nar it-tron tiegħu, nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu; xmara ta’ nar kienet għaddejja, ħierġa minn quddiemu; eluf ta’ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf quddiemu.

Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu. Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, ġieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Jew
Apok 12: 7-12a

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi

Qamet gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun. U d-Dragun u l-anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħlbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema. U kien imwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu. 1U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid:

“Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa,
u s-Saltna ta’ Alla tagħna,
u s-setgħa tal-Messija tiegħu,
għax twaddab ’il barra dak li jixli ’l ħutna,
li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.
11U huma ħarġu rebbieħa fuqu
permezz tad-demm tal-Ħaruf
u bis-saħħa tal-kelma li xehdu,
u ma għożżewx ħajjithom,
minkejja saħansitra l-mewt.
12Għalhekk ifirħu, smewwiet,
u intom li tgħammru fihom.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

SALM RESPONSORJALI
Salm 137: 1-5

R/. Quddiem l-Anġli niżżik ħajr, Mulej!

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,
quddiem l-anġli rrid ngħannilek.
Ninxteħet quddiem it-tempju mqaddes tiegħek. R/.

Irrodd ħajr lil ismek
għat-tjieba tiegħek u għall-fedeltà tiegħek.
Fil-jum li fih sejjaħtlek, smajtni;
kattartli l-qawwa f’ruħi. R/.

Ifaħħruk, Mulej, is-slaten kollha tal-art,
għax semgħu kliem fommok.
U jgħannu l-imġiba tal-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 102

R/. Hallelujah.
Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha,
qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.
R/. Hallelujah.

EVANĠELJU
Ġw 1: 47-51

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien: Meta Ġesù ra lil Natanel riesaq lejh, qal: “Hawn hu Israeli li jistħoqqlu dan l-isem; ma hemm ebda qerq fih.” Natanael staqsieh: “Rabbi, kif sirt tafni?”

U Ġesù wieġbu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma kellmek Filippu.” “Rabbi,” qallu Natanael, “int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Israel!” Ġesù wieġbu: “Qiegħed temmen għax għidtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.”

U żied jgħidlu: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla niżlin u telgħin fuq Bin il-bniedem.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading