Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-III ġimgħa tal-Avvent. (FP)


Stampa t-test tal-qari …

17 ta’ Diċembru

QARI I
Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex.
Ġen 49, 2.8-10

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien, Ġakobb sejjaħ lil uliedu u qalilhom:
“Inġabru u isimghu, ulied Ġakobb,
agħtu widen lil Iżrael missierkom!
Ġuda, int lilek ifaħħruk ħutek.
Idek fuq ras l-għedewwa tiegħek;
u quddiemek imilu wlied missierek.
Int ferħ ta’ ljun, O Ġuda,
inti ibni mill-priża tiela’.
Bħal iljun imkennen, mimdud bħal mart l-iljun.
Min se jqajmek?
Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex;
u l-ħatar minn bejn riġlejh,
sakemm iġibulu l-ħaraġ,
u minnu l-ġnus jisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 71 (72),1- 2.3-4ab.7-8.17

R/. (ara 7): Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem

O Alla, agħti lis-sultan il-ħaqq tiegħek,
il-ġustizzja tiegħek lil bin is-sultan,
biex jiġġudika l-poplu tiegħek bil-ġustizzja,
u bil-ħaqq l-imsejknin tiegħek. R/.

Jinżel mill-muntanji s-sliem lill-poplu,
tinżel mill-għoljiet il-ġustizzja.
Hu jħares id-dritt tal-imsejknin tal-poplu,
isalva l-fqajrin. R/.

Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja,
u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.
Isaltan minn baħar sa baħar,
u mix-Xmara sa truf l-art. R/.

Ismu jibqa’ jissemma għal dejjem;
idum ismu sakemm iddum ix-xemx!
Bih jitbierku l-ġnus kollha tal-art;
il-popli kollha jsejħulu hieni. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU

Hallelujah. R/. Hallelujah
O Għerf tal-Għoli,
li tqassam kollox bil-qawwa u l-ħlewwa,
ejja għallimna triq il-għaqal.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David.
Mt 1, 1-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham. Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lil David, is-sultan.

David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija. Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babilonja.

Wara l-eżilju f’Babilonja, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud, Eliħud nissel lil Elgħażar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija.

Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu