Aħfrilna, Mulej, għall-gwerra.

Print Friendly, PDF & Email

Fl-aħħar tal-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 16 ta’ Marzu 2022, il-Papa din it-talba …

Aħfrilna, Mulej, għall-gwerra. Mulej Ġesù Kristu, Iben ta’ Alla, ħenn għalina midinbin! Mulej Ġesù, imwieled għad-dell tal-bombi neżlin fuq Kiev, ħenn għalina! Mulej Ġesù, li mitt f’idejn omm fil-bunker f’Kharkiv, ħenn għalina! Mulej Ġesù, żagħżugħ ta’ għoxrin sena mibgħut fuq il-front tal-battalja, ħenn għalina! Mulej Ġesù, li għadek xorta tilmaħ l-idejn armati taħt id-dell tas-salib, ħenn għalina!

Aħfrilna, Mulej. Aħfrilna, jekk għalina l-imsiemer li bihom sallabna jdejk mhumiex biżżejjed, hekk kif qed inkomplu naqtgħu l-għatx bid-demm ta’ dawk imbiċċra bl-armi. Aħfrilna, jekk dawn l-idejn li int ħlaqt biex iservu ġew mibdula fi strumenti tal-mewt. Aħfrilna, Mulej, jekk aħna nkomplu noqtlu lil ħuna. Aħfrilna, jekk aħna bħal Kajjin inkomplu naqbdu l-ġebel tal-għelieqi tagħna biex noqtlu lil Abel.

Aħfrilna, jekk inkomplu niġġustifikaw il-moħqrija tagħna bit-tbatija tagħna, jekk niġġustifikaw il-kruha tal-azzjonijiet tagħna minħabba t-tbatija tagħna. Aħfrilna għall-gwerra, Mulej. Mulej Ġesù Kristu, Bin Alla, nitolbuk bil-ħerqa! Żomm bil-qawwa l-id ta’ Kajjin! Dawwal il-kuxjenza tagħna. Tħallix ir-rieda tagħna sseħħ; titlaqniex għall-azzjonijiet tagħna! Waqqafna, Mulej, waqqafna! U meta tkun waqqaft l-id ta’ Kajjin, ħu ħsiebu wkoll. Hu ħuna wkoll. Mulej, waqqaf il-vjolenza! Waqqafna, Mulej! Ammen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Dun Joseph Curmi

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading