Ġwanni Pawlu II f’Assisi

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI F’ASSISI
QUDDIESA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN FRANĠISK
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Assisi, 12 ta’ Marzu 1982

1. “Imbierkek, o Missier, Sid is-sema u l-art, għaliex ħbejt dawn il-ħwejjeġ lill-għorrief u lill-intelliġenti u għarrafthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25).

Qegħdin niġu hawn, għeżież ħuti, biex intennu ma’ Kristu Mulej dan il-kliem, biex “imbierku lill-Missier”.

–  qegħdin niġu biex imbirkuh minħabba dak li hu rrivela, tminn sekli ilu, lil wieħed “ċkejken”, lill-Fqajjar ta’ Assissi;
– il-ħwejjeġ fis-sema u fl-art, li l-filosfi “lanqas biss ma kienu ħolmu”;
– il-ħwejjeġ moħbija lil dawk li huma “għorrief” umanament biss, u umanament biss “intelliġenti”;
– dawn il-“ħwejjeġ” il-Missier, iS-Sid tas-sema u tal-art, irrivela lil Franġisku u permezz ta’ Franġisku.

Permezz ta’ Franġisku ta’ Pietru di Bernardone, jiġifieri bin negozjant għani ta’ Assisi, li abbanduna l-wirt kollu tal-missier terren u tgħarras ma’ “Madonna Povertà”, il-wirt tal-Missier ċelesti offruta lilu minn Kristu msallab u irxuxtat.

L-ewwel għan tal-pellegrinaġġ tagħna ta’ din is-sena f’Assissi huwa biex nirrendu glorja lil Alla.

Fi spirtu ta’ qima, ejjew niċċelebraw flimkien ukoll l-Ewkaristija, aħna lkoll, Rgħajja tal-Knisja li tinsab fl-Italja mal-Isqof ta’ Ruma, suċċessur ta’ Pietru.

2. “Iva, o Missier, għaliex hekk għoġob lilek” (Mt 11, 26).

Wara tminn sekli għad baqà r-relikwi u t-tifkiriet. Assisi kollha hija relikwa ħajja u xhieda tal-bniedem. Tal-bniedem biss? Tal-bniedem mhux tas-soltu biss?

– Din hija xhieda ta’ sodisfazzjon partikolari li l-Missier Ċelesti, bl-opra ta’ Ibnu Uniġenitu, kellu f’dan il-bniedem, f’dan iċ-“ċkejken”, fil-“Fqajjar”, fi Franġisku li – bħal ftit tassew tul l-istora tal-Knisja  u tal-umanità – tgħallmu mingħand Kristu jkunu mansweti u umli tal-qalb.

Iva, Missier tali kien is-sodisfazzjon tiegħek. Tant bnedmin jiġu hawn biex isegwu l-passi tas-sodisfazzjon tiegħek. Illum niġu aħna, Isqfijiet tal-Italja.

Ġejna biex nagħlqu u, fl-istess ħin, ninkurunaw f’din is-sena ġubilari ta’ San Franġisk ta’ Assisi l-opra mwettqa tul is-sena kollha tal-vista “ad limina Apostolorum” li għaliha t-tradizzjoni u l-liġi tal-Knisja stiednu l-episkopat tagħna propju f’dan iż-żmien.

3. Ninsabu fil-preżenza tal-Qaddis, li kontemporanjament huwa l-patrun tal-Italja, mela Dak li fost l-ulied irġiel u nisa ta’ din l-art, ikkanonizzati u bbejatifikati, jgħaqqad b’mod partikolari l-Italja mal-Knisja. Infatti, dmir tal-Knisja huwa li tipproklama u tirrejalizza f’kull nazzjon dik il-vokazzoni tal-qdusija li għandna mill-Missier fl-Ispirtu Santu bl-opra ta’ Kristu mislub u rxuxtat: ta’ dan Kristu, li l-ġrieħi tiegħu Franġisku t’Assisi kellu f’ġismu: “Difatti jien nġorr l-istimmati ta’ Ġesù f’ġismi” (Gal 6, 17).

Ninsabu mela fil-preżenza tiegħu u ejjew nimmeditaw dwar il-kliem tal-Vanġelu, sentenza wara sentenza:
“Kollox ingħatali minn Missieri; ħadd ma jaf lill-Iben jekk mhux il-Missier, ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafulu” (Mt 11, 27).

Hekk hu, ninsabu quddiem bniedem, li lilu Bin Alla ried jgħarrfu, b’qies partikolari u b’abbundanza partikolari, dak li lilu kien mogħti mill-Missier għall-bnedmin kollha, għaż-żminijiet kollha. Ċertu Franġisku kien mibgħut bil-Vanġelu ta’ Kristu, b’mod speċjali għaż-żminijiet tiegħu, bejn is-sekli XII u XIII, fl-aqwa tal-medjuevu Taljan, li kien perijodu brillanti u fl-istess ħin diffiċli: imma kull epoka tikkonserva fiha xi ħaġa. Bdanakollu, il-missjoni franġiskana ma ntemmitx dakinhar; hija għadha għaddejja llum.

U hawn aħna, Isqfijiet u Rgħajja tal-Knisja, li lilhom ġie fdat il-Vanġelu u l-Knisja ta’ żminijietna – daqstant ieħor apparentament brillanti, ferm bogħod mill-medjuevu skont il-kejl tal-progress terren! U fl-istess ħin tant u tant diffiċli! – aħna Isqfijiet u Rgħajja tal-Knisja f’din l-istess Italja, ejjew nitolbu b’mod speċjali għal ħaġa waħda. Ejjew nitolbu li jitwettqu fuqna l-istess kliem tal-Imgħallem tagħna, li twettqu fuq San Franġisk; li nkunu d-depożituri sikuri tar-Rivelazzjoni tal-Iben! Li nkunu amministraturi fidili ta’ dak li l-Missier innifsu għadda lil Ibnu Uniġenitu, imwieled minn Marija Verġni bl-opra tal-Ispirtu Santu. Li nkunu amministraturi ta’ din il-verità u ta’ din l-imħabba, ta’ din il-kelma u ta’ din is-salvazzjoni, li l-umanità kollha u kull bniedem u kull nazzjon għandhom fih u mingħandu; għaliex “ħadd ma jagħraf l-Iben jekk mhux il-Missier, u ħadd ma jagħraf il-Missier jekk mhux l-Iben u dak li l-Iben irid jgħarrafulu” (Mt 11, 27).

Tali huwa l-għan pastorali u apostoliku tal-pellegrinaġġ tagħna tallum.

4.U hekk hu, Franġisku donnu jdur lejna u jkellimna bl-aċċenti tal-Appostlu Pawlu: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun mal-ispirtu tagħkom, ħuti” (Gal 6, 18)!

Grazzi, Fqajjar qaddis, għal dawn l-awguri li bihom qiegħed tirċevina!

Waqt li nħarsu b’għajnejn l-ispirtu
lejn figurtek
u waqt li nimmeditaw il-kliem tal-ittra lill-Galatin,
li bih tkellimna l-liturġija tallum,
nixtiequ nitgħallmu mingħandek
din l-“appartenenza lil Ġesù”,
li  minnha ħajtek kollha tikkostitwixxi
eżempju u mudell hekk perfett.
“Inkwantu għalija…
mhemmx ftaħir ieħor jekk mhux fis-salib
ta’ Sidna Ġesù Kristu,
li permezz tiegħu id-dinja għaliha
kienet imsallba bħal ma jien għad-dinja” (Gal 6, 14).

Nisimgħu kliem Pawlu,
li wkoll huwa, Franġisku,
kliemek.
l-ispirtu tiegħek jesprimi ruħu fih.
Ġesù Krisu ppermettielek,
l-istess bħal żmien ilu
kien ippermetta lil dak l-Appostlu,
li ssir “strument magħżul” (At 9, 15),
li “jiftaħar”, biss u b’mod esklussiv,
fis-Salib tal-Fidwa tagħna.

B’dan il-mod wasalt għall- qalb stess
tal-għarfien tal-verità dwar Alla,
dwar id-dinja u dwar il-bniedem;
verità li tistà taraha biss
bl-għajnejn tal-imħabba.

Issa li ninsabu quddiemek,
bħala suċċessuri tal-Appostli,
ibgħat lill-bnedmin ta’ żminijietna
bl-istess Vanġelu tas-Salib ta’ Kristu,
nitolbuk: għallimna b’dan il-mod bħalma l-Appostlu Pawlu

Għallem lilek,
biex ma jkollniex “ħaġa oħra biex niftaħru
għajr bis-Salib ta’ Sidna Ġesù Kristu”.

Jalla kull wieħed minna,
bl-intuwitu kollu tad-don tal-biżà,
tal-għerf u tal-qawwa,
ikun jaf jippenetra fil-verità
ta’ dan il-kliem dwar is-Salib
li fih tibda l-“krejatura l-ġdida”,
dwar is-Salib li kontinwament iġib
lill-umanità “il-paċi u l-ħniena”.

Permezz tas-Salib Alla esprima ruħu sal-aħħar fl-istorja tal-bniedem; Alla li huwa “għani bil-ħniena” (Ef 2, 4). Fis-Salib hija rivelata l-glorja tal-imħabba disposta għal kollox. Bis-Salib biss f’idejh – bħal ktieb miftuħ – il-bniedem jistà jitgħallem sal-fond lilu nnifsu u d-dinjità tiegħu.

Huwa fl-aħħarnett għandu, waqt li jiffissa għajnejh fuq is-Salib, jistaqsi: “Min jien” jien, bniedem, għal għajnejn Alla, ladarba huwa jħallas għalija u għal imħabbti tali prezz!

“Is-Salib fuq il-Kalvarju – ktibt fl-enċiklika “Redemptor Hominis” – li permezz tiegħu Ġesù Kristu – bniedem, bin Marija Verġni, iben putattiv ta’ Ġużeppi ta’ Nażżaret – “iħalli” din id-dinja, huwa fl-istess ħin manifestazzjoni ġdida tal-paternità eterna ta’ Alla, li fiha joqrob mill-ġdid lejn l-umanità, lejn kull bniedem, waqt li jirregalalhom it-tliet darbiet qaddis “Spirtu tal-Verità” (cf. Ġw 16, 13)… imħabbtu li ma terġa lura quddiem xejn minn dak li fih stess jesiġi l-ġustizzja.

U minħabba dan l-Iben
“li qatt ma għaraf id-dnub,
Alla qiesu bi dnub favur tagħna” (2 Kor 5, 21; cf. Gal 3, 13).
Jekk “”qies bi dnub”
lil Dak li kien assolutament
bla ebda dnub,
dan għamlu biex jirrivela l-imħabba
li hija dejjem ikbar
nill-ħolqien kollu,
l-imħabba li hija huwa stess,
għaliex “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4, 8.16)” (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 9).

Propju hekk ħarist lejn il-ħwejjeg

Int, Franġisku.
Sejħulek il-“Fqajjar ta’ Assisi,
u hekk kont u bqajt
wieħed mill-bnedmin li ngħataw
b’mod iktar ġeneruż għall-oħrjn.
Kellek mela għana enormi,
teżor kbir.
U s-sigriet tal-għana tiegħek
kien jinħeba fis-Salib ta’ Kristu.

Għallimna lilna,
Isqfijiet u Rgħajja tas-seklu għoxrin
li qed joqrob lejn tmiemu,
biex similment niftaħru bis-Salib,
għallimna din l-għana fil-faqar
u dan l-għoti fl-abbundanza.

5. Fl-ewwel qari tal-ktieb tas-Siraċide hemm irrikordjat il-kliem dwar is-Sommu Saċerdot Xmun, bin Onija, li “f’ħajtu sewwa t-tempju u f’jiemu saħħaħ is-santwarju” (Sir 50, 1).

Il-lituġija tirreferi dan il-kliem lil Franġisku ta’ Assisi. Huwa baqà fit-tradizzjoni, fil-letteratura u fl-arti bħala dak li “sewwa t-tempju… u saħħaħ is-santwarju”. Bħala dak li “premuruż biex ma jippermettix il-waqgħa tal-poplu tiegħu, iffortifika l-belt kontra assedju (Sir 50, 4).

Il-qari jkompli jitkellem dwar Xmun, bin Onija, u aħna se nirreferu tali kliem lil Franġisku, bin Pietru Bernardone. Lilu napplikaw ukoll dawn il-paraguni:
“Bħal kewkba fost is-sħab, / bħall-qamar fil-jiem tal-kwinta tiegħu, / bħax-xemx tisreġ fuq it-tempju tal-Iktar Għoli, / bħall-qawsalla tiddi bil-glorja fost is-sħab” (Sir 50, 6-7).

6. Bil-qalb kollha nisselfu dan il-kliem mill-ktieb tas-Siraċide biex inqimu, wara tmin mitt sena, lil Franġisku ta’ Assisi, patrun tal-Italja.

Għal dan ġejna hawn ilkoll kemm aħna, Isqfijiet u Rgħajja tal-Knisja li tinsab fl-Italja kollha flimkien mal-Isqof ta Ruma. Suċċessur ta’ Pietru.

Madankollu l-għan tal-pellegrinaġġ tagħna huwa partikolarment apostoliku u pastorali.

Meta nisimgħu l-kliem ta’ Kristu dwar il-madmad li huwa ħelu u dwar it-toqol li huwa ħafif, (cf. Mt 11, 30) ejjew naħsbu dwar il-missjoni tagħna ta’ Isqfijiet u dwar is-servizz pastorali.

U ejjew intennu b’fiduċja u b’ferħ il-kliem tas-Salm responsorjali: “Għidt lil Alla: “Int il-Mulej tiegħi, / mingħajrek m’għandi ebda ġid”. / Il-Mulej huwa sehmi mill-wirt u l-kalċi tiegħi: / f’idejk hija ħajti. / imbierek lill-Mulej li tani l-parir… / Inqiegħed dejjem quddiemi lill-Mulej, / kun fuq lemini, ma nistax nogħtor ” (Sal 15 [16]).

Bil-ferħ aċċettajna l-istedina li niġu hawn f’Assisi, ħassejna b’ċertu mod fil-kliem ta’ Sidna u tal-Imgħallem tagħna: “Ejjew għandi intom li tinsabu għajjiena u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11, 28). Nittamaw li dan jattwa ruħu fuqna lkoll, hekk ukoll bħal dan li gej: “Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, li jien manswet u umli tal-qalb, u ssibu s-serħan għal ruħkom” (Mt 11, 29).

Hekk irridu, Kristu! Hekk nixtiequ. B’tali ħsieb ġejna hawn illum f’Assisi. Niżżuk ħajr għat-“toqol” qaddis tas-saċerdozju u tal-episkopat. Niżżuk ħajr għal San Franġisk, li ma ħassux denn li jaċċetta l-ordinazzjoni saċerdotali. Bdanakollu lilu afdajt, b’mod hekk eċċezzjonali, il-Knisja tiegħek.

7. U hekk hu, waqt li nħarsu lejn Franġisku li “fqir u umli, jidħol għani fis-sema, onorat b’innijiet ċelesti” (Cant. ad Evang.), irridu mill-ġdid napplikaw lilu l-kliem tal-ktieb tas-Siradiċe, li tant jirrijassumu l-viżjoni ċelebri tiegħu: “Franġisku, kun ċert li Tevita l-waqgħa tal-poplu tiegħek”!

Franġisku! Bħal f’ħajtek, hekk ukoll issa, sewwi t-tempju! Saħħaħ is-santwarju!

Għal dan nitolbuk aħna, Isqfijiet u Rgħajja tal-Knisja, li fl-iskola tal-Konċilju Vatikan II, tgħallimna mill-ġdid biex indawru b’attenzjoni komuni l-Knisja, l-Italja u d-dinja kontemporanja.

U flimkien mal-popolazzjonijiet maħbubin tagħna intennu: “Il-Mulej huwa l-parti tal-wirt tagħna u tal-kalċi tagħna: / f’idejk ħajti. / Imbierek lill-Mulej li tani parir;… / Inqiegħed dejjem quddiemi lill-Mulej”.

Iva, ħuti, dejjem! U hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading