VISTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
TAL-IMMAKULATA KONĊIZZJONI ALLA CERVELLETTA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 7 ta’ Marzu 1982
1. Il-liturġija tat-tieni Ħadd tar-Randan, sa ċertu sens, hija l-liturġija tat-tliet muntanji.
Fuq l-ewwel waħda niismgħu, kif jirriferi l-Ktieb tal-Ġenesi, il-kliem migħud minn Alla lil Abraham: “Ħu lil ibnek, l-uniku ibnek li tħobb, Iżakk, mur fit-territorju ta’ Morija u offrh f’sagrifiċċju fuq muntanja li jiena nindikalek” (Ġen 22,2).
Il-prova ta’ Abraham.
“Alla ittestja lil Abraham” (Ġen 22,1).
Din kienet il-prova tal-fidi tiegħu.
Fil-post indikat, Abraham bena l-altar, qiegħed fuqu l-ħatab u fuq il-ħatab qiegħed lil ibnu Iżakk: l-iben uniġenitu. L-iben tat-tama.
Abraham kien lest joffrih f’sagrifiċċju lil Alla, li jxerred demmu u jaħraq ġismu fuq il-ħuġġieġa.
Fil-waqt deċiżiv irċieva mingħand Alla l-projbizzjoni: “La tmidtx idek kontra t-tfajjel u tagħmillu ebda ħsara! Issa naf li int tibżà minn Alla u ma ċħadtlix lil ibnek, l-uniku ibnek” (Ġen 22,12).
Fl-arbuxxell qarib Abraham sab muntun u offrih fuq l-altar imħejji. Il-prova tal-fidi twettqet, Il-prova l-kbira. Il-prova l-iebsa. Xierqa għall-wegħda l-kbira. Alla ġedded mill-ġdid l-wegħda quddiem Abraham, wara li kien ittestjah: “nirrendi tassew numeruża d-dixxendenza tiegħek, bħall-kwiekeb tas-sema u bħar-ramel ta’ xatt il-baħar” (Ġen 22,17).
Id-dixxendenza mhux tant skont il-ġisem daqskemm skont l-ispirtu. Id-dixxendenti ta’ Abraham fil-fidi huma, f’ċertu sens, is-segwaċi tat-tliet reliġjonijiet monotejistiċi l-kbar tad-dinja: il-ġudejiżmu, il-kristjaneżmu, l-iżlam. “Ikunu mberkin minħabba d-dixxendenza tiegħek in-nazzjonijiet kollha tad-dinja, għaliex int obdejt leħni” (Ġen 22,18).
Id-dixxendenti tal-fidi ta’ Abraham jemmnu li Alla għandu s-setgħa li jipprova l-bniedem. Għandu d-dritt għall-offerta tal-ispirtu tiegħu.
2. Il-Liturġija tat-tieni Ħadd tar-Randan teħodna fuq muntanja oħra, fil-Galilea. ‘Il hemm mill-pjanura tal-Galilea titlà, b’mod majjestuż, il-muntanja Tabor: il-muntanja tat-Trasfigurazzjoni, skont it-tradizzjoni nisranija.
Fuq din il-muntanja Ġesù ta’ Nażżaret, li ġie fost id-dixxendenti ta’ Abraham bħala l-Messija mibgħut minn Alla, inbidel b’mod mirakoluż quddiem għajnejn l-Appostli tiegħu: Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Għal għajnejn l-Appostli, huwa wera lilu nnifsu trasfigurat fil-glorja u, flimkien miegħu, Mosè u Elija. Mal-miraklu tal-viżjoni ingħaqad il-miraklu tas-smigħ. Huma semgħu l-leħen, li ħareġ minn ġos-sħaba: “Dan huwa Ibni l-għażiż: isimgħuh” (Mk 9,7); l-istess li kien diġa semà Ġwanni l-Battista fl-inħawi tal-Ġordan, fl-okkażjoni tal-ewwel miġja ta’ Ġesù Kristu, wara l-magħmudija.
Il-Manifestazzjoni Viżibbli (Teofania) tal-muntanja Tabor għandha karattru paskwali. Tħabbar bil-quddiem il-glorja ta’ Kristu Rxoxt. Fl-istess ħin, din tħejji lill-Appostli għall-mewt tal-Ħaruf ta’ Alla. Għall-Manifestazzjoni viżibbli tal-Golgota.
3. Fuq il-muntanja Golgota, it-tielet muntanja, imexxina Pawlu Appostlu bil-kliem tal-ittra lir-Rumani. Il-Manifestazzjoni Viżibbli tal-Golgota hija ndikata mill-kliem li ġej: “Jekk Alla huwa magħna, min jistà jkun kontrina? Huwa li ma ħafirhiex inqas lil Ibnu, imma tah għalina lkoll” (Rm 8,31-32).
Nafu li l-Missier ta lil Ibnu fuq il-Golgota; nafu li propju hekk kien jisimha dik l-għolja barra l-ħitan ta’ Ġerusalem, li fuqha Alla “lanqas lil Ibnu stess ma ħafirha” (Rm 8,32).
U permezz ta’ dan, wera “sa l-aħħar” li “huwa magħna”; “kif mhux se jagħtina kwalunkwè ħaġa flimkien miegħu?”, jistaqsi l-Appostlu (Rm 8,32).
Dan Alla, li ma ppermettiex lil Abraham li jissagrifika bil-mewt lil ibnu Iżakk, ma ħelishiex lill-istess Ibnu.
B’dan forsi ma wettaqx, sal-aħħar, l-għażla tagħna?
“Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla?”, jistaqsi l-Appostlu (Rm 8,33).
Huwa nnifsu ħa f’idejh il-kawża tal-ġustifikazzjoni tal-bniedem… “Alla jiġġustifika” (Rm 8,33). U ladarba huwa hekk, min jistà jikkundanna lill-bniedem? (cf. Rm 8,34).
Sentenza simili jistà biss joħroġha Kristu, li fuq il-Golgota għaraf il-piż tad-dnubiet tal-bnedmin.
Imma fuq il-Golgota Ġesù Kristu ġarrab il-mewt għalina “anzi – jikteb l-Appostlu -… qam mill-imwiet, u jinsab fuq il-lemin ta’ Alla u jinterċedi għalina” (Rm 8,34).
4. Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tistedinna biex nitilgħu fuq muntanja, il-post tal-manifestazzjoni viżibbli tal-patt il-qadim u l-ġdid. Fuq dawn il-muntanji aħna mistiedna, biex b’mod li jaqbel mal-ispirtu tar-Randan, nimmeditaw fuq l-opri kbar ta’ Alla (cf. At 2,11): il-misteri tal-fidwa tagħna, tal-ġustifikazzjoni tagħna fi Kristu.
Fuq dawn il-muntanji ikun jaqblilna li nitgħallmu dawn il-misteri, nassimilawhom bil-qalb u bir-ruħ, nifformaw l-ispirtu tagħna, nittrasfurmawh skont l-aspett li Kristu jagħtih.
Dan il-Ħadd tar-Randan jgħallimna li aħna msejħin għal bidla spiritwali kbira.
Hemm bżonn li nieħdu sehem fit-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu, l-istess bħad-dixxipli tiegħu fuq il-Muntanja Tabor.
Hemm bżonn li nħejju ruħna għall-Għid Imqaddes.
L-imgħallem ta’ dan l-atteġġjament, li permezz tiegħu Kristu jinżel f’qalbna, waqt li jwettaq bidla u l-konverżjoni, huwa Abraham: Missier dawk kollha li jemmnu.
5. Infatti donnhom jidwu f’qalbna l-kliem tas-Salmista: “Emmint ukoll meta kont ngħid: / jien imdejjaq wisq” (Sal 115 [116],10).
Ma kienx jewwilla hekk imdejjaq waqt li kien sejjer lejn il-muntanja ndikata minn Alla biex jissagrifika lill-istess ibnu? Ma kinitx biss il-fidi li ppermettitlu allura li jtenni: “Prezzjuża f’għajnejn il-Mulej / il-mewt tal-fidili tiegħu” (Sal 115 [116],15)?
Minn Abraham il-familja umana bdiet titgħallem il-fidi, li timmanifesta ruħha fl-atteġġjament intern tal-ispirtu uman: timmanifesta ruħha fis-sagrifiċċju tal-qalb.
Ġesù Kristu huwa l-Imgħallem definittiv u perfett ta’ tali atteġġjament: “consummator fidei nostrae” (cf. Eb 12,2)!
6. Il- frott tal-liturġija tat-tieni Ħadd tar-Randan għandha tkun il-prontezza biex noffru sagrifiċċji spiritwali li fihom timmanifesta ruħha l-fidi tagħna. Dan nitolbuh bil-kliem tas-Salm: Iva, jien il-qaddej tiegħek, Mulej, / jiena l-qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek; / int qtajtli l-ktajjen tiegħi. / Jien noffrilek sagrifiċċji ta’ tifħir / u se nsejjaħ isem il-Mulej. / Se nwettaq il-wegħdiet tiegħi lill-Mulej / quddiem il-poplu kollu tiegħu” (Sal 115 [116],16-18).
7. F’tali spirtu iltqajtu hawn illum flimkien mal-Isqof tagħkom, parruċċani tal-parroċċa tal-“Immakultata Konċezzjoni alla Cervelletta” di Tor Sapienza, imwaqqfa kif inhu magħruf mill-predeċessur tiegħi, San Piju X, fl-1911.
Waqt li nesprimilkom il-ferħ tiegħi sinċier li ninsab hawn f’nofskom, f’dan il-Ħadd tar-Randan, inħoss ix-xewqa li nesprimi tislima partikolari, qabel kollox, lir-reliġjużi żelanti tal Kongregazzjoni tal-Missjoni ta’ San Vinċenz de’ Paoli, li mill-1950 iddedikaw l-enerġiji u l-attenzjonijiet tagħhom għall-kura pastorali tagħkom. Insellem, għalhekk, lill-kappillan attwali, Don Riccardo Martorelli; Don Dante Petrini, li għal ħdax-il sena żvolġa fostkom l-uffiċċju ta’ kappillan; u lill-konfratelli l-oħrajn li b’impenn ġeneruż jikkollaboraw għat-tkabbir spiritwali tal-komunità parrokkjali tagħkom kollha.
Insellem lill-għoxrin elf fidil kollha tal-parroċċa: il-missirijiet, l-ommijiet, il-ġuvintur u x-xebbiet, it-tfal, il-persuni anzjani, il-morda.
Ħsiebi imur ukoll għas-Sorijiet ta’ Sidtna tas-Silġ, li jagħtu kontribut prezzjuż fil-katekeżi sagramentali u fl-għajnuna lill-morda.
Sentiment speċjali ta’ apprezzament nixtieq nesprimi lid-diversi Gruppi ta’ Lajċi. Inseriti b’mod responsabbli fid-diversi inizjattivi parrokkjali: il-Kunsill Pastorali. Il-Katekisti tal-Ewwel Tqarbina, tal-Griżma u tal-Oratorju; iz-Żgħażagħ ta’ “Wara l-Griżma”; il-“Leġġjun ta’ Marija”; il-Komunità Neokatekumenali; iż-Żelatriċi.
Nittama li jimmatura fostkom dejjem iktar is-sens tal-ekkleżjalità, tikber ix-xewqa tal-għaqda u tal-kollaborazzjoni bejn id-diversi membri tal-parroċċa, f’approfondiment tal-fidi kontinwu u f’sapport dejjem iktar imġedded għall-persuna u għall-messaġġ ta’ Ġesù, ċentru ta’ ħajjitna.
8. Hekk mela, għeżież ħuti, parruċċani tal-Parroċċa tal-“Immakulata Omm Kristu”, flimkien magħkom illum żort il-muntanja tal-fidi ta’ Abraham, il-muntanja tat-Trasfigurazzjoni fil-Galilea u l-għolja tal-Golgota.
Waqt li segwejna l-ispirtu tal-liturġija tar-Randan għarafna l-kobor tar-Redenzjoni tagħna u tal-Ġustifikazzjoni fis-Sagrifiċċju ta’ Kristu.
Jalla fl-istess spirtu timmatura l-fidi tagħna: permezz tal-opri tas-sigħat kollha. Permezza tal-opri tal-ħajja ta’ kuljum. U kultant mermezz tal-provi u l-esperjenzi l-kbar, li fihom l-ispirtu uman jiġi ppruvat bħad-deheb bin-nar.
Għalina, mifdija u ġġustifikati fid-demm ta’ Kristu ebda prova u linqas esperjenza ma jagħlqu l-prospettiva tal-ħajja.
Jiżvelawha mill-ġdid b’mod iktar profomd f’Alla.
Ejjew nitgħallmu din il-prospettiva. Billi noffru s-sagrifiċċji spiritwali ta’ dak kollu li fih tikkonsisti ħajjitna.
Jalla s-sehem fl-Ewkaristija jgħaqqadna – kull darba, u llum b’mod partikolari – f’din il-komunità, li lilha l-Missier jirrivela u jagħti lill-propju Ibnu: “Dan huwa Ibni l-għażiż, isimgħuh” (Mk 9,7).
Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb