Minn Fr JImmy Bonnici
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Faħħar ruħ tiegħi il-Mulej
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġabulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ!” U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa. Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.”. (Mk 7:31-37)
- Riflessjoni/talba:
i. Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin.
Ġew mill-belt
jgħaddu l-ħin tagħhom janalizzaw
lil nies li nofs il-ħin kienu jgħadduh fuq dgħajsa
jew bilqiegħda mal-art isewwu x-xibka:
“Dan kif m’għandhomx id-drawwiet tal-belt?”
Armi … lilhom u lill-Imgħallem li jżommhom miegħu!
Irrifletti:
• Fejn tiġġudika lin-nies mid-drawwiet li drajt bihom inti? Fejn mistieden tifhimhom aħjar?
ii. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
Kemm duttrini u tradizzjonijiet noħolqu biex ijassruna!
Possibbli l-mobile ilu għandek 3 snin? Meta ser tibdlu?
Kemm il-mejda differenti ser tagħmel għat-tieġ?
Rajthom l-offerti tal-Lidl u Schein? Possibbli ma xtrajt xejn?
Irridu niksru r-record … festa akbar, nar aktar, “bħalna ħadd!”.
Tal-Etjopja ġbarnielhom 20 sena ilu. Il-karti mhux preċiżi. Mhux posthom hawn. Barra.
Dawk għaddew minn falliment. Però bħalissa mhux eżatti fir-relazzjoni. Sawwathom iżjed. “Il-Knisja mhux club!”
Irrifletti
• X’post tagħti biex tħalli l-kmandamenti t’Alla jilliberawk?
iii. Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.
Dak li jiġri fuq barra m’għandux qawwa fuq il-ġewwieni.
Imma dak li joħroġ mill-qalb għandu.
Hemm dak li jista’ jħassar ir-relazzjonijiet
b’ħarsa ta’ kilba, sfruttament, tbaħrid.
Imma fil-fond hemm xi ħaġa aktar qawwija
li ssalva r-relazzjonijiet:
il-leħen ta’ dak li jsejjaħlek lejk
li jkellem il-qalbek
li jgħinek tħares lejn l-oħrajn bl-istess ħarsa tiegħu:
ħarsa li tiżra t-tajjeb, li qatt tumilja, li tibni rispett.
Irrifletti
• X’hemm fil-qalb tiegħek? Xi tneħħi? Xi żżomm?
- Missierna