Bidliet. Niċċelebraw l-Evanġelju tat-tletin Ħadd matul is-sena.


Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Minn Fr Jimmy Bonnici

Kbir f’għemilu l-Mulej magħna!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.
Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”.
Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.
U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq. (Mk 10:46-52)

  1. Riflessjoni/talba:

i. Waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq.

Ġesù miexi, ħiereġ mill-belt,
miexi lejn kull post fejn il-bniedem jintrema (jingħata … jaqtgħuhielu għall-mewt),
miexi, lil hinn mill-għeluq tal-poter li jintuża biex jarmi
poter li jiddeċiedi d-destin ta’ persuna b’daqqa ta’ pinna.

Ġesù miexi, imma Bartimew wieqaf,
bilqiegħda, mal-ġemb tat-triq,
imwaħħal, forsi jħossu bla alternattivi,
tallab imma għama.

Irrifletti:
• Miexi jew wieqaf?

ii. Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”. Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”.

Huma ħafna li jimxu mal-mentalità tal-belt
li tipproteġi l-poter u ssikket lid-dgħajjef
u żżommu bilqiegħda, fit-tarf tat-triq, għama:
lanqas tallab ma jista’ jkun: imsikket.

Imma Ġesù ħiereġ mill-belt
bi stil ieħor ta’ awtorità: ġie biex jaqdi mhux biex ikun moqdi,
jispira lil Bartimew biex isib il-vuċi tiegħu u jgħajjat aktar,
jibdel lil ta’ madwaru biex iwasslu sejħa, jittrasmettu kuraġġ (mhux isikktu):

“Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.”

Irrifletti
• Aħna komunità nisranija/Knisja li ssikket jew li twassal sejħa, kuraġġ?

iii. Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

“Xi triduni nagħmlilkom?”
Ġakbu u Ġwanni qalulu biex joqogħdu fuq il-lemin u x-xellug fil-glorja..
“Xi tridni nagħmillek?”
Bartimew qallu “li nerġa nara, Rabbuni”!

Ftit ftit id-dixxipli jippurifikaw ix-xewqat tagħhom
u Bartimew, f’isem kull min irid jibqa’ miexi wara Ġesù, iwieġeb:

“li nerġa nara”:
nara kif timxi Int
nara kif tuża’ l-awtorità Int
nara kif tinduna b’min hu fit-tarf:
narak tassigura li ma jibqax jissikket,
narak tilliberah biex jista’ jaqbad it-triq hu wkoll!

“Li nerġa nara, Mulej”: bl-għajnejn tiegħek mhux tad-dinja!

Irrifletti

• Ikkontempla lil Ġesù u l-mod kif jara Hu.

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading