Il-Papa Ljun XIV fl-Angelus tal-15-il Ħadd matul is-Sena.

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Piazza della Libertà (Castel Gandolfo)
Il-Ħadd, 13 ta’ Lulju, 2025

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jibda b’mistoqsija mill-isabaħ li ssir lil Ġesù: “Mgħallem, x’għandi nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”(Lq 10,25).  Dal-kliem jesprimi x-xewqa kostanti tal-ħajja tagħna: ix-xewqa tas-salvazzjoni, jiġifieri eżistenza ħielsa mill-falliment, mill-ħażen u mill-mewt.

Dak li tixtieq il-qalb tal-bniedem hu deskritt bħala ħaġa li rridu “nirtuha”; mhix ħaġa lil niksbuha bil-forza, lanqas li nitkarrbu għaliha qiesna servi jew nakkwistawha b’xi kuntratt.  Il-ħajja eterna, li Alla biss jista’ jagħtiha, tgħaddi bħala wirt lill-bniedem bħalma jgħaddi wirt mingħand missier għal ibnu.

Din hi r-raġuni għala għal dil-mistoqsija tagħna Ġesù jwieġeb li biex nirċievu d-don t’Alla hemm bżonn nilqgħu r-rieda tiegħu.  Kif hemm miktub fil-Liġi: “Ħobb lil Alla b’qalbek kollha” u “lill-proxxmu bħalek innifsek (Lq 10,27; cfr Dewt 6,5; Lev 19,18).  Imġieba bħal din tikkorrispondi mal-imħabba t’Alla: ir-rieda t’Alla, infatti, hi l-liġi tal-ħajja li Alla, l-ewwel wieħed, għandu fil-konfront tagħna, li jħobbna bla qies permezz ta’ Ibnu Ġesù.

Ħuti, inħarsu lejH!  Ġesù hu l-veru rivelazzjoni tal-imħabba t’Alla għall-bniedem: imħabba li tingħata u ma taħkimx, imħabba li taħfer bla pretensjonijiet, imħabba li tgħin u ma tabbanduna qatt.  Fi Kristu, Alla sar proxxmu għall kull raġel u mara: għalhekk ilkoll kemm aħna nistgħu u għandna dmir insiru proxxmu għal kulmin niltaqgħu miegħu tul il-mixja tal-ħajja.  Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, Salvatur tad-dinja, aħna wkoll imsejħin biex inwasslu l-faraġ u t-tama, speċjalment lil min tilef il-kuraġġ u huwa deluż.

Biex ikollna l-ħajja bla tmiem għalhekk, m’għandniex ningannaw il-mewt, imma nservu l-ħajja, jew aħjar nieħdu ħsieb l-eżistenza tal-oħrajn sakemm għandhom magħna.

Din hi l-liġi suprema, li tiġi qabel kull regola soċjali u ttiha sens.  Nitolbu lill-Verġni Marija, Omm il-Ħniena, biex tgħinna nilqgħu fi qlubna r-rieda t’Alla, li hi dejjem rieda ta’ mħabba u salvazzjoni, ħalli ta’ kuljum inkunu operaturi tal-paċi.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

jien kuntent li ninsab hawn fostkom, f’Castel Gandolfo.  Insellem lill-awtoritajiet ċivili u militari preżenti u rrodd ħajr lilkom ilkoll għall-merħba sabiħa li tajtuni.

Ilbieraħ f’Barcellona kien beatifikat Licarione May (li qabel kien jismu Benjamin), patri tal-Istitut tal-Patrijiet Minuri Maristi tal-Iskejjel, li nqatel fl-1909 minħabba l-mibegħda lejn il-fidi.  F’ċirkostanzi ostili, hu kien għex b’dedikazzjoni u kuraġġ il-missjoni edukattiva u pastorali.  Ix-xhieda erojka ta’ dal-martri għandha tkun xprun għal kulħadd, partikolarment għal dawk impenjati fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

Insellem lill-parteċipanti tal-Kors tas-sajf tal-Akkademja Liturġika, mill-Polonja; ħsiebi jdur ukoll lejn il-pellegrini pollakki li llum qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ annwali lejn is-Santwarju ta’ Częstochowa.

Illum jintemm il-pellegrinaġġ ġjubilari tad-Djoċesi ta’ Bergamo.  Insellem lill-pellegrini li, flimkien mal-Arċisqof, ġew Ruma biex jgħaddu mill-Porta Santa.

Insellem lill-Komunità Pastorali Beatu Agostino da Tarano tal-Kulleġġ Santu Wistin minn Chiclayo, fil-Perù, li wkoll jinsabu Ruma biex jiċċelebraw il-Ġublew.  Insellem  lill-pellegrini mill-parroċċa ta’ San Pietru Appostlu mid-djoċesi ta’ Alcalá de Henares, li qed jiċċelebraw l-400 sena mit-twaqqif tal-paċrroċċa; lil-Leġjunarji ta’ Marija minn Uribia-La Guajira, fil-Kolombja; lill-membri tal-Familja tal-Imħabba Miżerikordjuża; lill-Grupp ta’ Scouts Agesci Alcamo u fl-aħħar, lis-sorijiet agostinjani preżenti li bħalissa qed jieħdu l-formazzjoni tagħhom.

Nilqgħu bi pjaċir lill-Kor tal-adoloxxenti tal-Académie Musicale de Liesse, fi Franza.  Grazzi tal-preżenza tagħkom u tal-impenn tagħkom fil-kant u fil-mużika.

Hawn preżenti fostna 100 Allievi tal-Kors tal-Carabinieri mill-iskola ta’ Velletri li hi dedikata lill-Venerabbli Salvo d’Acquisto.  Insellem lill-Kmandant flimkien mal-uffiċjali u s-sottuffiċjali u nħeġġiġkom biex tkomplu l-kors ta’ tħejjija għas-servizz tal-Patrija u tas-soċjetà ċivili.  Grazzi!

Matul is-sajf ikun hemm ħafna inizjattivi maħsubin għat-tfal u l-adoloxxenti.  Nixtieq irrodd ħajr lill-edukaturi u lill-animaturi li jiddedikaw ruħhom għal das-servizz.  F’dad-dawl nixtieq infakkar l-importanza tal-inizjattiva tal-Giffoni Film Festival, li jattira tfajliet u ġuvintur mid-dinja kollha u li dis-sena se jkollu t-tema: “Insiru umani”.

Ħuti, ma ninsewx nitolbu għall-paċi u għal dawk kollha li minħabba l-vjolenza u l-gwerra, jinsabu fi stat ta’ tbatija u bżonn.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading