VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-PRINĊIPAT TA’ MONACO
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Stadju Lwiġi II
Is-Sibt 28 ta’ Marzu 2026
Għeżież ħuti,
Il-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Ġw 11:45-57) fih sentenza kiefra fil-konfront ta’ Ġesù: fil-fatt, jirrakkontalna l-jum li fih il-membri tas-Sinedriju “bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh” (v. 53). Għaliex jiġrilu hekk? Għax qajjem lil Lazzru mill-mewt; għax radd lura l-ħajja lil ħabibu, li quddiem il-qabar tiegħu hu beka, u hekk ingħaqad fin-niket ta’ Marta u Marija. Proprju Ġesù, li ġie fid-dinja biex jeħlisna mill-kundanna tal-mewt, jiġi kkundannat għall-mewt. Din mhix xi fatalità, imma rieda preċiża u maħsuba.
Il-verdett ta’ Kajfa u tas-Sinedriju fil-fatt jinbet minn kalkolu politiku, li fil-bażi tiegħu għandu l-biża’: jekk Ġesù kien ħa jkompli jagħti t-tama, u jibdel l-uġigħ tal-poplu f’ferħ, se “jiġu r-Rumani” u jeqirdu l-pajjiż (ara v. 48). Flok ma jagħrfu fin-Nazzarenu dak li hu l-Messija, jiġifieri l-Kristu li tant kien mistenni, il-mexxejja reliġjużi jaraw fih theddida. Huma jinsew il-wegħda li għamel Alla lill-poplu tiegħu, u jridu joqtlu lill-innoċenti, għax wara l-biża’ tagħhom hemm ir-rabta mal-poter. Imma jekk il-bnedmin jinsew il-Liġi li tordna biex wieħed ma joqtolx, Alla ma jinsiex il-wegħda li tħejji lid-dinja għas-salvazzjoni. Il-providenza tiegħu tagħmel minn dak il-verdett omiċida l-mod kif hu juri fehma suprema ta’ mħabba: ħażin kemm hu ħażin, Kajfa “ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu” (v. 51).
U hekk aħna nistgħu nixhdu għal żewġ direzzjonijiet opposti: minn naħa r-rivelazzjoni ta’ Alla, li juri l-wiċċ tiegħu bħala Sid li jista’ kollox u salvatur, u mill-oħra l-għemil mistur ta’ awtoritajiet setgħana, lesti biex joqtlu bla skrupli. Mhux dak li qed jiġri llum? Fejn huma jiltaqgħu flimkien, hemmhekk jinsab is-sinjal ta’ Ġesù: li jagħti l-ħajja. Huwa sinjal li jsib f’Lazzru mqajjem mill-mewt l-antiċipazzjoni tiegħu, il-profezija l-aktar prossima ta’ dak li kellu jiġri lil Kristu fil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. F’dak l-Għid, l-Iben kien se jwettaq sal-milja tagħha l-opra tal-Missier bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu: kif fil-bidu taż-żminijiet Alla mix-xejn ta l-ħajja lil kulma jeżisti, hekk fil-milja taż-żminijiet hu jifdi kull ħajja mill-mewt, li trid tirvina l-ħolqien.
Minn din il-fidwa jiġu l-ferħ tal-fidi u l-qawwa tax-xhieda tagħna, f’kull post u f’kull żmien. Fl-istorja ta’ Ġesù fil-fatt hija miġbura l-ġrajja tagħna lkoll, ibda mill-iċken u l-aktar maħqura: illum ukoll, kemm kalkoli jsiru fid-dinja biex joqtlu l-innoċenti; kemm pretensjonijiet ta’ raġunijiet foloz biex iqaċċtuhom min-nofs! Imma quddiem l-insistenza tal-ħażen hemm il-ġustizzja eterna ta’ Alla, li dejjem tifdina mill-oqbra tagħna, kif għamlet ma’ Lazzru, u troddilna ħajja ġdida. Il-Mulej jeħlisna min-niket billi jimliena bit-tama, jibdel l-ebusija tal-qalb billi jittrasforma l-poter f’servizz, proprju huwa u juri l-isem veru tas-setgħa tiegħu bla tarf: il-ħniena. Hija l-ħniena li ssalva d-dinja: tieħu ħsieb ta’ kull ħajja umana, mill-mument li fih twarrad fil-ġuf sa dakinhar li tiġi fix-xejn u f’kull dgħufija tagħha. Kif għallimna l-Papa Franġisku, il-kultura tal-ħniena teħodha kontra l-kultura tal-iskart.
Leħen il-profeti, li għadna kemm smajna, jixhed kif Alla jwettaq il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. Fl-Ewwel Qari, Eżekjel iħabbar li l-opra divina tibda bħala ħelsien (Eżek 37:23) u sseħħ bħala tqaddis tal-poplu (ara v. 28): mixja ta’ konverżjoni, proprju bħal dik li qed ngħixu fir-Randan. Hi inizjattiva li tinvolvi, mhux privata jew individwali, li tibdel ir-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla u mal-proxxmu.
Qabelxejn, il-ħelsien jassumi l-għamla ta’ tisfija mill-“allat foloz”, mill-“ħwejjeġ moqżieża” (v. 23). X’inhuma dawn? B’dan it-terminu, il-profeta jindika dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmlu lill-qalb ilsira, li jixtruha u jħassruha. Il-kelma idolu tfisser “idea żgħira”, jiġifieri viżjoni mċekkna, li ċċekken mhux biss il-glorja ta’ Dak li jista’ kollox, u tibdlu f’oġġett, imma wkoll il-moħħ tal-bniedem. L-idolatri allura huma persuni ta’ viżjoni qasira: iħarsu lejn dak li jisirqilhom ħarsithom, u jdallamhielhom. U hekk, proprju l-ħwejjeġ kbar u tajba ta’ din l-art isiru idoli, u jinbidlu f’għamliet ta’ jasar mhux għal min hu mċaħħad minnhom, imma għal min hu mimli bihom, u jħalli l-proxxmu tiegħu fil-miżerja u fid-diqa. Il-ħelsien mill-idoli allura hu ħelsien minn poter li sar ħakma, mill-għana li tispiċċa ssir regħba u żina, mill-ġmiel li jiġi mgħotti bil-frugħa.
Alla ma jitlaqniex f’dawn it-tentazzjonijiet, imma jgħin lill-bniedem dgħajjef u mnikket, li jaħseb li huma l-idoli tad-dinja li se jsalvawlu ħajtu. Kif jgħallem Santu Wistin, “il-bniedem jeħles mill-ħakma tagħhom meta jemmen f’dak li biex jerfgħu mill-ġdid offra xempju ta’ umiltà” (De civitate Dei, VII, 33). Dan l-eżempju hu l-istess ħajja ta’ Ġesù, Alla magħmul bniedem għas-salvazzjoni tagħna. Flok jikkastigana, hu jeqred il-ħażen bl-imħabba tiegħu, u hekk isseħħ fih wegħda solenni: “Jiena nsaffihom; u huma jkunu għalija l-poplu tiegħi, u jiena nkun għalihom Alla tagħhom” (Eżek 37:23). Il-Mulej jibdel l-istorja tad-dinja billi jsejħilna mill-idolatrija għall-fidi vera, mill-mewt għall-ħajja.
Għalhekk, għeżież ħuti, quddiem l-għadd ta’ inġustizzji li jfieru lill-popli u l-gwerra li tifred il-ġnus, togħla l-ħin kollu l-vuċi tal-profeta Ġeremija, imxandra llum bħala salm: “Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena, infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom” (Ġer 31:13). It-tisfija mill-idolatrija, li tagħmel lill-bnedmin ilsiera ta’ bnedmin oħra, isseħħ bħala tqaddis, don ta’ grazzja li jagħmel lill-bnedmin ulied Alla, aħwa bejniethom. Dan id-don idawwal il-preżent tagħna, għax il-gwerer li qed iċappsuh bid-demm huma frott tal-idolatrija tal-poter u tal-flus. Kull ħajja mfarrka hija ġerħa fil-ġisem ta’ Kristu. Ejjew ma nidrawx l-istorbju tal-armi, l-istampi tal-gwerra! Il-paċi mhix sempliċiment bilanċ bejn il-forzi, hi opra ta’ qlub imsoffija, ta’ min jara fl-ieħor lil ħuh li jrid jieħu ħsiebu, mhux għadu li jrid jegħleb.
Il-Knisja f’Monaco hi msejħa tagħti xhieda billi tgħix fil-paċi u fil-barka ta’ Alla: għalhekk, għeżież, ferrħu lil ħafna bil-fidi tagħkom, uru l-ferħ awtentiku, li ma jintrebaħx f’xi logħba, imma jinqasam fl-imħabba. Għajn ta’ dan il-ferħ hi l-imħabba ta’ Alla: imħabba għall-ħajja li għadha titwieled u fqira, li dejjem għandna nilqgħu u nieħdu ħsieb; imħabba għall-ħajja żagħżugħa u anzjana, li għandna ninkuraġġuha fil-provi ta’ kull età; imħabba għall-ħajja f’saħħitha u marida, xi drabi waħidha, dejjem fil-bżonn li tkun akkumpanjata b’għożża. Tgħinkom il-Verġni Marija, Patruna tagħkom, biex tkunu post ta’ akkoljenza, ta’ dinjità għaċ-ċkejknin u għall-foqra, ta’ żvilupp integrali u inklużiv.
Fir-Randan twil li għaddejja minnu d-dinja, proprju waqt li l-ħażen qed juri snienu u l-idolatrija qed tagħmel lill-qlub indifferenti, il-Mulej qed iħejji l-Għid tiegħu. Is-sinjal ta’ din il-ġrajja huwa l-bniedem: hu Lazzru, imsejjaħ joħroġ mill-qabar; huwa aħna, midinba maħfura; huwa l-Mislub Irxoxt, awtur tas-salvazzjoni. Huwa “t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6), li jwieżen il-pellegrinaġġ tagħna u l-missjoni tal-Knisja fid-dinja: li tagħti l-ħajja ta’ Alla. Ħidma sublimi u impossibbli, jekk ma nagħtux ħajjitna għall-oħrajn. Ħidma kollha passjoni u għammiela, meta l-Vanġelu jdawwal il-passi tagħna.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard