Kitba ta’ Joe Galea
Waqt li għaddejja l-gwerra fl-Iran, qed tidher storja fil-ġurnali u fil-midja soċjali dwar mara Iranjana, Maryam Rostampour, li fl-2009 ġiet magħluqa l-ħabs flimkien ma’ ħabiba tagħha, Marziyeh Amirizadeh u t-tnejn ġew ikkundannati għall-mewt għax saru Nsara.
L-istorja ġabitli memorji ta’ ktieb li kont xtrajt, bl-isem ta’ ‘Captive in Iran’. Ktieb sabiħ li kont sliftu lil xi ħadd u ma reġax ġie lura, imma lħaqt għamilt artiklu qasir dwar Maryam u Marziyeh. Il-ktieb fih ritratt sabiħ bil-kulur tat-tfajliet Maryam u Marziyeh imma naħseb li jkun aħjar ma jidhrux ritratti ta’ persuni li jistgħu jiġu mfittxija fl-inkwiet li għaddej.
L-artiklu kien hekk:
Ilkoll smajna kif l-Insara f’ċerti naħat tad-dinja qed jiġu mkeċċija minn arthom, maħqura u wkoll maqtula. Dawn huma Insara veri li jgħallmuna li mhux biżżejjed li ngħidu li aħna nsara, imma rridu nuru dan bl-għemil tagħna, anke meta jkollna nbatu xi ftit.
Ħareġ ktieb, ‘CAPTIVE IN IRAN’, dwar l-istorja ta’ żewġ tfajliet Iranjani li fl-2009 ġew mitfugħa fil-ħabs krudil ta’ Evan, f’Teheran, l-Iran għax stqarrew li huma Nsara. Maryam Rostampour u Marziyeh Amirizadeh kienu jafu li qed jipperikolaw ħajjithom. Il-liġijiet Islamiċi ma ħallewhomx jaqsmu it-twemmin Nisrani tagħhom, imma fi tliet snin wasslu t-Testment il-Ġdid lil 20,000 ruħ u bdew żewġ knejjes fi djar bil-moħbi.
Fl-2009 Maryam u Marziyeh ġew arrestati u miżmuma fil-ħabs orribbli ta’ Evin, f’Tehran, fejn dawk maqfula kienu jiġu msawta jekk mhux issentenzjati bil-għaġġla għall-mewt. Quddiem l-interrogazzjonijiet u l-possibbiltà ta’ sentenza ta’ mewt, Maryam u Marziyeh għażlu l-fidi b’mod radikali u perikoluż, li jaqsmu l-fidi għalkemm magħluqin wara l-ħitan tal-ħabs ta’ reġim brutali.
F’dan il-ktieb Maryam u Marziyeh jirrakkuntaw kif il-Mulej inqeda bid-259 gurnata tagħhom fil-ħabs ta’ Evin biex jixgħel id-dawl tiegħu f’wieħed mill-iktar postijiet mudlama. Huma wasslu t-tama lil dawk li kienu tilfu kollox u wrew mħabba lil dawk li kienu disprati.