Minn Daniel Borg
Il-Vanġelu tal-lum (Lq 10: 25-37), li jitkellem mill-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, jibda b’domanda li wieħed jagħmel lil Ġesu’: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” (Lq 10, 25).
Il-Papa fl-Angelus jgħid li din id-domanda tesprimi xewqa kostanti tagħna għall-ħajja: ix-xewqa tas-salvazzjoni, ta’ eżistenza meħlusa mill-falliment, mill-ħażen u mill-mewt. Imma biex nirċievu dan id-don għandna bżonn li aħna nkunu kapaċi nħobbu lil Alla u lill-oħrajn, u għalhekk il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb. Il-Papa jgħid li Ġesu huwa r-rivelazzjoni tal-imħabba vera lejn Alla u lejn il-bnedmin: imħabba li tagħti lilha nnifisha imma ma tipposjedi xejn, imħabba li taħfer imma ma tippretendi xejn, imħabba li tgħin u ma tabbanduna qatt. Fi Kristu Alla tqarreb lejn kull bniedem, u għalhekk kull wieħed u waħda minnha jista joqrob lejn l-oħrajn tul it-triq, bħalma għamel is-Samaritan it-Tajjeb, li resaq lejn dak li kien ferut fit-triq bejn Ġeriko u Ġerusalemm. U l-istess aħna. Fuq l-eżempju ta’ Ġesu’ aħna msejħin li noffru t-tama li kull min hu qalbu maqtgħuha. U naħseb li din hi l-ikbar sejħa li għandu kull nisrani fid-dinja tal-lum, dinja li qed tipprova toqtol it-tama fina nfusna u fl-oħrajn, it-tama li lkoll kemm aħna kapaċi nkunu bnedmin aħjar f’dak kollu li nagħmlu, u li f’ġirja sfrenata kontra l-ħin kapaċi nsibu dak il-ħin li niddedikaw lill-oħrajn u hekk nagħtu tama mill-ġdid. Il-Papa jgħid li biex ngħixu għal dejjem, ma rridux ningannaw il-mewt, imma nservu l-ħajja, jiġifieri li nieħdu ħsieb il-ħajja tal-oħrajn fil-ħin li aħna nagħtuhom.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid038ErKkEdNXAxAmZpnSRKM1vDK3ESc5KaX2HoAJZcwAcHLtoEzYUkQiE3kCNSTG8PVl