Il-Papa Ljun XIV f’Monaco

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIL-PRINĊIPAT TA’ MONACO
ŻJARA TA’ KORTESIJA LILL-A. R. T. IL-PRINĊEP TA’ MONACO
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LILL-POPLU
Palazz tal-Prinċep
is-Sibt, 28 ta’ Marzu, 2026

Altezza Serenissima,
Għeżież ħuti,

Kuntent ħafna li se nqatta’ dil-ġurnata fostkom u hekk se nkun l-ewwel mis-Suċċessuri tal-Appostlu Pietru li fi żminijiet moderni qed iżur il-Prinċipat ta’ Monaco, Belt-Stat ittimbrat mir-rabta kbira li tgħaqqdu mal-Knisja ta’ Ruma u mal-Fidi Kattolika.

Imperreċ fuq il-baħar Mediterran u bħala wieħed min-nazzjonijiet fundaturi tal-għaqda tal-Ewropa, fl-istess indipendenza tagħha, artkom issib vokazzjoni li tippromwovi l-laqgħa u trawwem il-ħbiberija soċjali. Illum, dawn il-valuri huma mhedda minn klima mifruxa ta’ iżolament u awtosuffiċjenza.  Id-don taċ-ċokon u l-wirt spiritwali ħaj huma stedina biex il-prosperità tagħkom tqegħduha għas-servizz tal-liġi u l-ġustizzja, speċjalment f’mument storiku meta l-użu tal-poter u l-loġika tal-oppressjoni qed jagħmlu ħsara lid-dinja u jipperikolaw il-paċi.  Kif tafu, fil-Bibbja huma ċ-ċkejknin lil jsawru l-istorja!  Tabilħaqq, l-ispiritwalità awtentika żżomm dan l-għarfien ħaj. Anke meta jirkibna s-sens ta’ impotenza jew inadegwatezza, irridu nafdaw fil-providenza t’Alla, għax nemmnu li s-Saltna t’Alla hija bħal żerriegħa ċkejkna li tikber f’siġra kbira (cfr Mt 13:31–32). Madankollu, fidi bħal din tista’ tbiddel id-dinja, biss, jekk aħna ma nonqsux mir-responsabbiltajiet storiċi tagħna.

It-tiswir pluralistiku tal-komunità tagħkom jagħmel minn pajjiżkom mikrokożmu fejn minoranza vibranti ta’ nies tal-post u maġġoranza ta’ ċittadini min-nazzjonijiet oħra minn madwar id-dinja, kollha jikkontribwixxu għall-benessri tiegħu.  Fil-komunità tagħkom hemm bosta persuni li għandhom pożizzjonijiet ta’ influwenza kbira fl-oqsma tal-ekonomija u l-finanzi; ħafna huma impenjati f’diversi tipi ta’ servizz; u fostkom jiġu bosta viżitaturi u turisti.  Għal xi wħud hu privileġġ li jgħixu hawn, u hu sejħa partikolari għal kulħadd biex jirrifletti dwar postu fid-dinja.

F’għajnejn Alla kulma jingħatalna qatt mhu fieragħ!  Kif jgħid Ġesù fil-parabbola tat-talenti, dak li ġie afdat f’idejna qatt m’għandu jindifen fl-art, imma jitqiegħed għas-servizz tal-oħrajn u moltiplikat fil-perspettiva tas-Saltna t’Alla.  Aktar minn hekk, dil-perspettiva mhix limitata biss għall-isfera privata, anqas u anqas hi xi viżjoni utopika dwar id-dinja.  Għall-kuntrarju, is-Saltna t’Alla, li Ġesù ddedika ħajtu għaliha, hi qrib, għax tiġi fostna u tħawwad l-istrutturi tal-poter – dawk l-istrutturi tad-dnub li joħloq dagħbien bejn is-sinjuri u l-foqra, bejn il-privileġġjati u l-imwarrbin, bejn ħbieb u għedewwa.  Kull talent, kull opportunità u kull ġid li jitqiegħed f’idejna għandu destinazzjoni universali; hu marbut ma’ bżonn intrinsiku li ma jibqax maħżun, imma jitqassam ħalli l-ħajja ta’ kulħadd tkun aħjar.  Propju għalhekk Ġesù għallimna nitolbu: “Ħobżna ta’ kuljum, agħtina llum (Mt 6:11).  Fl-istess ħin jgħid, “Fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja tiegħu” (Mt 6:33).  Il-loġika tal-libertà u l-qsim hi l-qofol tal-parabbola tal-Ġudizzju Universali, li fiċ-ċentru ta’ kollox tqiegħed lill-foqra: Kristu l-Imħallef, bilqiegħda fuq it-tron, jidentifika ruħu ma’ kull wieħed u waħda minnhom (cfr Mt 25:31-46)”.

Intom wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għandkom il-fidi Kattolika bħala r-reliġjon tal-Istat.  Dil-fidi tqiegħed quddiemna s-sovranità ta’ Ġesù li jsejjaħ lill-kristjani  biex isiru renju ta’ aħwa – preżenza li ma tbaxxix imma tgħolli, li ma tifridx imma torbot, dejjem lesta biex tipproteġi kull ħajja umana bl-imħabba, f’kull stadju u f’kull kundizzjoni, ħalli ħadd ma’  jibqa’ mwarrab mill-mejda tal-fraternità.

Din hi l-perspettiva tal-ekoloġija integrali, li naf li hi ħafna għal qalbkom.  Bis-saħħa tar-rabta profonda li tgħaqqadkom mal-Knisja ta’ Ruma, lill-Prinċipat ta’ Monaco nafdalu biċċa xogħol speċjali ħafna: li jsaħħaħ sfiq ir-rabta tiegħu mad-Duttrina Soċjali tal-Knisja u jiżviluppa l-aħjar prattiki lokali u internazzjonali li juru l-qawwa trasformattiva tagħha.

Anki fil-kulturi li ma tantx huma reliġużi u huma sekularizzati ħafna, l-approċċ lejn il-problemi karatteristiċi ta’ din id-Duttrina Soċjali jista’ jikxef id-dawl kbir li l-Evanġelju jagħti lil żmienna – żmien li fih bosta qed isibuha diffiċli li jittamaw.

Grazzi għal dil-fidi li ġejja mill-bogħod, intom issiru esperti “ta’ ħwejjeġ ġodda”; mhux tant għax tiġru wara l-ġid li jgħaddi, li spiss jagħmel staġun u jisparixxi, iżda billi tkunu ppreparati biex tiffaċċjaw sfidi bla preċedent, li jistgħu jiġu indirizzati biss b’qalb ħielsa u b’moħħ imdawwal.  Kif kien qal San Pawlu VI fil-75 anniversarju tar-Rerum Novarum, “Intom tifhmu tajjeb li biex timxi trid id-dawl; biex iġġib ‘il quddiem il-progress soċjali hemm bżonn id-duttrina (…); il-ħajja jmexxiha l-ħsieb; u jekk il-ħsieb jirrifletti l-verità – il-verità dwar il-bniedem, id-dinja, l-istorja u l-bqija kollu – allura l-vjaġġ jista’ jimxi liberu u bil-ħeffa; jekk le, il-vjaġġ jitqal, isir inċert, diffiċli u żbaljat” (1).

Kemm hu rilevanti dal-kliem illum!  Għalhekk, ejjew ninvokaw lil Marija, Tron tal-Għerf u Bidu tal-ferħ tagħna, sabiex permezz ta’ moħħna, qlubna u l-għażliet tagħna, tmexxina dejjem lejn Kristu, il-Prinċep tal-Paċi.

Pax vobis! Que la paix soit avec vous!


[1] SAN PAWLU VI, Omelija fil-LXXV anniversarju tal-Enċiklika “Rerum Novarum” (22 ta’ Mejju, 1966).

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading