It-22 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella

Fi stħarriġ tal-opinjoni pubblika li kien sar xi żmien ilu f’ħafna pajjiżi rriżulta li aħna l-Maltin u l-Għawdxin aħna l-poplu l-aktar rrabjat fl-Ewropa. Naħseb li tiġi weħidha l-mistoqsija ‘għaliex’; għaliex aħna poplu rrabjat? Naħseb li llum l-Kelma t’Alla tagħtina r-risposta.

‘Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub…’. Dawn il-kelmiet ta’ Bin Sirak fil-bidu tal-ewwel qari tal-lum għandhom iġagħluna nirriflettu. Naħseb li lkoll naqblu li l-livell ta’ ħajja li qegħdin ngħixu llum huwa ferm aħjar minn dak ta’ dawk ta’ qabilna: affermazzjoni bħal din ma hijiex vera għal kollox; hemm l-aspett finanzjarju u dak kollu li nakkwistaw bil-flus li veru nistgħu ngħidu li ġie ħafna l-quddiem f’dawn l-aħħar deċenni, iżda hemm diversi aspetti tal-ħajja li huma aktar importanti minn dan, u li marru lura ħafna.

Wieħed minn dawn l-aspetti huwa l-ħajja ta’ flimkien; filwaqt li għal missirijietna, peress li x’aktarx kienu fqar, kienet ħaġa naturali li jgħinu lil xulxin, għalina, aktar komdi finanzjarjament, bdejna nħossuna li ma għandna bżonn ħadd u ħadd ma għandu bżonna, u bdejna ngħixu ħajja ferm aktar iżolata u inqas ferħana. Barra minn hekk, donnu dan il-ġid u l-possibiltà li wieħed jogħla dejjem aktar fil-karriera u hekk jakkwista aktar flus u prestiġju, donnu daħħlitna f’kompetiżżjoni li fiha donnu kulħadd huwa l-kompetitur tagħna u mhux ħuna jew oħtna.

Tgħid din hi r-raġuni li minħabba fiha sirna poplu rrabjat? Bin Sirak ikompli jgħidilna; ‘M’hemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih.’ Forsi mistoqsija oħra li rridu nistaqsu lilna nfusna hija: tgħid aħna sirna poplu rrabjat għaliex sirna poplu kburi? Li tkun kburi jfisser li tħossok aħjar minn ħaddieħor, il fuq minnu, importanti aktar minnu. Jekk jiena nħossni aħjar minnek minħabba xi ħaġa kienet x’kienet, jien ma nistax inħobbok, u xi ħsara enormi nkun għamilt lili nnifsi! Il-bniedem li mhux kapaċi jħobb huwa bniedem li tilef id-dinjità tiegħu ta’ bniedem. Il-bniedem kien maħluq biex ikun maħbub minn Alla u mill-oħrajn u biex iħobb. Meta l-bniedem jitlef dan ikun tilef l-aktar ħaġa mportanti fil-ħajja.

Dan huwa dak li jrid jurina Ġesù fl-Evanġelju tal-lum; il-post ta’ quddiem huwa l-post li fih jien nħossni aħjar mill-oħrajn. Ġesù iwissina fuq il-periklu li nagħzlu dan il-post tant li jgħidilna, ‘Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar’. Li tiċċekken ma jfissirx sens ta’ inferjorità, iżda jfisser li tħossok wieħed mal-oħrajn, la aħjar u lanqas agħar. Dan huwa l-post fejn inti tifhem u taċċetta li aħna lkoll differenti, min tajjeb għal ħaġa u min tajjeb għal oħra. Fuq kollox dan huwa l-post ta’ min jista’ jħobb lill-oħrajn għax faċli għalih jifhem li dawn huma ħutu, ulied il-Missier wieħed tas-sema, li jħobbna lkoll u li jitgħaxxaq jarana ninħabbu. Nistaqsu lilna nfusna: jien kuntent inkun bħall-oħrajn, jew iffissat li rrid inkun aħjar minnhom, aktar importanti, aktar il fuq?

Mulej Ġesù, agħtina l-qawwa tal-ġrażżja li nifhmu r-rabta li hemm bejn l-imħabba awtentika u l-umiltà, biex hekk nagħżlu li nħobbu kif ħabbejtna int, jiġifieri dik l-imħabba li hija l-għotja tagħna nfusna lil Alla u lil ħutna. Ammen.

One thought on “It-22 Ħadd matul is-Sena Ċ. Ħsieb ta’ D. Edward Vella”

  1. Meta naqsam dak kollu li ghandi ,nghin lil l- ohrajn inhossnni aktar sinjura minn qatt qabel, aktar kuntenta U fil paci

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?