Il-ħajja ta’ dejjem. Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Għid tal-Imwiet.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lin-nies: “Dak kollu li missieri jagħtini jiġi għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema biex nagħmel mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum”. Ġw 6, 37-40.

  1. Riflessjoni/talba:

i. Ġesù qal lin-nies: “Dak kollu li missieri jagħtini jiġi għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx ’il barra; għax jiena nżilt mis-sema biex nagħmel mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.

Kemm faċli narmu l-persuni
minħabba difett fiżiku
għax ma jidħlux fil-qisien stabbiliti
għax fallew f’qasam jew ieħor.

Kemm nitħabtu mal-biża’
li Alla jarmina
li d-dnub għandu l-aħħar kelma
li l-bieb tagħna għat-tajjeb magħluq.

Irrifletti:
• Oqgħod ftit mal-kliem ta’ Ġesù fuqek: “ma nkeċċihx ‘il barra” – “ma nkeċċihiex ‘il barra”?

ii. Issa r-rieda ta’ min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

Li ma jitlef xejn!
Jara li aħna ma nintilfux f’xi mewt –
żgħira jew kbira –
jara li bil-paċenzja kollha jwassalna għall-għan aħħari
għall-qawmien, għall-ħajja, għall-glorja.

Jien ukoll nagħmel minn kollox
biex ma nitlef xejn minn dak li tani
li nieħu ħsieb il-ħajja
li napprezza kull ħin
li norjenta kollox –
suċċessi u fallimenti,
mewtiet żgħar jew kbar –
norjenta kollox għall-għan aħħari ta’ ħajti:
l-għaqda m’Alla, il-qawmien mill-imwiet.

Ngħix ħajti bis-saħħa ta’ Dak
li qed jaħdem fija biex ma nintilifx:
Sidna Ġesù Kristu.

Irrifletti
• X’ma tixtieqx titlef? Ma x’hiex marbut? Il-ħajja ta’ dejjem inkluża?

iii. Għax ir-rieda ta’ Missieri hija din: li kull min jara l-Iben u jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.

Nidħol fir-rieda tal-Missier:
nidħol minn issa fil-ħajja ta’ dejjem
billi nikkontempla l-persuna ta’ Ġesù
nemmen fiH u nadotta l-istil tal-ħajja tiegħU:
fil-responsabbiltajiet tal-preżent
niftaħ qalbi biex nagħmel il-ġid li Alla jixtieq fija;
ma’ Ġesù nilqa’ l-persuni u nfittex il-ġid tagħhom
nniżżel l-għeruq fi Kristu u nfittex li niżra’ l-paċi
fil-mewt nintelaq f’idejH – il-pont għall-ħajja ta’ dejjem.

Irrifletti

• Xi tfisser għalik li temmen f’Ġesù?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading