Dawl ta’ kull min jemmen fik. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi 

Il-Ħamis, 15 ta’ Marzu 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fir-4 Ħadd tar-Randan. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi 

Għandna llum wieħed mill-aktar mirakli profondi ta’ Ġesù, li nsibuh biss fl-Evanġelju skont San Ġwann. Mhuwiex biss miraklu fiżiku – fil-fatt, il-miraklu fiżiku jieħu biss ftit versi minn dan ir-rakkont twil – iżda wkoll storja ta’ mixja ta’ fidi, storja li tibda fid-dlam u tispiċċa fid-dawl.

Ħajja fid-dlam

L-Evanġelju jibda b’kelma sabiħa ħafna: “Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu” (Ġw 9:1). Dan ir-raġel ma kienx sar għami; kien twieled hekk. Qatt ma ra d-dawl tax-xemx. Qatt ma ra wiċċ ommu jew missieru. Qatt ma ra l-ġmiel tal-ħolqien. Il-ħajja tiegħu kienet magħluqa fid-dlam.

In-nies ta’ żmien Ġesù kienu jaħsbu li kull tbatija kienet kastig għad-dnub. Għalhekk id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?” (Ġw 9:2) Din il-mistoqsija turi mentalità li xi kultant għadna nsibuha anke llum: jekk jiġri xi ħaġa ħażina, irridu nsibu ta’ min hu t-tort, anke jekk kultant inħawdu, bħalma għamlu d-dixxipli meta staqsew jekk twelidx agħma għax dineb hu. Kif jista’ jidneb jekk ikun għadu ma twelidx?

Imma għamlu sew id-dixxipli li staqsew, għax b’hekk Ġesù seta’ jwieġeb b’mod li jiftaħ orizzont ġdid: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih” (Ġw 9:3) Alla ma jħarisx lejn il-feriti tagħna biex isib min hu ħati. Alla jħares lejn il-feriti tagħna biex jurina kif il-grazzja tiegħu tista’ taħdem fihom.

Ħolqien mill-ġdid

Ġesù jieħu l-inizjattiva hu meta jilmaħ ir-raġel agħma. L-agħma ma setax jarah u jitolbu jgħinu, u ma kien hemm ħadd li ressqu lejn Ġesù.  Għalhekk imur Ġesù fuqu. U jagħmel xi ħaġa stramba: jobżoq fl-art, jagħmel qisu tajn mill-art u jidlek bih għajnejn ir-raġel. Imbagħad jgħidlu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam” (Ġw 9:7). Ir-raġel imur jinħasel. U jiġi lura jara.

Fiex ifakkarna t-tajn li uża Ġesù? Ifakkarna fil-bidu tal-Iskrittura, meta Alla ħalaq lill-bniedem mit-trab tal-art. Ġesù, billi jagħmel it-tajn, qed jagħmel ħolqien ġdid. Mhux biss qed ifejjaq għajnejn; qed joħloq mill-ġdid il-bniedem. Il-bniedem li kien jgħix fid-dlam jibda jgħix fid-dawl.

L-għama spiritwali

Imma hawn il-ġrajja tieħu xejra oħra. Minflok ferħ u gratitudni, jibdew diskussjonijiet u akkużi. Il-Fariżej jagħmlu interrogatorju lil dan il-bniedem. Il-problema tagħhom mhijiex li seħħ miraklu. Il-problema tagħhom hija li dan il-miraklu sar fil-jum tas-Sibt. Il-liġi kienet saret aktar importanti mill-bniedem. Hawn naraw ironija kbira: f’dan ir-rakkont, ir-raġel li kien għami jibda jara dejjem aktar; dawk li jaħsbu li jaraw jibdew jidħlu f’għama spiritwali.

L-Evanġelju jurina żewġ mixjiet opposti: Ir-raġel imfejjaq kien għama, iltaqa’ ma’ Ġesù, jibda jagħraf min hu, u fl-aħħar jgħid: “Nemmen, Mulej!” (Ġw 9:38) Il-Fariżej jaħsbu li jafu kollox, jaraw il-miraklu u jirrifjutaw li jemmnu, u jagħlqu qalbhom aktar.

Il-miraklu tal-Evanġelju mhuwiex biss li bniedem beda jara. Il-miraklu l-iktar importatni huwa li qalb tibda temmen.

Mixja gradwali ta’ fidi

Nixtieqkom tinnutaw kif il-bniedem imfejjaq jiddeskrivi lil Ġesù tul din il-ġrajja. Fil-bidu jgħid: “Wieħed raġel jgħidulu Ġesù…” (Ġw 9:11). Għalih kien sempliċiment “wieħed raġel”. Aktar tard jgħid: “Dak profeta” (Ġw 9:17). Imbagħad jgħid li “dan ġej mingħand Alla” (Ġw 9:33). U fl-aħħar, meta Ġesù jerġa’ jsibu u juri min hu tassew, ir-raġel jagħrfu bħala l-Mulej, jinxteħet għarkopptejh quddiemu, u jgħid: “Nemmen, Mulej”. (Ġw 9:38)

Din hija mixja ta’ fidi. Dan ir-raġel isir jara, u jibda jara wkoll bil-fidi. Din hija stedina lilna wkoll biex f’ħajjitna dejjem niskopru aktar lil Ġesù bħala l-Mulej. Altru nħarsu lejh bħala “wieħed raġel”, li għamel il-ġid, għamel l-għeġubijiet, għallem ħafna affarijiet sbieħ, imma figura tal-imgħoddi; altru nqisuh bħala l-Mulej li hu ħaj illum, u li jagħti sens lill-ħajja tagħna u jagħtina d-dawl li għandna bżonn. Din hi mixja li nagħmlu fil-ħajja tagħna li tgħinna biex nissaħħu fil-fidi tagħna.

Il-prezz tal-verità

Meta r-raġel jibqa’ jinsisti li kien Ġesù li fejqu – għax dik kienet il-verità – il-mexxejja reliġjużi jkeċċuh mis-sinagoga. Jitlef il-post tiegħu fil-komunità. Xi drabi l-verità għandha prezz. Il-fidi titlob kuraġġ. Dar-raġel baqa’ jgħid il-verità minkejja kull pressjoni. Ma ċediex għall-intimidazzjoni. Lilna jgħallimna biex ma nċedux għall-pressjoni, u nkunu dejjem fidili lejn il-verità.

Imma hemm dettall sabiħ ħafna fl-Evanġelju: meta r-raġel jitkeċċa, Ġesù jmur ifittxu hu stess. Bħalma kien hu li resaq fuqu fil-bidu, issa hu jmur ifittxu. Meta n-nies iċaħħduh mill-komunità, Ġesù jagħtih laqgħa personali. Dan ifakkarna li meta nibqgħu fidili lejn il-verità, Kristu qatt ma jabbandunana. Hu jibqa’ magħna, u jrid ikun għalina ta’ sostenn u għajnuna.

Inħallu lil Alla jgħallimna

L-Evanġelju, speċjalment fir-reazzjoni ħarxa tal-Fariżej, jurina li l-problema vera mhijiex li ma narawx. Il-problema vera hija meta naħsbu li naraw kollox u ma nħallux lil Alla jgħallimna. Hi l-umiltà li tiftaħ il-bieb għall-grazzja. Il-kburija tagħlaq il-qalb.

Xi kultant nistgħu nkunu għomja għall-bżonnijiet tal-foqra, għat-tbatija ta’ min hu waħdu, għad-dinjità ta’ kull ħajja umana, għall-preżenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Nistgħu naraw b’għajnejna, imma ma narawx bil-qalb. Il-fidi tagħtina tip ta’ dawl li jmur lil hinn mill-għajnejn fiżiċi.

Nemmen, Mulej

Ir-raġel tal-Evanġelju beda l-ġurnata bħala tallab għami u spiċċaha bħala bniedem li jara u jemmen.Ma rċeviex biss id-dawl tal-għajnejn. Irċieva d-dawl tal-fidi. L-istess mistoqsija li Ġesù għamel lilu qed jagħmilha lilna llum: “Temmen int?”  Jalla l-qalb tagħna twieġeb bħalu: “Nemmen, Mulej.”

Ħa tkun din it-talba tagħna: Mulej, saħħaħ il-fidi tiegħi, iftaħli għajnejja u qalbi biex nara d-dawl tiegħek. Għinni nara l-preżenza tiegħek fil-ħajja tiegħi, il-ġmiel tal-ħolqien, il-bżonnijiet tal-oħrajn, it-triq li inti tridni nimxi.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading