LOURDES: il-post tat-talb u t-tama (3)
Minn Michael Caruana
| Fis-sebgħa ta’ filgħodu tat-3 ta’ Marzu 1858, Bernadette marret fl-għar, ressqet lejn il-blata, iżda “s-Sinjura” ma dehritx. Dakinhar kienu preżenti mat-3,000 persuna. Waqt li kienet l-iskola ħasset li kellha terġa’ lura. Filfatt reġgħet marret fl-għar u, fuq talba tal-Kappillan ta’ Lourdes, Monsinjur Peyramale, talbet “lis-Sinjura” tgħidilha isimha. It-tweġiba kienet tbissima. Tbissima siekta. Tbissima li għadha ma pprovditx spjegazzjoni. Żgur, iżda, li minn dak il-jum, Lourdes aċċettat l-għejja umana, il-ġrieħi u s-sofferenzi. Lourdes huwa wkoll post ta’ ferħ kwiet, ta’ konsolazzjoni profonda u ta’ dawl mill-ġdid għal ħafna. |
L-EWWEL MIRAKLU TA’ LOURDES
Fl-1 ta’ Marzu s-Santwarju ċċelebra t-tnax-il dehra tal-Madonna lil Bernadette. Data li tħalli marka dejjiema fl-istorja tad-dehriet: dik tal-ewwel miraklu ta’ Lourdes. Fl-1 ta’ Marzu 1858, Catherine Latapie (ritratt) li kienet qed tistenna tarbija, telqet lejn Lourdes maż-żewġ uliedha oħra. Kienet tgħix f’Loubajac, raħal żgħir madwar seba’ kilometri ’l bogħod minn Lourdes. Riċentement kien hemm diskussjoni dwar l-għajn ta’ ilma li ħareġ fl-għar fid-dehra tal-25 ta’ Frar li jingħad li kien diġà ġab barka fuq il-poplu ta’ Lourdes.

Sentejn qabel waqgħa ħalliet lil Latapie b’żewġt iswabgħa paralizzati. Minkejja l-għejja u l-isforz meħtieġ mit-tqala tagħha, marret lejn l-għar u daħlet idejha fl-ilma. F’daqqa waħda subgħajha nħallu u reġgħet bdiet tħaddimhom. Iżda l-istorja ma spiċċatx hemm għax ftit wara bdiet tħoss il-kontrazzjonijiet tal-ħlas. Hi talbet lis-Sinjura li kienet qed tidher lil Bernadette biex tagħtiha l-grazzja li terġa’ lura sew. Hi waslet id-dar u welldet tifel, Jean-Baptiste, li sar saċerdot.
Fl-1862 il-Knisja rrikonoxxiet il-fejqan tagħha bħala l-ewwel miraklu ta’ Lourdes. Minn dakinhar, miljuni ta’ Pellegrini marru Lourdes ifittxu s-serħan u t-tama. Minn dakinhar ukoll tressqu ’l fuq minn 7,000 każ ta’ fejqan eċċ, iżda minnhom huma 72 każ li ġew rikonoxxuti bħala mirakli.
Għal 168 sena wkoll, eluf ta’ xemgħat tqiegħdu f’riġlejn il-Madonna, sinjal u katina ta’ dawl u talb bla waqfien.
| L-Erbgħa, 11 ta’ Frar, il-ħarsa tagħna kienet fuq il-blat ta’ Massabielle fejn 168 sena ilu, is-sema ħares fuq l-art. Eluf ta’ Kattoliċi u humiex mid-dinja kollha ngħaqdu biex iċċelebraw l-ewwel dehra tal-Madonna lil Bernadette, opportunità li matulha esperjenzaw mumenti ta’ ġabra u talb. |
| U fit-18 ta’ Frar, il-Knisja ċċelebrat il-festa ta’ Santa Bernadette. Din is-sena, is-Santwarju ta’ Lourdes iċċelebra lil Santa Bernadette il-ġurnata ta’ qabel billi t-18 ta’ Frar izertat l-Erbgħa tal-Irmied. L-ewwel jum tar-randan. Il-ħajja ta’ qdusija ta’ Bernadette kienet immarkata mhux biss mit-18-il dehra li kellha fl-età ta’ 14-il sena, iżda wkoll mill-impenn tagħha li tgħin lill-ifqra fost il-fqar tas-soċjetà. It-18 ta’ Frar kien ukoll il-jum tat-tielet dehra, l-ewwel darba li tkellmet is-Sinjura ta’ Massabielle. Kien jum li mmarka l-bidu tal-missjoni ta’ Bernadette: “Tista’ tagħtini l-unur li tiġi hawn għal ħmistax-il jum?” Anki dakinhar kienu eluf l-Kattoliċi u mhumiex mid-dinja kollha li kienu Lourdes biex iċċelebraw il-festa ta’ Santa Bernadette. |
Is-Santwarju ta’ Lourdes issa qed jistieden lill-Insara kollha biex isegwu l-passi ta’ Bernadette u fil-bidu ta’ April, fil-ġimgħa Mqaddsa, ikunu Lourdes biex jesperjenzaw il-preparazzjoni għall-Għid u jidħlu fil-misteru tal-messaġġ ta’ Lourdes.
L-eluf ta’ nies li kienu s-Santwarju għall-festa tal-Madonna ta’ Lourdes kif ukoll għall-festa ta’ Santa Bernadette qawwa l-ħsieb tad-direzzjoni li matul l-istaġun tal-pellegrinaġġi bejn April u Ottubru li ġej jaqbżu n-numru ta’ pellegrini li żar s-Santwarju qabel il-covid: dak ta’ 3.7 miljuni.
Jekk il-Bambin irid se nkun qed immexxi l-ewwel grupp tiegħi f’Lourdes – dan se jkun il-155 grupp li se nkun qed immexxi mill-1988 ’il hawn – għal din is-sena bejn il-Ġimgħa, 3 u l-Erbgħa, 8 ta’ April.