Messaġġ tal-Papa Ljun XIV fl-Angelus tar-4 Ħadd fir-Randan

IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan, 15 ta’ Marzu, 2026

Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan ir-raba’ Ħadd tar-Randan jirrakkuntalna l-fejqan ta’raġel għama mit-twelid (cfr Ġw 9,1-41).  Permezz tas-simboliżmu ta’ dan l-epsodju, l-evanġelista Ġwanni jkellimna dwar il-misteru tas-salvazzjoni: meta konna għadna fid-dlam, meta l-umanità kienet għadha miexja fid-dlam (cfr , 1), Alla bagħat lil Ibnu bħala dawl għad-dinja, biex jiftaħ għajnejn l-għomja u jdawwlilna ħajjtina.

Il-profeti kienu ħabbru li l-Messija kellu jiftaħ għajnejn l-għomja (cfr  29,18; 35,5; Salm 146,8).  Ġesù nnifsu jikkonferma l-missjoni tiegħu xħin juri li “l-għomja jerġgħu jiksbu d-dawl” (Ġw 8,12).  Fil-fatt nistgħu ngħidu li lkoll kemm aħna “għomja sa mit-twelid”, għax waħedna ma jirnexxilniex naraw il-misteru tal-ħajja fil-profondità tiegħu.  Kien AktarAlla sar laħam f’Ġesù, biex it-tajn tal-umanità tagħna, magħġun bin-nifs tal-grazzja tiegħu, jirċievi dawl ġdid, li fl-aħħar mill-aħħar jgħinna naraw lilna nfusna, lill-oħrajn u lil Alla, fil-verità.

Jolqtok il-fatt li tul is-sekli nfirxet l-idea, li għadha magħna llum ukoll, li l-fidi hi speċi ta’ “qabża fid-dlam”, jiġifieri li l-fidi tfisser li temmen “b’għajnejk magħluqa”.  Iżda l-Evanġelju jgħidilna li bil-kuntatt ma’ Kristu l-għajnejn jinfetħu, tant li l-awtoritajiet reliġjużi jsaqsu b’insistenza lill-għama mfejjaq: “Kif infetħulek għajnejk?” (Ġw 9,10); u aktar: “Kif fetaħhomlok għajnejk?” (v. 26).

Ħuti, illum aħna wkoll, imfejqin mill-imħabba ta’ Kristu, għandna sejħa biex ngħixu kristjaneżmu “bl-għajnejn miftuħa”.  Il-fidi mhix att għama, ma tfissirx li nabbandunaw ir-raġuni, li ningħalqu f’xi tip ta’ ċertezza reliġjuża li ġġagħalna nitfgħu ħarsitna bogħod mid-dinja.  Għall-kuntrarju, il-fidi tgħinna nħarsu lejn is-sitwazzjonijiet bl-istess għajnejn ta’ Ġesù: tagħmilna sehem mill-mod kif jarahom hu (Enċ, Lumen fidei, 18), u għaldaqstant titlobna niftħu għajnejna, kif kien jagħmel hu, fuq kollox, għat-tbatija tal-oħrajn u l-ġerħat tad-dinja.

Illum, b’mod partikolari, quddiem tant mistoqsijiet tal-qalb tal-bniedem u quddiem is-sitwazzjonijiet drammatiċi ta’ inġustizzja, vjolenza u tbatija li jimmarkaw żmienna, hemm bżonn fidi ħajja, attenta u profetika, li tiftħilna għajnejna għad-dlam tad-dinja u twasslilha d-dawl tal-Evanġelju b’impenn għall-paċi, għall-ġustizzja u s-solidarjetà.

Nitolbu lill-Verġni Marija tinterċedi għalina sabiex id-dawl ta’ Kristu jiftħilna l-għajnejn ta’ qlubna ħalli nkunu xhieda tiegħu bis-sempliċità u l-kuraġġ.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Minn ħmistax ‘l hawn, il-popli tal-Lvant Nofsani qed isofru vjolenza atroċi minħabba l-gwerra.  Eluf ta’ persuni innoċenti nqatlu u għadd ferm akbar kellhom jaħarbu minn djarhom.  Intenni li jien qrib u nitlob għal dawk kollha li tilfu lill-għeżież tagħhom fl-attakki li saru fuq skejjel, sptarijiet u ċentri abitati.

Is-sitwazzjoni fil-Libanu hi preokkupanti għall-aħħar,  Nawgura toroq ta’ djalogu li jkunu ta’ sapport għall-awtoritajiet tal-pajjiż biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għall-kriżi gravi li hemm bħalissa, għall-ġid tal-poplu lebaniż kollu.

F’isem l-insara tal-Lvant Nofsani u f’isem in-nisa u l-irġiel kollha ta’ rieda tajba, indur lejn min hu responsabbli għal dal-kunflitt: waqqfu l-ġlied!  Iftħu mill-ġdid it-toroq tad-djalogu!  Il-vjolenza qatt ma twassal għall-ġustizzja, għall-istabbiltà u l-paċi li jistennew u jridu l-popli.

Nagħti merħba lilkom ilkoll li tinsabu fi Pjazza San Pietru!

Insellem lill-fidili minn Valencia u Barcelona, kif ukoll lil dawk minn Palermo.

Nilqa’ bil-ferħ lill-gruppi ta’ adoloxxenti li qed jitħejjew biex jirċievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni: minn Berceto, djoċesi ta’ Parma; minn Tuto, djoċesi ta’ Firenze; minn Torre Maina u Gorzano, fid-djoċesi ta’ Modena-Nonantola.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ mill-parroċċa San Gregorio Magno f’Ruma u liż-żgħażagħ minn Capriano del Colle u Azzano Mella fid-djoċesi ta’ Brescia.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading