Minn Joe Galea
Illum, it-12 ta’ Marzu, infakkru d-59 sena mill-mewt ta’ Ewġenju Borg, li kien l-ewwel Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM. Is-Soċjetà u l-Knisja ta’ Malta ilhom f’ħidma biex Ewġenju Borġ jiġi dikjarat Beatu, bħalma kien dikjarat San Ġorġ Preca qabel ma ġie dikjarat Qaddis.
Għażla għaqlija
Meta Dun Ġorġ għażel lil Ewġenju Borg, għamel għażla tassew tajba. Ra fih kwalitajiet tajbin, għal wieħed li se jmexxi s-Soċjeta’ ġdida tiegħu. Kompla jagħtih l-formazzjoni li kien jeħtieġ, biex ikun Soċju ħabrieki u ta’ qalb tajba.
Dun Ġorġ xtaq li jwaqqaf Soċjetà ta’ Katekisti li jkunu kapaċi jgħallmu tagħlim tajjeb. Huwa għamel ħbieb ma’ grupp ta’ żagħżagħ li kienu jiltaqgħu quddiem il-Knisja tal-Ħamrun. Dawn ma kellhom l-ebda tagħlim u kienu jintefgħu jpejpu, jitkellmu fuq il-futbol u jiċċajtaw. Is-seminarista Ġorġ beda jiltaqa’ magħhom b’mod regolari biex jgħallimhom dwar Alla, dwar Sidna Ġesu’ Kristu u suġġetti importanti oħra.
Sar ħabib magħhom, speċjalment ma’ Ewġenju Borg, żagħżugħ ħabrieki u fuq tiegħu. Darba, Dun Ġorġ dar fuq Ewġenju u qallu biex il-Ħadd ta’ wara jmorru passiġġata flimkien. Qallu wkoll biex jieħu xi ħaġa x’jiekol u l-Bibbja. Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ laqgżat li fihom Dun Ġorġ kien jispjega l-Bibbja lil Ewġenju Borg, li wara kellu jsir l-ewwel Superjur Ġenerali tal-MUSEUM.
Ħaddiem fit-Tarzna
Ewġenju Borg kien ħaddiem fit-Tarzna, ħabrieki u eżatt fix-xogħol tiegħu, mingħajr ma kien jiskarta jew jaħdem bil-mod apposta biex jgħaddi l-ħin. Ħaddiema fl-istess workshop kienu qalu li ma kienx iħalli nies ikellmuh waqt il-ħin tax-xogħol. Kien igawdi rispett minn sħabu, imma kien hemm min ifixklu. Lil dan Ewġenju kien jieħdu bil-paċenzja u meta kien jitolbu biex isellfu l-għodda, kien jislifhielu bla tgergir.
Fit-2 ta’ Frar 1907, Dun Ġorġ beda jlaqqa’ ż-żagħżagħ fi Knisja żgħira fil-Ħamrun. Wara kera dar bi ftit kmamar f’numru 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Kien f’din id-dar li saret l-ewwel laqgħa tal-MUSEUM.
Ftit ġranet wara, Dun Ġorġ qal lis-Soċji li minn dakinhar ‘il quddiem ma riedx li s-Soċji jpejpu. F’dak iż-żmien it-tipjip kien vizzju komuni. Qalilhom hekk biex jidraw jiċċaħħdu. Kif sema’ lil Dun Ġorġ jgħid hekk, Ewġenju, li kien ipejjep ħafna, ħareġ il-pakkett tas-sigaretti mill-but, għaffġu u minn dakinhar ‘il quddiem ma pejjipx sigarett ieħor.
Dun Ġorġ nissel fis-Soċji ukoll imħabba qawwija lejn l-Evanġelju minħabba li l-Vanġelu jlaqqagħna mal-persuna għażiża ta’ Ġesù Kristu. Kien iħobb jgħidilhom, “Kunu ħbieb tal-Evanġelju.” Ewġenju kien jieħu siltiet mill-Bibbja u fil-ħin tal-brejk kien imur f’xi rokn u joqgħod jaqra u jirrifletti.
Ħajja ta’ ħidma
Kuljum, wara l-ħin tax-xogħol, Ewġenju kien imur bil-mixi jew bir-rota f’irħula differenti biex jgħallem il-katekiżmu lit-tfal u liż-żgħażagħ. Il-Ħadd kien joħodhom għall-passiġġata fil-kampanja.

Is-Soċji, fosthom Ewġenju, ma kinux kuntenti biss li jgħallmu lit-tfal. Kienu jaħtfu kull opportunità biex jgħallmu anke lill-kbar. Ilaqqgħu lin-nies u jgħidulhom xi kelma ta’ ġid anke fil-ħwienet tat-te’, fil-każini, f’xi pjazza jew f’xi ħanut. Dawk li kienu jisimgħuhom kienu jistagħġbu bil-ħeġġa li kien ikollhom u mhux l-ewwel darba kien hemm min bidel ħajtu.
Dun Ġorġ kien jgħallem lis-Soċji biex ma jiilfux okkażjoni ta’ ġid. Darba Ewġenju kien ħdejn id-dwana, il-Furjana qabel tidħol il-Belt u sema’ kuċċier ta’ karozzin jidgħi. Jidher li kien raġel b’saħħtu u tal-ġlied. “Tkellem sew!”, qallu Ewġenju. “X’għedt?”, wieġbu l-kuċċier taparsi mhux jifhem. Ewġenju reġa’ qallu “Tkellem sew!” u r-raġel taparsi ma fehmux. Imbagħad Ewġenju resaq ħdejh u għajjat, “Tkellem sew!”. Il-kuċċier donnu nstamat u qallu, “Kollox sew, sinjur”.
Dawn huma ftit episodji mill-ħajja ta’ Ewġenju Borg. Ifakkruna biex nitolbu lil dan il-qaddej ta’ Alla, kemm biex narawh dikjarat Beatu mill-Knisja kif ukoll nitolbuh xi grazzja li nixtiequ għalina u għall-oħrajn.
