Is-Sibt, 16 ta’ Mejju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi f’Quddiesa bl-Ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti ġodda. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
“Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 16:24). Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum. Huwa jum mimli ferħ, jum ta’ grazzja kbira għall-Knisja. Permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri, il-Mulej qed jikkonsagra bl-Ispirtu tiegħu lil dawn li hu sejjaħ – David, Ryan u Jerome – u jibgħathom fid-dinja bħala ministri tal-imħabba u tal-ħniena tiegħu.
L-ordinazzjoni qabel kollox hija misteru ta’ mħabba divina. Qabel ma hemm l-“iva” tal-bniedem, hemm is-sejħa ta’ Alla. Qabel ma hija missjoni mogħtija mill-Knisja, hija inizjattiva li titwieled fil-qalb ta’ Alla nnifsu.
Għeżież ħuti li se tkunu ordnati saċerdoti, illum il-Knisja tħares lejkom bi mħabba u b’fiduċja. Iżda aktar minn hekk, Alla jħares lejkom bi mħabba. L-Evanġelju li għadna kemm smajna minn San Ġwann iqiegħed quddiemna kliem sabiħ u ta’ faraġ ta’ Ġesù: “Il-Missier stess iħobbkom” (Ġw 16:27). Hu kliem indirizzat lilkom ukoll. Fil-qalba tas-saċerdozju hemm din il-verità: is-saċerdot huwa qabel xejn bniedem maħbub minn Alla.
Bniedem ta’ Alla
Qabel ma s-saċerdot jappartjeni lill-poplu, għandu jappartjeni lil Alla. Qabel ma jitkellem fuq Alla, għandu jgħix f’għaqda miegħu. Qabel ma jsir ragħaj, għandu jibqa’ dixxiplu. Dan huwa l-pedament tal-ministeru saċerdotali kollu.
Il-profeta Iżaija jgħid: “L-Ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi, għax il-Mulej ikkonsagrani” (Iż 61:1). Dan il-kliem illum jieħu ħajja partikulari. Permezz tad-dilka tal-Ispirtu s-Santu, intom se ssiru ħaġa waħda ma’ Kristu, is-Saċerdot il-Kbir, biex issiru sinjali ħajjin ta’ Kristu f’nofs il-poplu tiegħu.
Id-dinja għandha bżonn saċerdoti li jafu lil Alla, li jitolbu, li jisimgħu l-Kelma, li jibqgħu qrib Kristu, u li jxandru l-preżenza tiegħu permezz tas-sempliċità u l-awtentiċità ta’ ħajjithom. Saċerdot li ma jibqax jitlob, ftit ftit jispiċċa vojt. Iżda saċerdot bl-għeruq tiegħu fit-talb isir mezz li permezz tiegħu Alla jista’ jmiss il-qlub, ifejjaq il-ġrieħi u jqajjem it-tama.
Għeżież ħuti, ħarsu r-relazzjoni tagħkom ma’ Kristu fuq kollox. Għixu b’fedeltà t-talb tagħkom. Għożżu s-skiet tagħkom quddiem Alla. Il-ministeru tagħkom jagħti l-frott mhux l-ewwel minħabba t-talenti tagħkom – li huma sbieħ u apprezzati – iżda għax tibqgħu magħqudin mal-Mulej.
Magħżulin mhux għall-poter iżda għall-missjoni
Il-kelma ta’ Alla llum tagħmilha ċara li s-saċerdozju huwa dejjem marbut mal-missjoni. Iżaija jitkellem dwar it-tħabbira tal-bxara t-tajba lill-fqajrin, il-fejqan ta’ dawk li qalbhom miksura, il-faraġ ta’ dawk li jinsabu fin-niket, u l-ħelsien tal-imjassrin. Ġesù fl-Evanġelju jfakkar lid-dixxipli li hu ħareġ mingħand il-Missier u daħal fid-dinja. Dejjem hemm moviment ’il barra. Alla jibgħat.
Għalhekk is-saċerdot qatt ma jista’ jgħix għalih innifsu. Is-saċerdozju mhuwiex kwistjoni ta’ poter jew prestiġju. Huwa sejħa għall-għotja sħiħa tiegħek innifsek. Huwa sejħa biex wieħed isir qaddej fuq l-eżempju ta’ Kristu nnifsu.
Għeżież ħuti, intom qed tintbagħtu biex tkunu qaddejja fir-realtajiet konkreti tal-ħajja umana: għand dawk li jbatu, dawk li għandhom dubji, dawk li jħossuhom abbandunati, għand il-familji li qed iġorru piżijiet kbar, għand il-fqar u l-minsijin, għand dawk li qed ifittxu sens għall-ħajja, għand il-midinbin li qed jixxennqu għall-ħniena.
Ftakru: saċerdot qatt ma għandu jingħalaq fil-kumdità jew fir-rutina. Qalbu trid tibqa’ missjunarja – intom it-tlieta din tifhmuha żgur b’rabta mal-kariżma tagħkom. Anke meta jaqdi f’komunità waħda, qalb is-saċerdot trid tirrifletti l-qalb ta’ Kristu: qalb li dejjem tfittex lil min hu mbiegħed u ferut. Il-Knisja llum għandha bżonn saċerdoti li għandhom il-kuraġġ joħorġu jiltaqgħu man-nies fejn jinsabu. Saċerdoti li ma jibżgħux jisimgħu, jilqgħu, jakkumpanjaw, u xi kultant sempliċement jibqgħu preżenti ma’ dawk li jbatu.
Qaddejja tal-imħabba ta’ Alla
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jitkellem b’mod qawwi dwar l-imħabba tal-Missier. Dan huwa importanti għaliex is-saċerdot huwa msejjaħ biex ikun sinjal ta’ din l-imħabba ta’ Alla u jwassalha. Is-saċerdot ma jippritkax lilu nnifsu. Hu jipprietka lil Kristu. Hu ma jagħtix il-ħniena tiegħu. Isir strument tal-ħniena ta’ Alla. Hu ma jiġborx in-nies madwar il-personalità tiegħu. Imexxihom lejn il-Mulej.
Ilkoll nagħrfu kemm għandna bżonn dan illum. Niltaqgħu ma’ ħafna nies li ħajjithom immarkata mis-solitudni, l-ansjetà, il-firdiet u l-biża’. Ħafna nies iġorru ġrieħi moħbija. Xi kultant ma jafux iżjed fejn ifittxu t-tama. Is-saċerdot huwa msejjaħ jidħol f’dawn ir-realtajiet billi jġorr fih il-kompassjoni ta’ Kristu.
Idejkom, għeżież ħuti, se jbierku lill-poplu ta’ Alla. Xofftejkom se jxandru l-maħfra. Leħinkom se jħabbar l-Evanġelju. Idejkom se jżommu l-Ewkaristija, l-akbar teżor tal-Knisja. Qatt titilfu s-sens ta’ stagħġib quddiem dan il-misteru. Kull darba li tiċċelebraw il-quddiesa, Kristu nnifsu jkun qed iqaddes lin-nies permezz tagħkom. Kull darba li taħfru d-dnubiet, Kristu nnifsu jkun qed iġedded u jfejjaq. Kull darba li tidilku lill-morda, Kristu nnifsu jkun qed ifarraġ. Intom imsejħin biex tkunu bnedmin li ħajjitkom kollha titkellem dwar il-ħniena u t-tenerezza ta’ Alla. Mhux biss permezz ta’ ġesti kbar, iżda permezz tal-paċenzja, il-ħlewwa, il-fedeltà u l-qrubija lejn il-poplu afdat f’idejkom.
L-umiltà li wieħed jibqa’ jitgħallem
Il-qari mill-Atti tal-Appostli jippreżentalna lil Apollo, predikatur mimli ħeġġa u doni, iżda li xorta waħda baqa’ miftuħ biex jitgħallem aktar u jitħarreġ aħjar. Din hija tfakkira sabiħa għal kull saċerdot.
Saċerdot qatt ma għandu jsir awtosuffiċjenti jew magħluq fih innifsu. L-umiltà hija essenzjali għal ministeru li jagħti l-frott. Għeżież, ibqgħu miftuħin biex titgħallmu, biex tieħdu formazzjoni kontinwa; ibqgħu lesti tilqgħu korrezzjoni, ibqgħu dejjem disponibbli biex tikbru. Imxu flimkien ma’ ħutkom is-saċerdoti. Għinu lil xulxin. Ħeġġu lil xulxin. Qatt tħallu l-iżolament iwebbes qalbkom. Is-saċerdozju għixuh fil-komunjoni tal-kongregazzjoni tagħkom u tal-Knisja.
Il-forma Ewkaristika tas-saċerdozju
Fil-qalba tal-ħajja saċerdotali hemm l-Ewkaristija. Kuljum intom se ttennu l-kliem ta’ Ġesù: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom”. Dan il-kliem mhux biss kliem sagramentali. Bil-mod il-mod għandu jsir il-mudell tal-ħajja kollha tagħkom. Kif se tisimgħu ftit ieħor: “Fassal ħajtek fuq dak li se jkollok f’idejk”. Intom imsejħin biex tkunu bnedmin Ewkaristiċi – bnedmin li tingħataw għall-oħrajn.
Tibżgħux tagħtu lilkom infuskom kompletament lil Kristu u lill-poplu tiegħu. Se jkun hemm mumenti ta’ ferħ fil-ministeru tagħkom. Mumenti meta taraw il-fidi terġa’ titwieled fil-qlub, familji mfejqa, u ħajjiet mibdula bil-grazzja. Iżda se jkun hemm ukoll mumenti ta’ għeja, nuqqas ta’ ftehim u sagrifiċċju. F’dawk il-mumenti ftakru li s-saċerdozju jgħaddi mis-Salib qabel jasal għall-Qawmien. Ħajja saċerdotali ġeneruża dejjem tagħti l-frott, anke meta l-frott ma jidhirx minnufih.
Alla għadu jsejjaħ
Għeżież ħuti, l-ordinazzjoni tal-lum hija wkoll messaġġ ta’ tama għall-Knisja kollha. Alla għadu jsejjaħ. Kristu għadu jafda l-missjoni tiegħu f’idejn bnedmin dgħajfa imma qawwija bil-grazzja tiegħu. L-Ispirtu s-Santu għadu jqajjem ragħajja għall-Poplu ta’ Alla. Dan għandu jimliena bi gratitudni u fiduċja ġdida, u b’talba biex ikunu ħafna dawk li jilqgħu din is-sejħa ta’ Alla biex jimxu warajh fil-ħajja saċerdotali.
Jalla Marija, Omm is-Saċerdoti, takkumpanjakom u tħariskom tul il-ministeru tagħkom. Jalla tgħallimkom taqdu b’umiltà, bil-ferħ, bil-fedeltà, u bil-kuraġġ, u tkunu dejjem strumenti ta’ għaqda. U jalla s-saċerdozju tagħkom dejjem juri lid-dinja l-wiċċ ta’ Kristu, ir-Ragħaj it-Tajjeb li ġie mhux biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi u jagħti ħajtu għall-poplu tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju
Sors: www.knisja.mt