QUDDIESA U PURĊISSJONI TAL-“MADONNA TAL-GĦADIRA”
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Knisja tal-Imqaddsa Marija tal-Għadira (Castel Gandolfo)
Is-Sibt 29 ta’ Awwissu 2026
Għeżież ħuti,
Kemm jien kuntent li qed niċċelebra flimkien magħkom il-Festa tal-Madonna tal-Għadira, kif diġà għamlu fl-imgħoddi xi wħud mill-Predeċessuri tiegħi: San Pawlu VI, li ħeġġeġ u wieżen il-bini ta’ din il-knisja ddedikata lil Marija u kkonsagraha, u San Ġwanni Pawlu II, li hawn ried ifakkar il-memorja tagħha u jġedded il-messaġġ tagħha.
Il-Liturġija tal-Kelma toffrilna testi li huma f’armonija tajba ma’ dan l-appuntament tradizzjonali.
Fl-Ewwel Qari l-profeta Ġeremija jkellimna fuq il-bżonn irreżistibbli tiegħu li jwieġeb għas-sejħa li hu rċieva: “Qarraqtni, Mulej”, jgħid, “u jien tqarraqt […]. Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad […]; għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih” (Ġer 20:7,9). Alla wrieh li hu għarfu u għażlu sa minn ġuf ommu (ara ibid., 1:5), u li hu jħobb lill-poplu tiegħu bi mħabba ta’ dejjem (ara ibid., 31:3); kellmu dwar il-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni, u hu ma jistax jiskot aktar. Iħoss impuls li ma jistax iżommu biex iwassal lil kulħadd il-messaġġ tiegħu, anki jekk jaf li dan se jwasslu biex jispiċċa jkollu jagħmel ħwejjeġ li lil ħafna mhux ħa jogħġbuhom, iħabbat wiċċu ma’ tbatijiet u nuqqas ta’ ftehim, sa ma jsir oġġett ta’ “tagħjir u tmaqdir kuljum” (v. 7). Imma l-imħabba twasslu biex jaġixxi għall-ġid tal-poplu tiegħu, bla kompromessi, sal-aħħar.
Huwa dan li jgħallimna wkoll Ġesù fil-Vanġelu. Ftit qabel kien għadu kemm tema’ lil ħamest elef raġel b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet (ara Mt 14:15-21), u mbagħad lil erbat elef oħra, b’seba’ ħobżiet u ftit ħutiet (ara Mt 15:32-38). Issa, lil hemm mis-suċċess li qanqal b’dawn il-ġesti, huwa jfisser lid-dixxipli tiegħu s-sens Messjaniku ta’ dak li wettaq: jiżvelalhom li jkollu “jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum” (Mt 16:21).
Ġesù jfisser kif, wara tant mirakli li għamel, issa se juri darba għal dejjem il-glorja tiegħu: billi minn jeddu jissagrifika ħajtu (ara Ġw 10:17-18) u joffri lilu nnifsu fuq is-salib bħal ħobż miksur. U jippreċiża li l-istess ikollu jagħmel kull min irid jissokta l-missjoni tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja”, jgħidilna, “għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja” (v. 24).
Hekk Ġesù juri li l-imħabba biss tista’ ssalvana. L-imħabba li Alla wriena meta sar bniedem, miet u qam għalina u, bi tweġiba, dik li biha aħna wkoll noffru lilna nfusna umilment lilu u lill-aħwa: fl-imħabba fidila u kontinwa ta’ kuljum kif ukoll fil-ġesti l-aktar straordinarji, sal-martirju, xi drabi, kif b’xorti ħażina qed jiġri llum ukoll lil ħafna Nsara, f’diversi nħawi tad-dinja.
Santu Wistin kien jgħid li “l-ferħ tal-ħassad […] jikxef l-intenzjoni tal-bidwi li jiżra’” (Sermo 330, 2), u aħna nixtiequ nagħmlu tagħna s-sentimenti tiegħu: bl-għajnuna ta’ Alla, irridu nxerrdu kullimkien fid-dinja ż-żerriegħa tal-imħabba bla tarf tiegħu, bla ma negħjew, bla ma noqogħdu nkejlu, biex illum u dejjem xi ħadd jista’ jifraħ meta jiġbor il-frott tagħha.
B’xorti ħażina mhux kulħadd jifhem il-ġmiel, it-tjieba u l-konkretezza ta’ din il-ħolma tal-Ħallieq, anzi ħafna jaħsbu li din hija utopija. Li toffri n-naħa l-oħra tal-wiċċ (ara Mt 5:39) – jgħidu – hi xi ħaġa tat-telliefa, li quddiem ir-rifjut inti tibqa’ tagħti hi xi ħaġa tal-inġenwi, li taħfer bla limiti (araa Mt 18:21-22) hi xi ħaġa tad-dgħajfa. Ma għandniex biex nistagħġbu. Saħansitra għal Pietru kien diffiċli li jaċċetta dan il-mod ġdid u differenti ta’ raġunar (ara Mt 16:22). Imma Ġesù jibqa’ kategoriku: it-triq tal-imħabba biss hija t-triq tal-ħajja.
Ejjew ma nilludux ruħna. Il-mibegħda u l-vjolenza ma jġibu xejn tajjeb magħhom, ħlief qerda u mewt, dejjem, anki meta huma tweġiba għal inġustizzji li wieħed ikun ġarrab. Dan narawh ta’ kuljum, miċ-ċokon tal-ħajja tagħna fid-dar għax-xenarju kbir tad-dinja. Kollox jikkonferma dak li Ġesù għallimna: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mt 16:25).
Għeżież ħuti, għandna bżonn ta’ ħajja, ta’ tama, ta’ serenità, ta’ paċi, fina nfusna, fil-bliet tagħna, fost il-popli u n-nazzjonijiet. Għalhekk, hi x’inhi l-ġerħa, l-offiża, ejjew ma nħallux il-ħażen jisfigura l-umanità tagħna u lil qalbna titħassar! Ejjew ma noqogħdux għall-mentalità tad-dinja (ara Rum 12:2). Inkomplu nħobbu, nagħtu, naħfru, noffru ruħna “b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla” (v. 1), biex nipperseveraw u nkattru, fina u fl-oħrajn, id-dinjità bla qies tax-xbieha divina li nġorru f’ruħna. U ma naqtgħux qalbna jekk din hi ħaġa iebsa: il-qawwa tagħna tinsab fil-Mulej, u bl-għajnuna tiegħu kollox hu possibbli (ara Fil 4:13).
Dan ifakkarhulna wkoll ir-rit tal-purċissjoni fuq l-għadira, li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor. Dan jevoka miraklu ieħor ta’ Ġesù, li seħħ ftit qabel il-fatti li għadna kemm smajna, meta l-Imgħallem, fuq l-Għadira ta’ Tiberija, laħaq lid-dixxipli mbeżżgħa miexi fuq l-ilma u wassalhom sax-xatt billi sikket il-maltempata (ara Mt 8:23-27). Proprju meta kienu l-aktar imbeżżgħin, f’wiċċ l-irjieħ kuntrarji, ħeġġiġhom biex ikollhom il-fidi, biex jitolbu, biex jerġgħu jsibu l-paċi u, flimkien miegħu, ikomplu jbaħħru lejn id-destinazzjoni mixtieqa.
B’din il-fidi, illejla, qed nieħdu sehem fl-Ewkaristija. Fuq l-Altar nagħtu lilna nfusna, flimkien mal-ħobż u mal-inbid. U l-Mulej jgħaqqad l-offerta tagħna ma’ tiegħu, jikkonsagraha u jroddhielna lura, mibdula fil-Ġisem u fid-Demm tiegħu, biex naqsmuha flimkien, bħala nutriment għall-mixja. Imbagħad, bħad-dixxipli, inħallu flimkien ix-xatt, u nieħdu magħna x-xbieha ta’ Marija, mudell u gwida tagħna, biex inwasslu fuq ix-xtut tal-għadira l-barka li rċivejna.
Huma ġesti sempliċi, li bihom inġeddu l-fiduċja tagħna f’Alla u d-devozzjoni filjali tagħna lejn l-Omm Imqaddsa tiegħu. U huma ħafna iktar evokattivi għax isiru possibbli – kif kien iħobb ifakkar San Pawlu VI – grazzi għall-għożża li biha l-komunità ċkejkna li tgħix hawn, tħares is-sena kollha din l-għadira ta’ paċi, biex fil-mumenti solenni jista’ jinġabar hawn il-poplu kollu ta’ Alla, proprju bħal Marija, li laqgħet f’ġufha u fid-dar ta’ Nazaret lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, biex għand kulħadd tista’ tasal is-salvazzjoni tiegħu.
Hekk dan il-post ta’ devozzjoni Marjana jsir ukoll sinjal ta’ kif il-Knisja titħabat, jum wara jum, biex tagħmel minna lkoll ġisem wieħed, fit-talb, fis-sentimenti, fil-fehmiet, fl-iżvilupp ordnat u unanimi ta’ kif ninġabru flimkien, u simbolu tal-imħabba li biha l-Mulej, permezz tal-Omm Imqaddsa tiegħu, ried jersaq lejna bħala wieħed minna, sa ma jsir ħaġa waħda mal-folla kbira tal-umanità tagħna (ara Omelija fis-Solennità tal-Assunzjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija, 15 ta’ Awwissu 1977).
Ejjew mela llejla ninġabru madwar Ġesù u Marija, l-Iben u l-Omm, biex inkunu, magħqudin, mhux biss fuq l-għadira, imma fl-iljieli kollha tad-dinja, rifless tal-preżenza ta’ Alla li tikkalma, u eku irreżistibbli tal-imħabba tiegħu li tistieden għall-imħabba.
