Mistoqsija li tajjeb sikwit nistaqsu lilna nfusna hija: jien x’qed infittex fil-ħajja, xi rrid mill-ħajja? L-ewwel ħaġa li tiġi żgur f’moħħna hija li rridu nkunu ferħanin, iżda fil-pront tiġi mistoqsija oħra: x’jagħmlek ferħan fil-ħajja? Fil-ħajja possibli ssib il-ferħ li tixtieq? Il-ferħ huwa ħafna drabi marbut ma’ xi esperjenza pożittiva tal-ħajja, u la l-ħajja hija magħmula minn esperjenzi pożittivi u dawk anqas pożittivi, l-ħajja hija mżewqa b’mumenti ta’ ferħ u mumenti anqas ta’ ferħ. Min jistenna li fil-ħajja jkun dejjem ferħan żgur ser ikun diżappuntat. Iżda aħna l-bnedmin nesperjenzaw fil-fond ta’ qalbna xi ħaġa li hija wisq aktar importanti mill-ferħ, xi ħaġa li ma tiddependix mill-esperjenzi esterni biex nakkwistawha għax tiddependi minna biss; din insejħulha l-paċi tal-qalb, hija rigal li Alla biss jista’ u jrid jagħtihulna, u li aħna nakkwistawh u ngawduh biss jekk inwieġbu għas-sejħa tiegħu.
Ġesù, fil-vanġelu tal-lum, qed jgħidilna liema huwa l-kmandament il-kbir, ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dan ifisser li din hija l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja għaliex hija s-sigriet tal-paċi vera tal-qalb; min iħobb lil Alla bil-verità u jħobb lil għajru jkun verament sab is-sigriet tal-vera paċi. Fi żmienna ħafna, sfortunatament anke nsara, insew dik li nsejħulha r-regola tad-deheb li tgħodd għal kull bniedem u kull bniedem jifhimha għax kif ngħidu hija sens komun: din r-regola tgħidilna ‘agħmel lil ħaddieħor dak li trid lil ħaddieħor jagħmlu lilek u tagħmilx lil ħaddieħor dak li ma tridx ħaddieħor jagħmlu lilek’. Kemm għandna bżonn verament nirriflettu ta’ sikwit fuqha din ir-regola. Jidher iżda li l-bniedem li ma jieħux il-fidi tiegħu bis-serjetà, lanqas din ir-regola purament umana ma jkun kapaċi jgħix, għaliex il-bniedem mingħajr Alla jispiċċa l-akbar għadu tiegħu nnifsu u ta’ għajru, jispiċċa saħansitra jitlef id-dinjità tiegħu ta’ bniedem.
Fl-ewwel qari tal-lum nisimgħu lill-Mulej jgħidilna, ‘La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom.’ Kemm hija qawwija din l-immaġni ta’ Alla li jiddefendi lill-barrani, lill-armla u l-iltim: fi żminijiet antiki fejn ma kienx hemm puliżija u qrati, dawn il-persuni, li ma kellhom lil ħadd min jiddefendihom, kienu ħafna drabi jiġu sfruttati minn min kien bla qalb. Alla tagħna huwa dejjem fuq in-naħa ta’ dawk li jiġu l-aħħar, tal-foqra u l-imwarrba, u min jgħakkes lil dawn isib lil Alla kontrih. Barra minn hekk l-bniedem li ma jafx iħenn huwa l-bniedem li ma jistax ikollu paċi f’qalbu. Hija l-imħabba vera u sinċiera li ġġib il-veru paċi, u jsibuha biss dawk li jħobbu, iħennu u jaħfru.
Fuq kollox hija l-imħabba t’Alla li tagħmel mill-qalb tal-bniedem qalb ħajja u mimlija mħabba. Il-bniedem li ma jħobbx lil Alla, li jaħseb li jgħaddi mingħajru huwa bniedem li bil-mod il-mod qalbu tiħrax għal għajru għaliex hija l-qalb ta’ Alla li bħal nar jaqbad tipproteġi lill-qalb tagħna mill-kesħa tal-egoiżmu. Is-Salm tal-lum jesprimi dan is-sentiment bi kliem vera sabiħ, ‘Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi! Il-Mulej blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi. Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,…’. Ma hemmx ingratitudni akbar minn ta’ dak li mhux rikonnoxxenti lejn Dak li lilu jaf ħajtu, u kulma għandu u kulma hu. Nistaqsu lilna nfusna: f’qalbi hemm dik il-paċi li jaf jagħti Alla biss, jew jien qed infittex il-ferħ x’imkien ieħor fil-ħajja? Kemm nemmen li hija l-imħabba li tagħtini l-aktar ħaġa importanti ta’ ħajti, jiġifieri l-paċi ma’ Alla, ma’ għajri u miegħi nnifsi? Min huma ‘l-barrani, l-armla u l-iltim’ ta’ żmienna, u jien kif inġib ruħi magħhom?
Nitolbuk Mulej, li tnissel f’qalbna l-imħabba vera għalik u għal għajrna, u għenna nifhmu li huwa biss meta nħobbu li niskopru l-veru sens tal-ħajja. Agħtina grazzja li nifhmu li dak li nagħmlu ma’ għajrna, l-ewwel u qabel kollox ser iħalli effett fuqna, u li minnu tiddependi l-paċi ta’ qalbna u l-paċi tagħna miegħek. Ammen.