Katekeżi. Kostituzzjoni Gaudium et spes. 6. L-impenn b’risq il-familja fis-soċjetà tal-lum (GS, 47-52).

LJUN XIV

UDJENZA ĠENERALI

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 21 ta’ Ottubru 2026

Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. IV. Kostituzzjoni Gaudium et spes. 6. L-impenn b’risq il-familja fis-soċjetà tal-lum (GS, 47-52)

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

L-ewwel ħaġa li rrid ngħidilkom hija grazzi! Grazzi tal-għajnuna tat-talb tagħkom. Nirringrazzja lil Alla tal-ġenerożità tiegħu. Inġeddu l-fiduċja kollha tagħna fit-tjieba, fil-ħniena ta’ Alla.

Il-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes (GS) tal-Konċilju Vatikan II, wara li wriet, fl-ewwel parti, id-dinjità tal-persuna u l-vokazzjoni tagħha fid-dinja, fit-tieni parti, “fid-dawl tal-Vanġelu u tal-esperjenza umana”, tqis xi problemi l-aktar urġenti ta’ żmienna (ara GS, 46). L-attenzjoni tikkonċentra qabelxejn fuq iż-żwieġ u fuq il-familja, fil-konvinzjoni li “l-ġid tal-persuna u tas-soċjetà umana u Nisranija hu marbut sħiħ mal-kundizzjoni hienja tal-għaqda taż-żwieġ u tal-familja” (GS, 47).

Għal dan il-għan, mhux biss tisħaq fuq il-valuri u l-għanijiet, imma tersaq lejn kunċett imġedded taż-żwieġ bħala “l-għaqda intima tal-ħajja u tal-imħabba bejn il-miżżewġin” (GS, 48). Waqt li hi integrata d-dimensjoni ġuridika taż-żwieġ bħala kuntratt, il-fundament ta’ din l-għaqda hu rikonoxxut fil-“patt taż-żwieġ”, mifhum bħala “l-att uman li bih il-miżżewġin jagħtu lil xulxin u jirċievu lil xulxin” (ibid.). L-għotja reċiproka tar-raġel u tal-mara, li minħabba fiha “ma humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed” (Mt 19:6), timmotiva l-esiġenza tal-“fedeltà sħiħa” u tal-“għaqda li ma tinħallx” tal-miżżewġin, li ssib espressjoni ħajja fil-prokreazzjoni u fl-edukazzjoni tal-ulied (ara GS, 48). Mera tat-Trinità divina, l-imħabba taż-żwieġ u tal-ġenituri, permezz tas-Sagrament taż-żwieġ, tiġi “msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta’ Kristu”, biex il-miżżewġin kollha jistgħu jħobbu lil xulxin hekk “kif huwa ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha” (ibid.).

Wara li tixħet dawl fuq ir-realtà taż-żwieġ fid-dawl tal-imħabba ta’ Kristu, li hi verità tal-imħabba umana u divina, il-Gaudium et spes tixħet l-attenzjoni tagħha fuq l-imħabba tal-miżżewġin u l-frott tal-ħajja taż-żwieġ. Waqt li ma jillimitax ruħu għall-attrattiva erotika, li xorta waħda hi integrata fiha, l-imħabba tal-miżżewġin tiġbor fiha r-rieda kollha tal-għarajjes, tqawwi fihom l-affetti tar-ruħ u tesprimihom permezz ta’ sentimenti u ġesti ta’ ħlewwa (ara GS, 49). Waqt li tħaddan il-ġid tal-persuna kollha tar-raġel u tal-mara, indaqs fid-dinjità, din l-imħabba tolqot il-ħajja kollha tal-miżżewġin, u ssib espressjoni fl-atti esklussivament proprji taż-żwieġ (ara ibid.). Waqt li tfisser l-imħabba integrali minn persuna għal oħra, l-intimità singulari tal-miżżewġin tiffavorixxi l-għotja reċiproka u tagħni l-ferħ li jagħtu lil xulxin (ara ibid.).

Barra minn hekk, il-frott tal-imħabba miżżewġa jesprimi ruħu fil-prokreazzjoni tal-ulied, “l-egħżeż rigal taż-żwieġ” (GS, 50). Waqt li jittrasmettu u jedukaw il-ħajja umana, li qatt ma għandha tiġi mormija, l-għarajjes isiru “l-koperaturi tal-imħabba ta’ Alla li ħalaqhom u bħal interpreti tagħha” (ibid.). Imsejħin għal din ir-responsabbiltà umana u Nisranija, huma għandhom iħallu jmexxihom ġudizzju rett dwar il-ġid tagħhom u ta’ wliedhom, dawk li ġa twieldu u dawk li għad iridu jiġu. Ġudizzju bħal dan, li, fl-aħħar mill-aħħar, l-istess miżżewġin għandhom jifformulaw quddiem Alla, jesiġi li l-kuxjenza tagħhom tkun ħaġa waħda mal-liġi divina, interpretata mill-Maġisteru ekkleżjali fid-dawl tal-Vanġelu (ara ibid.).

Il-valorizzazzjoni tal-komunjoni fl-imħabba u tal-frott prokreattiv fiż-żwieġ twassal lill-Konċilju biex jeskludi li jista’ jkun hemm “kontradizzjoni tassew bejn il-liġijiet ta’ Alla tat-trasmissjoni tal-ħajja u dawk tat-tkattir tal-imħabba sinċiera bejn il-miżżewġin” (GS, 51) u, minflok, jafferma li “meta wieħed irid iqabbel flimkien l-imħabba tal-miżżewġin u t-trasmissjoni responsabbli tal-ħajja”, dawn għandhom “iżommu sħiħ it-tifsir tad-donazzjoni lil xulxin u tal-prokreazzjoni tal-bniedem, f’kuntest ta’ mħabba vera”, b’esklużjoni tal-“abort u l-qtil tat-trabi”; kif ukoll li “l-atti stess li huma proprji tal-ħajja ta’ miżżewġin, eżerċitati skont id-dinjità vera tal-bniedem, għandhom jitħarsu b’rispett kbir” (ibid.).

Għalhekk it-tagħlim tal-Gaudium et spes fuq il-komunità konjugali u familjari jasal biex juri l-funzjoni soċjali tal-familja, definita bħala “skola ta’ umanità akbar u iżjed għanja” u “l-pedament tas-soċjetà” (GS, 52), u jfakkar lil dawk kollha li għandhom responsabbiltà soċjali, speċjalment fil-qasam politiku u kulturali, fid-dmir li “jħabriku biex iġibu ’l quddiem il-ġid taż-żwieġ u tal-familja” (ibid.).

Għeżież, dan l-pimpenn hu urġenti iktar minn qatt qabel. Il-Knisja dan tafu tajjeb, kif turi l-għożża pastorali tal-Papiet wieħed wara l-ieħor mill-aħħar Konċilju ’l hawn, sal-Assemblea sinodali doppja li ried il-Papa Franġisku, li fuqha reġgħu tkellmu, fl-aħħar jiem, il-Kapijiet tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi u l-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali. Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret iddawwalna tul il-mixja u tindokra lill-familji tad-dinja kollha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading