Sussidju Ġdid għall-Avvent 2026 · Verżjoni online
Ibda’ l-Ġurnata
bit-Tajjeb
Ħsieb kuljum fuq l-Evanġelju tal-Jum, mill-ewwel Ħadd tal-Avvent sa Jum il-Milied.
Bartolomé Esteban Murillo, San Ġwann il-Battista fid-deżert
Kuljum
Ħames minuti filgħodu mal-Evanġelju tal-Jum
Kull jum għandu l-Evanġelju tal-Quddiesa, ħsieb qasir, punti biex timmedita u talba għall-ġurnata.
Ġimgħa 1
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
“Ishru!” Mk 13, 37
Kristu Pantokratur, dettall mill-mużajk tad-Deesis, Hagia Sophia (sek. XIII)
Il-Ħadd
L-Ewwel Ħadd tal-Avvent
EvanġeljuMk 13, 33-37
Qari mill-Evanġelju skont San Mark.
Ishru, għax ma tafux meta jerġa’ jiġi sid id-dar.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin. U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
L-Avvent jibda bil-kmand ta’ Ġesù: “Ishru!” Hawn Ġesù mhux qed jitkellem dwar sahra fiżika imma qed jitkellem dirett mal-qalb tal-bniedem li bosta drabi tinġarr minn bosta ansjetajiet u distrazzjonijiet. Ħafna drabi l-ħajja ta’ kuljum tant timliena b’impenji, inkwiet u preokkupazzjonijiet li nispiċċaw nitilfu dak li tassew huwa mportanti. Nibdew ngħixu bħallikieku kollox jiddependi minna, u ninsew li l-Mulej qiegħed dejjem magħna u li xi darba se nerġgħu niltaqgħu miegħu.
Bħal ma nafu l-preżenza ta’ Alla hija tant siekta li l-ħajja mgħaġġla tagħna faċli taljenana milli nagħrfu l-preżenza t’Alla f’ħajjitna. Għalhekk in-nisrani jeħtieġ li jishar sabiex jagħraf lil Alla fil-ġrajjiet ta’ kuljum, fil-persuni li niltaqgħu magħhom u fl-okkażjonijiet li jagħtina biex inħobbu. L-istennija Nisranija mhijiex stennija passiva, iżda stennija mimlija mħabba, servizz u fedeltà. Dan l-Avvent jista’ jsir opportunità biex inwarbu dak li qed jaljenana u niftħu qalbna għal Kristu li ġej.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.X’inhuma dawk l-affarijiet li qed iżommuni spiritwalment aljenat?
- 2.Kif nista’ nagħmel dan l-Avvent żmien ta’ stennija attenta, permezz ta’ azzjonijiet konkreti ta’ mħabba?
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, qanqal fil-fidili tiegħek ir-rieda li, bis-saħħa ta’ għemejjel tajba, joħorġu jiltaqgħu ma’ Kristu Ibnek, li ġej, biex jissieħbu miegħek fil-leminija tiegħu, u jistħoqqilhom jiksbu s-saltna tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Is 63, 16b-17.19b; 64, 2-7 Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel! |
| Salm responsorjali | 79 (80), 2aċ.3b.15-16.18-19 Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti. |
| It-tieni qari | 1 Kor 1, 3-9 Nistennew id-dehra ta’ Sidna Ġesù Kristu. |
It-Tnejn
Sant’Andrija
Appostlu — Festa
EvanġeljuMt 4, 18-22
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
F’dak iż-żmien: Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejjħilhom. Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Il-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni tibda b’stedina sempliċi: “Ejjew warajja.” Moħbija fis-sejħa sempliċi li jimxu wara l-Mulej Ġesù hemm is-sejħa sabiex iħallu dak kollu li kienu jafu: il-familja, in-negozju u kwalunkwe sigurta li kienu iserħu rashom fuqha. Min-naħa tagħhom l-Evanġelju jenfasizza li d-dixxipli kienu interament disposti għal din is-sejħa ta’ Ġesù u infatti telqu kollox minnufih. Dan ma jfissirx li ma kellhomx rabtiet jew responsabbiltajiet, iżda minkejja dan għarfu li quddiemhom kellhom opportunità li ma setgħux jitilfu.
Anke lilna Ġesù jkompli jsejħilna f’nofs il-ħajja ordinarja tagħna: fix-xogħol, fil-familja, fir-relazzjonijiet u fir-responsabbiltajiet tagħna. Xi drabi, iżda, nibqgħu marbutin max-xbieki tagħna: il-biżgħat, il-kumditajiet, il-passat u ċ-ċertezzi li ma rridux nitilqu. Is-sejħa ta’ Ġesù titlob minna fiduċja u kuraġġ.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Liema huma x-xbieki li jien imqabbad magħhom?
- 2.Jien ħieles/ħielsa biżżejjed biex x’ħin nagħraf is-sejħa tal-Mulej nimxi warajħ?
Tfal u żgħażagħ qaddisin1 / 8
Rolando Rivi
“…nappartjeni totalment lil Ġesù.”
“Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.” Rum 14, 8
Fl-aħħar xhur tat-Tieni Gwerra Dinjija, grupp ta’ komunisti li kienu jħarsu lejn il-Knisja u il-Kattoliċiżmu in ġenerali b’antagoniżmu u mibgħeda, fl-10 ta’ April 1945, ħatfu lis-seminarista Rolando Rivi, ittorturawh għal-tliet ijiem, akkużawh li kien spija tal-Faxxisti u eventwalment sparawlu. Kellu biss 14-il-sena. Peress li s-seminarju fejn kien qed jistudja ġie magħluq mill-Ġermaniżi, huwa kellu jirritorna d-dar u kif kienet l-użanza dak iż-żmien, baqa’ jilbes l-abitu saċerdotali fil-pubbliku. Kien jgħid: “Is-suttana hija s-sinjal li nappartjeni totalment lil Ġesù.” Beatifikat bħala martri mill-Papa Franġisku fl-2013.
Kolletta
Nitolbu. Miċ-ċokon tagħna, Mulej, nitolbu l-kobor tiegħek biex l-Appostlu San Andrija, li fil-Knisja tiegħek kien predikatur u mexxej, jidħol dejjem għalina quddiemek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Rum 10, 9-18 Il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ permezz tax-xandir tal-kelma ta’ Kristu. |
| Salm responsorjali | 18, 2-5 Mal-art kollha jasal leħinhom. |
It-Tlieta
It-Tlieta
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
EvanġeljuLq 10, 21-24
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu.
F’dak iż-żmien, Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”. Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Fil-ferħ interjuri ta’ Ġesù nagħrfu dak li l-Knisja issejħilha l-għażla preferenzjali favur il-fqar jew iċ-ċkejknin. Ġesù jitqanqal bil-ferħ għax il-Missier wera l-misteri tas-Saltna liċ-ċkejknin. Bħal donnu f’din is-silta qalb umli tatratta iktar lil Alla. Parti minnha din hi għaliex iċ-ċkejken kapaċi jagħraf li hu fil-bżonn. Ara min għandu kollox, dak ħajtu mimlija biħ innifsu u post għal Alla jkollu biss meta jiġi fil-bżonn u jaf li dak li kien iserraħ rasu fuqu mhux kompletament dipendenti.
Għalhekk iċ-ċokon li jitkellem dwaru Ġesù mhuwiex nuqqas, iżda huwa relatat mal-kapaċità li nafdaw, nisimgħu u nħallu lil Alla jmexxina. Aktarx xi aspett minn ħajjitna huwa tant mimli bina nfusna li ma fadlilniex spazju għalih. L-Avvent huwa żmien fejn aħna mistiedna sabiex nerġgħu nsiru ċkejknin quddiem il-Mulej.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Għandi qalb umli li taf tisma’ u tilqa’ dak li Alla jrid jgħidli?
- 2.Fejn qed nara l-preżenza u l-ħidma ta’ Alla fl-affarijiet żgħar tal-ħajja tiegħi?
Kolletta
Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ t-talb tagħna, u fi tjubitek għinna fit-tiġrib tagħna, biex nitfarrġu bid-dehra ta’ Ibnek li ġej fostna, u qatt iżjed ma nitniġġsu bit-taħsir tal-imgħoddi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 11, 1-10 Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej. |
| Salm responsorjali | 71 (72), 2.7-8.12-13.17 Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u s-sliem kotran għal dejjem. |
L-Erbgħa
L-Erbgħa
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
EvanġeljuMt 15, 29-37
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ġesù fejjaq ħafna morda u qasam il-ħobż.
F’dak iż-żmien, Ġesù mar ħdejn il-baħar tal-Galilija; tala’ fuq l-għolja u qagħad bilqiegħda hemm. U bdew resqin lejh ġemgħat kbar ta’ nies, li kellhom magħhom zopop, għomja, persuni b’diżabbiltà, imbikkmin, u ħafna oħrajn; qegħduhomlu f’riġlejh, u hu fejjaqhom, hekk li n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, l-persuni b’diżabbiltà qawwijin u sħaħ, iz-zopop jimxu u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael. Ġesù sejjaħ lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom tlitt ijiem miegħi u ma għandhom xejn x’jieklu. Ma rridx inħallihom imorru sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-triq”. Qalulu d-dixxipli: “F’deżert bħal dan minn fejn se nġibu ħobż biżżejjed biex inxebbgħu kotra hekk kbira?”. Ġesù staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?”. Qalulu: “Sebgħa, u xi ftit ħut żgħir”. Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’; u ġabru l-bċejjeċ li fadal, sebat iqfief mimlija.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Meta Ġesù jara l-folol resqin lejh, jilqagħhom, ifejjaqhom u jagħtihom l-attenzjoni li għandhom bżonn. Din ix-xena tal-lum isseħħ wara tlett ijiem. Immaġina lil Ġesù, li iva, huwa Alla, imma hawn fid-dinja għex ta’ bniedem. Min jaf x’ħass jara dik it-tbatija kollha, dawk in-nies kollha ġejjin għandu jirrakkuntaw it-tbatijiet fiżiċi, emozjonali u spiritwali. Nistħajjel li mhux biss in-nies kienu għajjenin imma anke Ġesù. Hawn Ġesù jinteressa ruħu fil-ġuħ tagħhom. Għalih il-bniedem huwa wieħed sħiħ: għandu bżonn il-kelma, il-fejqan, il-ħobż u l-imħabba.
Id-dixxipli jaraw biss id-diffikultà: kif jistgħu jitimgħu folla daqshekk kbira f’post imwarrab? Ġesù, iżda, jibda minn dak li għandhom, jiġifieri seba’ ħobżiet u ftit ħut. Kemm drabi nagħarfu li għandna problema. Imma f’dak il-waqt aħna mistiedna nagħrfu li Alla diġà pprovda l-bażi sabiex ikolna dak li neħtieġu. Anzi f’idejn Alla diġà poġġa dak li, jista’ jsir ħafna aktar milli qatt nimmaġinaw. F’dan l-Avvent, Ġesù jistedinna sabiex nagħrfu l-grazzji li diġà offra f’ħajjitna.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Qed nagħraf il-ġuħ u t-tbatija ta’ dawk ta’ madwari?
- 2.X’għandi f’idejja li nista’ noffri lil Alla biex permezz tiegħu nasal għand ħaddieħor?
Kolletta
Mulej, Alla tagħna, ħejjilna qlubna bil-qawwa tiegħek, biex, meta jiġi Kristu Ibnek, ikun jistħoqqilna noqogħdu miegħu fil-mejda tal-ħajja ta’ dejjem u nirċievu minn idejh l-ikel tas-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 25, 6-10a Sidi l-Mulej jagħmel għall-popli kollha mejda b’ikel fin u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ. |
| Salm responsorjali | 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6 Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj! |
Il-Ħamis
San Franġisk Saverju
Presbiteru — Tifkira obbligatorja
EvanġeljuMt 7, 21.24-27
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Mhux kull min jgħidli: “Mulej, Mulej”, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet. Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Fil-Malti għandna l-espressjoni “baħħara tal-maltemp.” Ġesù juża xbieha simili fejn juri li fil-ħajja wieħed mhux imbilli jibni imma jrid jara x’inhu dak li qed jibni, fejn qed jibni u kif qed jibni. Żewġ persuni jibnu dar, wieħed fuq il-blat u l-ieħor fuq ir-ramel. Minn barra, forsi ż-żewġt idjar jidhru sbieħ u b’saħħithom, iżda d-differenza vera tidher meta jiġu x-xita, l-irwiefen u l-għargħar.
Hekk ukoll fil-ħajja. Mhux biżżejjed li nidħlu għal proġetti differenti imma għandna bżonn li naraw li qed nibnu tassew fis-sod. Kemm għandna bżonn naraw li l-familji tagħna noffrulhom dak li tassew jibni u jifforma fuq pedamenti soda. Fuq is-social media faċli nippreżenta li kollox sejjer sew iżda fil-qalb tal-bniedem jaf hemm realtà differenti. Tajjeb li għalhekk nistaqsu lilna nfusna jekk dak li qed ngħixu f’ħajjitna hux tassew bini responsabbli ta’ ħajja stabbli u bbilanċjata jew sempliċiment bini ta’ ħajja li esterjorment tidher sabiħa iżda li ftit li xejn għandha pedament sod u stabbiltà.
— Dun Matthew Sammut
Adorazzjoni 1 · L-1 Ħadd tal-Avvent
Ishru! Mk 13, 33-37
Għall-parroċċa, għall-gruppi jew għall-użu personali. PDF b’xejn fuq laikosblog.org/avvent-2026-sena-b
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Il-fidi tiegħi tidher fl-għażliet konkreti li nagħmel ta’ kuljum?
- 2.X’bidla għandi bżonn nagħmel biex ħajti tkun tassew awtentika?
Tfal u żgħażagħ qaddisin2 / 8
Santa Scorese
“Jekk jiġrili xi ħaġa, kun af li jiena għażilt lil Alla.”
“Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.” Rum 12, 21
Żagħżugħa ta’ 23 sena li nqatlet minn żagħżugħ li għal bosta xhur kien iffissa dwarha għal skopijiet malinni. Illum nitkellmu minn stalking. Wara li dejjem irrifjutatu, huwa qatilha b’14-il daqqa ta’ sikkina. Il-familja tagħha kienu jafu li dan iż-żagħżugħ kien qed isegwiha u anke rapport lill-pulizija kienu għamlu. Lil ommha kienet tgħidlha: “Jekk jiġrili xi ħaġa, kun af li jiena għażilt lil Alla.” Mietet fl-isptar fil-15 ta’ Marzu 1991, taħfer lill-aggressur tagħha.
Kolletta
Nitolbu. O Alla, int ksibt għalik ħafna popli bil-predikazzjoni ta’ San Franġisk Saverju; imla l-fidili tiegħek bl-istess ħeġġa għall-fidi, u kabbar kullimkien il-Knisja mqaddsa fl-għadd ta’ wliedha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 26, 1-6 Jidħol il-poplu ġust li jżomm is-sewwa. |
| Salm responsorjali | 117 (118), 1 u 8-9.19-21.25-27a Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! |
Il-Ġimgħa
Il-Ġimgħa
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
jew San Ġwann Damaxxenu, presbiteru u duttur tal-Knisja – Tifkira (abjad)
EvanġeljuMt 9, 27-31
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Żewġ għomja jitfejqu għax jemmnu fil-Mulej.
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien sejjer minn hemm marru warajh żewġ għomja jgħajtu u jgħidu: “Bin David, ħenn għalina!”. Meta mbagħad daħal id-dar, l-għomja resqu lejh u Ġesù qalilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?”. Qalulu: “Iva, Mulej”. Imbagħad messilhom għajnejhom u qal: “Mela ħa jsirilkom skont il-fidi tagħkom”. U għajnejhom infetħulhom. Ġesù widdibhom bis-sħiħ u qalilhom: “Qisu li ħadd ma jsir jaf b’dan”. Iżda dawk ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma’ dak il-pajjiż kollu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Kemm taf tidher ironika li żewġ għomja jimxu wara Ġesù u jkunu dawn in-nies li propju “jaraw” lil Ġesù. Huma jagħrfu l-identità tiegħu. Meta qed isejħulu: “Bin David” mhux qed jitkellmu sempliċiment fuq arblu tar-razza iżda qed jagħrfu li hu tassew il-Messija. Minn dan l-għarfien profond tal-identità tiegħu jagħrfu li hu għandu l-awtorità sabiex iħenn għalihom. Minkejja li ma jistgħux jaraw, għandhom xi ħaġa li forsi ħafna oħrajn neqsin minnha: il-fidi. Huma jemmnu li Ġesù jista’ jagħtihom lura d-dawl li tilfu. Ġesù ma jibdiex mill-ewwel ifejjaqhom, iżda jistaqsihom jekk verament jemmnux fil-qawwa tiegħu. It-tweġiba tagħhom hija ċara: “Iva, Mulej.” Din il-fidi ssir il-bieb li minnu jgħaddi l-fejqan.
Anke aħna kultant insibu ruħna f’mumenti ta’ dlam. Ma narawx triq ’il quddiem, ma nifhmux għaliex qed jiġru ċerti affarijiet u nħossuna mitlufin quddiem id-diffikultajiet. F’dawn il-mumenti, Ġesù jistedinna nafdaw fih. Il-fidi ma tfissirx li kollox se jinbidel kif nixtiequ aħna, iżda li nemmnu li qatt m’aħna waħedna. Li jkollna d-dawl ta’ Kristu jfisser li nitgħallmu naraw il-ħajja, lilna nfusna u lill-oħrajn bl-għajnejn tiegħu.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Liema huma d-dlamijiet li qed ngħix fihom u li nixtieq inressaq quddiem Ġesù?
- 2.Kemm qed inħalli l-fidi tiegħi f’Ġesù ddawwal id-deċiżjonijiet u l-għażliet tiegħi?
Kolletta
Qanqal, Mulej, is-setgħa tiegħek, u ejja: ħarisna u biegħed minna t-tiġrib li qiegħed jheddidna minħabba dnubietna, u eħlisna u salvana minnu. Int, li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 29, 17-24 Dakinhar għajnejn l-għomja jaraw. |
| Salm responsorjali | 26 (27), 1.4.13-14 Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi. |
Is-Sibt
Is-Sibt
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent
EvanġeljuMt 9, 35 – 10, 1.6-8
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ra n-nies u tħassarhom.
F’dak iż-żmien, Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu”. Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. U tahom dawn l-ordnijiet: “Morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Waħda mill-iktar xbihat magħrufa ta’ Ġesù hija dik ta’ Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb. Fi kwalunkwe rakkont tal-Evanġelji, meta Ġesù jara l-folol, ma jarax sempliċiment grupp kbir ta’ nies, iżda persuni li qed ibatu, li huma għajjenin u li għandhom bżonn min jiggwidahom. Il-ħarsa tiegħu mhijiex waħda ta’ xi ħadd li qed iħares lejn xena mill-bogħod imma jidħol fil-ħajja ta’ kull bniedem u bl-iktar mod profond juriħ kompassjoni (ibati miegħu). Din il-ħarsa twasslu biex mhux biss iħabbar is-Saltna ta’ Alla, iżda jfejjaq u jagħti ħajja ġdida.
Imbagħad Ġesù jsejjaħ lid-dixxipli u jibgħathom jagħmlu dak li rawh jagħmel. Il-missjoni tiegħu ssir ukoll il-missjoni tagħhom. L-istess jgħodd għalina. Ma nistgħux ngħidu li nimxu wara Kristu jekk nibqgħu ndifferenti quddiem il-weġgħat ta’ ħutna. L-Avvent huwa żmien biex nitgħallmu nħarsu lejn l-oħrajn bl-istess ħarsa ta’ Ġesù.
— Dun Matthew Sammut
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Kif inħares lejn dawk li huma għajjenin, waħedhom jew emarġinati fis-soċjetà?
- 2.Kif nista’ nkun strument tal-ħniena ta’ Ġesù fil-familja, fil-komunità u fil-post tax-xogħol tiegħi?
Kolletta
O Alla, int bgħatt lil Ibnek il-waħdieni fid-dinja biex jeħles lill-bnedmin mill-jasar tad-dnub; agħtina l-grazzja u l-ħniena li bil-qima kollha qegħdin nistennew minnek, ħalli naslu għall-premju tal-ħelsien tassew. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 30, 19-21.23-26 Il-Mulej iħenn għalik mal-ħoss tal-għajta tiegħek. |
| Salm responsorjali | 146 (147), 1-2.3-4.5-6 Alla ġust hu l-Mulej; henjin dawk li jafdaw fih. |
Ġimgħa 2
It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
“Ħejju t-triq tal-Mulej” Mk 1, 3
Giovanni di Paolo, San Ġwann il-Battista jidħol fid-deżert (1455–60). The Art Institute of Chicago.
Il-Ħadd
It-Tieni Ħadd tal-Avvent
EvanġeljuMk 1, 1-8
Bidu tal-Evanġelju skont San Mark.
Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Iżaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom. Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
L-evanġelista Mark jagħżel li jiftaħ il-Vanġelu billi jgħaqqad dak li l-poplu qed jesperjenza, lil Ġesù, mal-antik testment. U dan isir għaliex Ġesù huwa l-persuna li jgħaqqad kollox, fil-persuna tiegħu kollox jibda jagħmel sens, anke l-profeziji tal-profeta Isaija.
U jkompli billi jlaqqana ma’ Ġwanni, li jipprepara lill-poplu biex jsejħilhom għall-konverżjoni. U dik huwa wkoll is-sejħa għalina lkoll. Hija sejħa kontinwa, li ndawwru l-ħarsa ta’ qalbna lejn Ġesù Kristu. Ġwanni jiġi biex iħejji t-triq billi jgħin lill-poplu jeżamina lilu nnifsu, jistaqsi fejn hemm bżonn jinbidel u jimlieh bil-kuraġġ biex il-bidla jwettaqha fil-konkret. Dak huwa li huwa mistenni minna lkoll matul dan iż-żmien qaddis li l-Knisja tgħatina, tal-Avvent.
Għalhekk ejjew nagħmlu eżami tal-kuxjenza, fejn fid-dawl tal-Mulej, nagħrfu fejn hemm bżonn nikkonvertu, fejn il-ħarsa tagħna għadha mhijiex fuq Ġesù, u nitolbuh l-għajnuna biex din inwettquha.
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Fejn inħoss li Ġesù irid jidħol fl-istorja ta’ ħajti?
- 2.Liema aspetti tal-ħajja tiegħek, jonqos li tikkonverti minnhom? Fejn il-ħarsa tiegħek hija iffukata fuqek biss, mhux fuq Kristu?
Kolletta
O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek, iżda agħtina l-għerf tas-sema biex nissieħbu mal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Is 40, 1-5.9-11 Ħejju t-triq għall-Mulej. |
| Salm responsorjali | 84 (85), 8-9ab.10-14 Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek. |
| It-tieni qari | 2 Piet 3, 8-14 Nistennew li jiġu smewwiet ġodda u art ġdida. |
It-Tnejn
Sant’Ambroġ
Isqof u Duttur tal-Knisja — Tifkira obbligatorja
EvanġeljuLq 5, 17-26
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!
Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù. Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura”. Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”. Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef: tgħid “Dnubietek maħfura”, jew tgħid “Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art – qal lill-mifluġ –: qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek”. U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Fl-Evanġelju tal-lum, il-folla ssir ostaklu biex il-qawwa ta’ Ġesù tidher f’dan il-persuna mifluġ. Iżda l-istess ostaklu jsir ukoll opportunita’ għall-oħrajn biex juru l-fidi tagħhom. Hija okkażżjoni biex jesprimu l-fidi qawwija tagħhom, tant li l-ebda ħaġa ma tfixkel dak li hemm f’qalbhom. J’Alla aħna bħala Knisja, ma nkunux il-folla li nfixklu, imma nkunu dawn li kull ostaklu li niltaqgħu miegħu joħroġ minna l-ġdid espressjoni ġdida tal-fidi.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù mhux biss joffri fejqan fiżiku imma spiritwali. Dan jagħmlu permezz tal-maħfra tad-dnubiet. Kemm hija qawwija l-grazzja li jagħtina Alla li kontinwament jfejjaqna mit-toqol tad-dnub. Lil dan ir-raġel iwasslu biex iqum fuq saqajh, kemm fiżikament, imma wisq iktar spiritwalment. Għalhekk tajjeb naraw li nfittxu ta’ sikwiet li nersaqu lejn dan is-sagrament ippreparati, naħsbu n-nuqqasijiet tagħna sew, nistqarruhom lis-saċerdot li dak il-ħin huwa minflok Kristu u nħallu lil Kristu jeħlisna u jnaddafna minnhom.
Ir-riżultat ta’ din ix-xena huwa wieħed sabiħ immens, għaliex iwassal biex il-poplu jfaħħar lil Alla. Kemm hi sabiħa li meta nagħrfu l-qawwa u l-ħniena tiegħu nfaħħruh għax hekk jixraqlu.
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Aħna x’qed inkunu, ostaklu jew mezz ta’ kif il-fidi tiġi trażmessa aktar?
- 2.Infittex li nħalli lil Ġesù jfejjaqni spiritwalment permezz tas-sagrament tal-qrar?
- 3.Dak li nagħmel, iwassal biex ħaddieħor ifaħħar lil Alla, aktar milli lili personali?
Tfal u żgħażagħ qaddisin3 / 8
Kendrick Castillo
“He just loved people that much.” – missieru
“Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” Ġw 15, 13
Sfortunatament sikwit nisimgħu b’xi mass shooting fi skejjel Amerikani. Kendrick kien żagħżugħ normali, iħobb it-teknoloġija u r-robotika, involut fil-parroċċa tiegħu u man-Knights of Columbus, bix-xewqa li jinkorpora magħhom uffiċjalment. Fis-7 ta’ Mejju 2019, żewġ studenti armati daħlu fi STEM School Highland Ranch f’Colorado. Wieħed minnhom daħal f’Room 107 u Kendrick qam minn postu u beda jissielet mal-aggressur biex ma jippuntax l-arma lejn l-istudenti l-oħra. Frattant żewġ studenti oħra qamu minn posthom biex jgħinuh fit-taqbida, l-istudenti l-oħra rnexxielhom jiżgiċċaw mill-klassi. Kendrick però ntlaqat serjament u miet. Kien l-unika fatalità f’din it-traġedja. Kellu biss 18-il sena. Missieru stqarr hekk dwar ibnu: “He just loved people that much.” Id-Djoċesi ta’ Colorado Springs qed tagħmel it-tħejjijiet meħtieġa biex tinbeda l-Kawża tal-Beatifikazzjoni ta’ dan iż-żagħżugħ li ħabb bil-fatti, billi offra ħajtu stess.
Kolletta
Nitolbu. O Alla, int għamilt lil San Ambroġ mgħallem tal-fidi kattolika u eżempju ta’ qawwa appostolika; ibgħat fil-Knisja tiegħek bnedmin skont qalbek, biex imexxuha bil-qawwa u bl-għerf. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 35, 1-10 Alla ġej biex isalvakom. |
| Salm responsorjali | 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14 Alla ġej biex isalvana. |
It-Tlieta
It-Tnissil bla Tebgħa
tal-Imqaddsa Verġni Marija — Solennità
EvanġeljuLq 1, 26-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.
F’dak iż-żmien: L-anġlu Gabrijel kien mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi, mid-dar ta’ David; u x-xebba kien jisimha Marija. Daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Għal dan il-kliem tħawdet, u bdiet titħasseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax inti sa tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u s-saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem”.
Iżda, Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Weġibha l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek; u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jkun jissejjaħ Bin Alla. U ara, il-qariba tiegħek Eliżabetta, hija wkoll nisslet iben fi ħdanha, u dan huwa s-sitt xahar għaliha li kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal; għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.
Imbagħad qalet Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek!” U l-anġlu telaq minn ħdejha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Min jaf kemm-il darba smajna dan il-Vanġelu? Kultant l-ikbar sfida tkun li għaliex nafuh tajjeb ma nħallux il-ġdid imiss lill-qalbna. Għalhekk tajjeb li nersqu lejn dan il-qari, qisu l-ewwel darba li qed nisimgħuh.
Alla jħares lejn iċ-ċokon u l-umilta’ ta’ din it-tfajla sempliċi Marija. Tfajla li f’ħajjitha kellha biss xewqa waħda, li tgħix ħajja sempliċi, mgħotija lil Alla. U tant kellha qalb disponibbli għal Alla, li Alla jħejjiha bil-mod il-mod, billi jagħtiha qalb libera, qalb mingħajr ebda tebgħa tad-dnub. Alla ried u ppermetta li l-qalb ta’ Marija ma jkollha ebda ħjiel ta’ marka tal-ħidma u l-ħakma tax-xitan. Xi grazzja sabiħa, mhux ta’ b’xejn li l-anġlu jsellimha “Sliem għalik Marija bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek.” Hija l-istess tislima li aħna nsellmulha kull darba li nitolbu t-talba tas-Sliema lil Marija. Pero ejjew ukoll nagħrfu li din hija s-sejħa tagħna, li qalbna tkun libera, ‘il bogħod mid-dnub.
Marija tagħraf is-sejħa, tilqa s-sejħa kif ukoll tagħraf l-ħidma t’Alla fil-persuni għeżież bħal Eliżabetta. U dik twassal għall-għotja sħiħa ta’ Marija, bħala qaddejja tal-Mulej li fiha jsir dak li qal il-Mulej.
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Dan il-Vanġelu xi jrid jgħid lili llum, jiena u nisma’ s-sejħa t’Alla f’ħajti?
- 2.Fil-qalb tiegħi, xi spazju qed nagħti lill-grazzja t’Alla biex inkun ‘il bogħod mill-ħakma tax-xitan?
- 3.Fejn għadni ma għidtx iva lil Alla għas-sejħa li Alla poġġa f’qalbi?
Kolletta
Nitolbu. O Alla, bit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija int ħejjejt għamara xierqa għal Ibnek; kif int qist minn qabel il-merti tal-istess Ibnek biex ħarist lil Ommu minn kull tebgħa ta’ dnub, agħmel li aħna, bit-talb tagħha, naslu safja għandek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Jingħad il-Kredu.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Ġen 3, 9-15.20 Innissel mibegħda bejn nislek u bejn nisel il-mara. |
| Salm responsorjali | 97, 1-4 Ngħannu lill-Mulej, għax għamel l-għeġubijiet. |
| It-tieni qari | Efes 1, 3-6.11-12 Alla għażilna fi Kristu sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. |
(ritratt: Thank You (24 Millions) views, CC BY 2.0)
L-Erbgħa
L-Erbgħa
It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
jew San Ġwann Diegu Cuauhtlatoatzin – Tifkira (abjad)
EvanġeljuMt 11, 28-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Kemm hi sabiħa li f’din il-mixja tal-Avvent il-Knisja tipproponilna dan il-Vanġelu li jagħtina ħafna sigurta’ u sens ta’ appartenenza lejn xi ħadd li qatt ma jiddiżapuntana. L-istedina hija sempliċi imma qawwi, ejjew għandi, u mistednin inmorru għandu mhux meta kollox għaddej tajjeb, meta kollox inħossuh li huwa fil-kontroll tagħna imma meta nitħabtu, nħossuna mtaqqla, inħossuna li m’aħniex nifhmu, forsi mitlufa, forsi ħajjitna ma fihiex sens. Imma l-istedina ma tinbidilx, ejjew għandi.
U nmorru għandu biex lill-qalb tagħna jagħtiha dak li dejjem tfittex, il-mistrieħ. Imma ħafna drabi nfittxu l-mistrieħ fis-soluzzjonijiet tagħna, fil-pjanijiet tagħna, imma l-verita’ li l-uniku mistrieħ jista’ jagħtih is-sid li ħalaq u mmuddella l-qalb tagħna fuq tiegħu.
Fuq kollox irid jarana nimxu ħdejh, meta Ġesù jistedinna biex nieħdu fuqna l-madmad, dan huwa dak li kien jgħaqqad iż-żewġ barrin biex jimxu ħdejn xulxin. Hekk jixtieq għall-ħajjitna Ġesù, jakkumpanjana fil-mixja tal-ħajja tagħna. Ejjew nagħtuh l-ispazju.
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Qalbi fejn qed tistrieħ, f’hiex qed tibni l-mistrieħ tagħha?
- 2.Qiegħed inħalli lil Mulej jimxi ħdejja fil-mixja ta’ ħajti?
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, li tridna nħejju t-triq għal Kristu l-Mulej, fil-ħniena tiegħek agħtina li n-nuqqas ta’ saħħa tagħna ma jkun ta’ ebda tfixkil għalina, li qegħdin nistennew fostna it-tabib tas-sema li jfarraġna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Amen
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 40, 25-31 Il-Mulej ikattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. |
| Salm responsorjali | 102 (103), 1-2.3-4.8 u 10 Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej! |
Il-Ħamis
Il-Ħamis
It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
jew L-Imqaddsa Verġni Marija ta’ Loreto – Tifkira (abjad)
EvanġeljuMt 11, 11-15
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu. Minn żmien Ġwanni l-Battista sal-lum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha. Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni, u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi. Min għandu widnejn ħa jisma’!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Ġesù jfaħħar lil Ġwanni l-Battista, bniedem li għex b’fedeltà lejn il-missjoni tiegħu: li jħejji t-triq għall-Mulej. Madankollu, Ġesù jgħid xi ħaġa sorprendenti: l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa akbar minn Ġwanni.
Dan ifakkarna li l-kobor quddiem Alla ma jitkejjilx bis-suċċess, bil-popolarità jew bil-pożizzjoni tagħna, imma bil-qalb li tkun miftuħa għall-grazzja tiegħu. Kemm ġew nies aktar għorrief minn Ġwanni, aktar b’abbiltajiet soċjali, kapaċi jtipprietkaw aktar minnu, imma Alla lilu għażel. Għażlu sabiex miċ-ċokon jagħraf il-preżenza tas-salvatur, saħansitra mill-ġuf jifraħ fil-preżenza t’Alla.
Ġwanni jgħallimna li l-missjoni tagħna mhijiex li niġbdu l-attenzjoni lejna nfusna, imma li nwasslu lill-oħrajn għand Kristu.
— Dun Roderick Baldacchino
Adorazzjoni 2 · It-2 Ħadd tal-Avvent
Ħejju t-triq Mk 1, 1-8
Għall-parroċċa, għall-gruppi jew għall-użu personali. PDF b’xejn fuq laikosblog.org/avvent-2026-sena-b
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Fil-ħajja tagħna x’qegħdin nfittxu, s-suċċessi personali, li nidhru tajjeb jew inkella r-rieda t’Alla?
- 2.B’dak kollu li nagħmlu u ngħidu, nwasslu lill-oħrajn biex jagħrfu lil Alla?
Kolletta
Qanqal il-fehma tagħna, Mulej, biex inħejju t-triq lil Ibnek il-waħdieni, ħalli, bil-miġja tiegħu fostna, jistħoqqilna naqduk b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Amen
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 41, 13-20 Jien il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael! |
| Salm responsorjali | 144 (145), 1 u 9.10-11.12-13ab Il-Mulej twajjeb u ħanin. |
Il-Ġimgħa
Il-Ġimgħa
It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
jew San Damasu, papa – Tifkira (abjad)
EvanġeljuMt 11, 16-19
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
La minn Ġwanni u lanqas minn Bin il-bniedem ma jridu jisimgħu.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-folla: “Imma ma’ min se nxebbhu dan in-nisel? Inxebbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazez jgħajtu lil sħabhom u jgħidu: “Daqqejnielkom il-flawt, u ma żfintux, għannejnielkom in-niket, u ma bkejtux!”. Għax tassew, ġie Ġwanni, la jiekol u lanqas jixrob, u qegħdin jgħidu: “Għandu fih xitan”. Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u qegħdin jgħidu: “Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin”. Imma l-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Illum Ġesù qed jgħid lil dan il-poplu li tant iħobbu, ma’ xhiex ser iqabbdlu. Hija problema li dan il-poplu qisu xejn ma jmissu, xejn ma jaffettwah. Tant sar indifferenti li kemm l-esperjenza ta’ ferħ, kif ukoll l-esperjenza tan-niket xejn ma jqanqal fih. Kultant din hija l-esperjenza li nosservaw madwarna, kemm huwa faċli li ninġarru mill-mentalita’ komdu jien, komdu kulħadd, u lanqas it-tbatija ta’ ħutna ma tibqa taffettwana. X’ħasra meta naslu f’dak l-istat!
Għaliex hemmhekk anke l-ħidma t’Alla ma tibqax tmiss lill-qalb tagħna. U dna il-poplu hekk jiġrili, għaliex lil Ġwanni li jgħix ħajja axxetika, ma jifhmux imma lanqas lil Ġesù li jgħix ħajja normali bħalhom ilkoll, ukoll ma jifhmuhx u ma jaċċettawhx. U dan kollu minħabba l-indifferenza!
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Quddiem it-tbatija tal-oħrajn, kif inħossni jien?
- 2.Kemm jiena attent/a għal dak li Alla jixtieq jagħmel f’ħajti?
Tfal u żgħażagħ qaddisin4 / 8
Sandra Sabattini
“Jekk tassew inħobb, kif nista’ nittollera li terz tal-umanità tmut bil-ġuħ?”
“Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” Mt 25, 40
Studenta tal-mediċina, żagħżugħa altruista u missjunarja fost l-istudenti sħabha. Kienet għarusa bil-ħsieb li tiżżewweġ. Fi djarju li kienet iżżomm (u li wara ġie miġbur u ppublikat minn Don Benzi), ħalliet rimarki u riflessjonijiet mill-isbaħ dwar l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Fil-Comunità Papa Giovanni XXIII imwaqqfa minn Don Oreste Benzi, sabet il-vokazzjoni tagħha f’appostolat qalb il-morda, il-foqra, id-drogati u l-emarġinati tas-soċjetà. Darba kitbet hekk: “Jekk tassew inħobb, kif nista’ nittollera li terz tal-umanità tmut bil-ġuħ waqt li jiena ngawdi l-istabilità finanzjarja?” Mietet ta’ 22 sena meta aċċidentalment ittajret minn karozza. Kien id-29 ta’ April 1984. L-għarus tagħha, Guido Rossi eventwalment iżżewweġ, għandu żewġt-itfal u llum huwa djaknu permanenti. Interessanti l-fatt li huwa serva bħala djaknu fil-Quddiesa tal-beatifikazzjoni tal-għarusa tiegħu Sandra. Każ tassew eċċezzjonali u uniku!
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, agħti lill-poplu tiegħek il-grazzja li jistenna b’ħerqa kbira il-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni, biex, kif għallimna l-istess Salvatur tagħna, nishru ħa mmorru nħaffu biex nilqgħuh bl-imsiebaħ mixgħula f’idejna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 48, 17-19 Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi! |
| Salm responsorjali | 1, 1-2.3.4 u 6 Min jimxi warajk, Mulej, ikollu d-dawl tal-ħajja. |
Is-Sibt
Is-Sibt
It-Tieni Ġimgħa tal-Avvent
jew L-Imqaddsa Verġni Marija ta’ Gwadalupe – Tifkira (abjad)
EvanġeljuMt 17, 10-13
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx.
F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien nieżel minn fuq il-muntanja, id-dixxipli staqsewh: “Mela kif jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”. Hu weġibhom: “Elija jiġi, iva, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma baqgħu ma għarfuhx, imma ġiebu ruħhom miegħu kif għoġobhom. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri minnhom”. Imbagħad id-dixxipli fehmu li hu kien qiegħed jgħidilhom għal Ġwanni l-Battista.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
F’dan il-Vanġelu, Ġesù jfakkarna li Alla spiss jidħol fil-ħajja tagħna b’modi li ma nkunux qed nistennew. Ġwanni l-Battista ġie biex iħejji t-triq għall-Mulej, iżda ħafna ma għarfuhx u ma laqgħux il-messaġġ tiegħu.
Kemm-il darba jiġrilna l-istess? Alla jkellimna permezz ta’ persuni, ġrajjiet u esperjenzi ta’ kuljum, iżda aħna tant inkunu mitlufin fil-ħsibijiet u l-preokkupazzjonijiet tagħna li ma nintebħux bil-preżenza tiegħu.
Ġesù jfakkarna wkoll li t-triq tal-fidi mhux dejjem hi waħda faċli. Kemm Ġwanni kif ukoll Ġesù għaddew mit-tbatija u ċ-ċaħda.
F’dan iż-żmien tal-Avvent, ejjew nitolbu lill-Mulej jagħtina qalb miftuħa biex nagħrfuh, widnejn attenti biex nisimgħuh, u kuraġġ biex nilqgħu l-Kelma tiegħu, anke meta tisfidana biex nibdlu ħajjitna.
— Dun Roderick Baldacchino
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.X’qiegħed insib diffiċli fil-mixja tal-fidi tiegħi? Ressaqha lil Mulej fit-talb.
- 2.Kif nista’ dan l-Avvent nikber fil-kuraġġ u s-smiegħ tal-kelma t’Alla?
Kolletta
O Alla li tista’ kollox, warrab minn qlubna d-dlamijiet u dawwalhom bid-dija tas-sebħ tiegħek, biex il-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni turi li aħna wlied id-dawl. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Sir 48, 1-4.9-11 Elija jerġa’ jiġi. |
| Salm responsorjali | 79 (80), 2aċ u 3b.15-16.18-19 Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti. |
Ġimgħa 3
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent
“F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx” Ġw 1, 26
Giovanni di Paolo, Ecce Agnus Dei (1455–60). The Art Institute of Chicago.
Il-Ħadd
It-Tielet Ħadd tal-Avvent
Gaudete
EvanġeljuĠw 1, 6-8.19-28
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann.
F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl. Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?”. “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?”. “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tgħid li int?”. U hu wieġeb kif qal il-profeta Iżaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”. Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?”. “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”. Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“F’nofskom hemm dak li intom ma tafuhx.”
Ġwanni l-Battista kellu missjoni ċara: mhux li jiġbed l-attenzjoni lejh innifsu, imma li jwassal lill-oħrajn għand Ġesù. Meta staqsewh min kien, ma ppruvax jidher importanti jew jieħu post ħaddieħor. Kien jaf min ma kienx, u kien jaf għal min kien qiegħed jaħdem. Huwa kien leħen li jħabbar id-dawl, u mhux id-dawl innifsu.
Forsi din hija waħda mill-isbaħ sfidi ta’ dan l-Avvent: nitgħallmu ma nkunux aħna ċ-ċentru ta’ kollox, imma nħallu lil Ġesù jkun fiċ-ċentru ta’ ħajjitna. Kultant tant inkunu mħabbtin bl-impenji u t-tħejjijiet għall-Milied, li lanqas nindunaw li l-Mulej qiegħed diġà f’nofsna. Mhux dejjem jiġi b’mod spettakolari; kultant insibuh f’persuna li għandha bżonnna, fi kelma ta’ faraġ jew f’mument ta’ talb.
F’dan l-Avvent, ejjew inkunu bħall-Battista: sinjali li jwasslu għand Ġesù, u mhux ostakli li jgħattu d-dawl tiegħu.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.F’ħajti, jien qiegħed ngħin lill-oħrajn jersqu aktar lejn Ġesù, jew qiegħed niġbed l-attenzjoni lejja nnifsi?
- 2.Fejn nista’ nagħraf il-preżenza ta’ Ġesù fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum?
Tfal u żgħażagħ qaddisin5 / 8
Darwin Ramos
Laqqmuh “The Master of Joy”
“Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu.” Fil 4, 4
It-tieni minn disa’ wlied ta’ familja tassew fqira f’Metro Manila l-Filippini. Minn età żgħira beda jiġbor il-plastic mit-toroq biex mill-bejgħ tagħhom, jgħin lil familtu. Meta kellu biss sitt snin laqtitu l-Duchenne muscular dystrophy li fi ftit snin ħallietu paralizzat. Missieru telqu fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Liberdad biex jittallab. Fl-2006, fondazzjoni lokali li tieħu ħsieb tfal abbandunati, ġabritu u beda jgħix fiċ-ċentru tagħhom. Kien hawn li sabi il-fidi, irċieva l-Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Għad li fiżikament limitat, it-tbissima tiegħu kienet tiġbed lil kulħadd tant li laqqmuh “The Master of Joy”. Qatt ma gerger dwar il-passat tiegħu u wisq inqas dwar il-marda kiefra li ħakmitu. Miet ta’ 17-il-sena u fl-2019 id-Djoċesi ta’ Cubao tat bidu għall-Kawża tal-Beatifikazzjoni tiegħu.
Kolletta
O Alla, int taf b’liema fedeltà il-poplu tiegħek qiegħed jistenna l-festa tal-Milied; agħtina, nitolbuk, li jseħħilna naslu għall-hena bla qies li nġarrbu fit-twelid ta’ Sidna, u li b’qalb ferħana niċċelebrawh dejjem b’solennità qaddisa. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Is 61, 1-2a.10-11 Nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej. |
| Kantiku | Lq 1, 46-48.49-50.53-54 Taqbeż bil-ferħ ruħi b’Alla tiegħi. |
It-Tnejn
San Ġwann tas-Salib
Presbiteru u Duttur tal-Knisja — Tifkira obbligatorja
EvanġeljuMt 21, 23-27
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja?
F’dak iż-żmien, Ġesù daħal fit-tempju, u, waqt li kien qiegħed jgħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu u qalulu: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din is-setgħa?”. U Ġesù qalilhom: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien ukoll: jekk tweġbuni għaliha, jien ukoll ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu. Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?”. Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh: ‘Mis-sema’, jgħidilna: ‘Mela għaliex ma emmintux?’. U jekk ngħidulu: ‘Mill-bnedmin’, nibżgħu min-nies, għax lil Ġwanni kulħadd iżommu bi profeta”. Imbagħad wieġbu lil Ġesù u qalulu: “Ma nafux”. U hu qalilhom: “Mela anqas jiena ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“Il-magħmudija ta’ Ġwanni minn fejn kienet ġejja, mis-sema jew mill-bnedmin?”
Il-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu resqu lejn Ġesù b’mistoqsija dwar l-awtorità tiegħu. Iżda, minflok ma fittxew tassew il-verità, bdew jaħsbu kif se jwieġbu mingħajr ma jikkompromettu ruħhom. Għalihom, kien aktar importanti li jżommu l-pożizzjoni tagħhom milli jiftħu qalbhom għall-verità.
Kemm-il darba jiġrilna l-istess! Kultant nafu x’inhu tajjeb, imma nibqgħu lura milli naċċettawh għax jitlob minna bidla. Nibżgħu nammettu l-iżbalji tagħna jew noħorġu mill-kumdità tagħna. Madankollu, il-Mulej ma jfittixx tweġibiet perfetti, iżda qalb sinċiera u lesta li tisma’.
San Ġwann tas-Salib ifakkarna li l-mixja lejn Alla titlob minna li ninżgħu minn dak kollu li jżommna marbutin magħna nfusna. Dan l-Avvent jista’ jkun opportunità biex nieqfu naħarbu mill-mistoqsijiet li Ġesù jpoġġilna quddiemna u nħalluh imexxina lejn il-verità.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi verità li naf li għandi naċċetta, iżda nibqa’ naħrab minnha?
- 2.Għandi l-kuraġġ inħalli lil Ġesù jisfidani u jibdel xi ħaġa f’ħajti?
Kolletta
Nitolbu. O Alla, inti tajtna lis-saċerdot San Ġwann tas-Salib b’eżempju mill-isbaħ taċ-ċaħda sħiħa tagħna nfusna u ta’ mħabba kbira għas-salib; agħmel li ngħixu dejjem bħalu, biex naslu li narawk wiċċ imb’wiċċ fil-glorja tiegħek ta’ dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Num 24, 2-7.15-17a Għad titla’ kewkba minn Ġakobb. |
| Salm responsorjali | 24 (25), 4bċ-5ab.6-7bċ.8-9 Triqatek, Mulej, għarrafni. |
It-Tlieta
It-Tlieta
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent — Ferja
EvanġeljuMt 21, 28-32
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ġie Ġwanni, u l-midinbin emmnuh.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli’. U dak qallu: ‘Ma rridx’. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi’, qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“L-ewwel wieħed biddel fehmtu u mar.”
Fil-parabbola taż-żewġ ulied, Ġesù jurina li mhux biżżejjed ngħidu l-kliem it-tajjeb; irridu nuru bil-ħajja tagħna dak li nemmnu. Wieħed mill-ulied inizjalment irrifjuta li jagħmel dak li talbu missieru, iżda mbagħad biddel fehmtu u mar. L-ieħor wiegħed li se jmur, iżda baqa’ fejn kien. Għal Ġesù, dak li jgħodd mhuwiex dak li ngħidu, iżda kemm kliemna jsir għemil konkret.
Kemm-il darba aħna wkoll nagħmlu wegħdiet: li se nkunu aktar paċenzjużi, li se naħfru, li se ngħinu lil xi ħadd jew li se nqattgħu aktar ħin ma’ Alla. Iżda mbagħad nibqgħu fejn inkunu. L-aħbar it-tajba hija li qatt mhu tard biex nibdlu fehmitna u nibdew mill-ġdid. Alla ma jgħejja qatt jagħtina opportunità oħra. Dan l-Avvent jista’ jkun iż-żmien li fih nieqfu nwiegħdu biss u nibdew ngħixu dak li l-Mulej qiegħed jitlob minna.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi ħaġa tajba li ilni nwiegħed li se nagħmel, iżda għadni qatt ma għamilt?
- 2.X’pass konkret nista’ nagħmel illum biex il-fidi tiegħi tidher aktar fl-għemil tiegħi?
Tfal u żgħażagħ qaddisin6 / 8
Rosario Livatino
“Mhux ser niġu mistoqsija kemm konna kredenti iżda kemm konna kredibbli.”
“Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi.” Ġak 2, 18
Għaddew 36 sena. Qisu l-bieraħ kulħadd jara fuq ir-Rai l-aħbar traġika u infami tal-assassinju tal-Imħallef Rosario Livatino mill-mafja f’autostrada f’Agrigento fi triqtu lejn il-qorti. Kellu biss 37 sena. Interessanti l-fatt li darba stqarr li qatt ma żżewweġ biex ma jħallix warajh armla u orfni! Kien jaf minn qabel kif se tkun it-temma tiegħu, xorta waħda baqa’ dejjem fidil għall-Vanġelu u għall-Ġustizzja u s-sewwa. Kien iħobb jgħid, “Meta mmutu mhux ser niġu mistoqsija kemm konna kredenti iżda kemm konna kredibbli.” Rikonoxxut mill-Knisja bħala Beatu u martri “in odium fidei”, ċioè maqtul minħabba mibegħda diretta lejn il-fidi. Kemm għandu x’jgħallimna u kemm neħtieġu x-xhieda tiegħu fis-soċjetajiet post moderni tagħna.
Kolletta
O Alla, int għamiltna ħolqien ġdid permezz ta’ Ibnek il-waħdieni; ħares bit-tjieba lejn l-għemil tal-ħniena tiegħek, u, fil-miġja ta’ Ibnek, naddafna minn kull ħażen tal-imgħoddi. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Sof 3, 1-2.9-13 Is-salvazzjoni li jġib miegħu l-Messija titwiegħed lill-popli kollha. |
| Salm responsorjali | 33 (34), 2-3.6-7.17-18.19 u 23 Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu. |
L-Erbgħa
L-Erbgħa
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent — Ferja
EvanġeljuLq 7, 19-23
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu.
F’dak iż-żmien, Ġwanni sejjaħ tnejn mid-dixxipli tiegħu u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”. Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: ‘Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?’”. Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. Imbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu.”
Anki Ġwanni l-Battista, li kien ħabbar il-miġja tal-Messija, kellu l-mumenti tiegħu ta’ dubju u inċertezza. Għalhekk bagħat lid-dixxipli tiegħu jistaqsu lil Ġesù jekk kienx tassew dak li kellu jiġi. Ġesù ma weġibx bi kliem sabiħ biss, iżda stedinhom iħarsu lejn dak li kien qiegħed jagħmel: il-morda kienu jfiqu, l-għomja jerġgħu jaraw u l-fqar kienu jisimgħu l-Bxara t-Tajba.
Ġesù jurina li Alla ma jibqax ’il bogħod mit-tbatija tagħna. Huwa jersaq lejna, jagħti tama lil min qata’ qalbu u jġib dawl fejn hemm id-dlam. Kultant, meta ngħaddu minn mumenti diffiċli, nistaqsu fejn hu Alla u għaliex ma jintervjenix, forsi għandna bżonn nieqfu ftit u nħarsu lejn is-sinjali żgħar tal-preżenza tiegħu: persuna li tgħinna, kelma ta’ kuraġġ jew ġest ta’ mħabba. Dan l-Avvent, ejjew nagħrfu dawn is-sinjali u nsiru aħna wkoll sinjal tat-tama ta’ Ġesù għal dawk ta’ madwarna.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.F’mumenti ta’ dubju jew diffikultà, fejn qed infittex is-sinjali tal-preżenza ta’ Alla?
- 2.Kif nista’ nkun sinjal ta’ tama u ta’ mħabba għal xi ħadd li għaddej minn żmien diffiċli?
Kolletta
Agħtina, nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, li l-festa solenni li qegħdin inħejju f’ġieħ Ibnek tkun għalina ta’ għajnuna f’din il-ħajja u twassalna għall-premju ta’ dejjem fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Iż 45, 6b-8.18.21b-25 Qattru, smewwiet, mill-għoli. |
| Salm responsorjali | 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14 Qattru, smewwiet, mill-għoli, u jraxxax is-sħab il-ġustizzja. |
Il-Ħamis
Il-Ħamis
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
EvanġeljuMt 1, 1-17
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù, bin David.
Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham. Abraham nissel lil Iżakk, Iżakk nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu, Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar, Fares nissel lil Ħesron, Ħesron nissel lil Aram, Aram nissel lil Għamminadab, Għamminadab nissel lil Naħson, Naħson nissel lil Salmon, Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab, Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut, Għobed nissel lil Ġesse, Ġesse nissel lil David, is-sultan. David nissel lil Salamun mill-mara ta’ Urija. Salamun nissel lil Robogħam, Robogħam nissel lil Abija, Abija nissel lil Asa, Asa nissel lil Ġosafat, Ġosafat nissel lil Ġoram, Ġoram nissel lil Għużżija, Għużżija nissel lil Ġotam, Ġotam nissel lil Aħaż, Aħaż nissel lil Ħeżekija, Ħeżekija nissel lil Manassi, Manassi nissel lil Amon, Amon nissel lil Ġosija, Ġosija nissel lil Ġekonija u lil ħutu; kien żmien l-eżilju f’Babilonja. Wara l-eżilju f’Babilonja, Ġekonija nissel lil Salatjel, Salatjel nissel lil Żorobabel, Żorobabel nissel lil Abiħud, Abiħud nissel lil Eljakim, Eljakim nissel lil Ażor, Ażor nissel lil Sadok, Sadok nissel lil Akim, Akim nissel lil Eliħud, Eliħud nissel lil Elgħażar, Elgħażar nissel lil Mattan, Mattan nissel lil Ġakobb, Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù li jsejħulu l-Messija. Mela n-nisel kollu kien, minn Abraham sa David, erbatax-il nisel, minn David sal-eżilju ta’ Babilonja, erbatax-il nisel; u mill-eżilju ta’ Babilonja sal-Messija, erbatax-il nisel.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.”
Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-lista twila ta’ ismijiet fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Mattew tista’ tidher qari diffiċli jew bla wisq x’tgħidilna. Iżda din il-ġenealoġija għandha messaġġ sabiħ ħafna: Ġesù daħal fl-istorja ta’ familja u ta’ poplu, bi stejjer ta’ fidi u ta’ tama, iżda wkoll ta’ dgħufija, żbalji u tbatija.
Alla ma jistenniex li kollox ikun perfett biex jidħol fil-ħajja tagħna. Huwa kapaċi jaħdem anki permezz ta’ nies imperfetti u sitwazzjonijiet diffiċli. L-istorja tal-poplu ta’ Alla turina fedeltà li tibqa’ għaddejja minn ġenerazzjoni għal oħra, sakemm tasal għand Ġesù.
F’dan l-Avvent, nistgħu nieqfu ftit u nħarsu lejn l-istorja tagħna wkoll. Kull wieħed u waħda minna għandu passat, familja u esperjenzi li sawru lil min hu llum. Ġesù jrid jidħol f’din l-istorja, mhux biex iħassarha, iżda biex jagħtiha tifsira ġdida u jiftaħ quddiemna futur mimli tama. Il-Milied ifakkarna li Alla jrid ikun parti mill-istorja tagħna.
— Kan Jean Claude Schembri
Adorazzjoni 3 · It-3 Ħadd tal-Avvent
Xhieda tad-dawl Ġw 1, 6-8.19-28
Għall-parroċċa, għall-gruppi jew għall-użu personali. PDF b’xejn fuq laikosblog.org/avvent-2026-sena-b
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Nista’ nagħraf kif Alla kien preżenti fl-istorja personali u familjari tiegħi, anki fil-mumenti diffiċli?
- 2.Hemm xi parti mill-istorja tiegħi li għadni ma ħallejtx f’idejn Alla?
Kolletta
O Alla, li ħlaqt il-bniedem u fdejtu, int ridt li Ibnek isir bniedem minn Omm li baqgħet dejjem Verġni; fil-ħniena tiegħek ilqa’ t-talb tagħna, biex Ibnek il-waħdieni li sar bniedem bħalna, jagħtina sehem fin-natura tiegħu ta’ Alla. Hu, li hu Alla, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Ġen 49, 2.8-10 Ix-xettru minn id Ġuda ma jitneħħiex. |
| Salm responsorjali | 71 (72), 1-2.3-4ab.7-8.17 Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem. |
Il-Ġimgħa
Il-Ġimgħa
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
EvanġeljuMt 1, 18-24
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew.
Ġesù jitwieled minn Marija, għarusa ta’ Ġużeppi, bin David.
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija.”
Ġużeppi jsib ruħu quddiem sitwazzjoni li ma jifhimhiex. Il-pjanijiet tiegħu għal ħajtu u għall-futur tiegħu ma baqgħux jidhru ċari. Minkejja dan, ma jirreaġixxix b’rabja jew b’ġudizzju. Huwa jipprova jaġixxi b’ġustizzja u b’rispett lejn Marija. Imbagħad, permezz tal-anġlu, Alla jistiednu jafda u jaċċetta dak li ma jistax jifhem.
L-atteġġjament ta’ Ġużeppi huwa tagħlima sabiħa għalina. Il-fidi mhux dejjem tfisser li jkollna t-tweġibiet kollha jew li nifhmu għaliex jiġru ċerti affarijiet. Xi drabi tfisser sempliċement li nagħmlu l-pass li jmiss, b’fiduċja li Alla qiegħed magħna.
Ġużeppi ma jgħidx kelma waħda f’dan il-qari, iżda l-azzjonijiet tiegħu jitkellmu ħafna. Huwa jisma’, jafda u jobdi. F’dan iż-żmien tal-Avvent, ejjew nitgħallmu mingħandu li biex nilqgħu lil Ġesù rridu nkunu lesti nħallu lil Alla jidħol fil-pjanijiet tagħna, anki meta jkollna nbiddluhom.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi sitwazzjoni f’ħajti li qed insibha diffiċli nafda f’idejn Alla?
- 2.X’nista’ nitgħallem minn Ġużeppi dwar is-smigħ, il-fiduċja u l-ubbidjenza lejn Alla?
Kolletta
Nitolbuk, o Alla li tista’ kollox, biex aħna, li ilna ħafna mtaqqla u mjassra bil-madmad tad-dnub, naqilgħu l-ħelsien bit-twelid ġdid ta’ Ibnek li qegħdin nistennew, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Ġer 23, 5-8 Inqajjem lil David rimja ġusta. |
| Salm responsorjali | 71 (72), 2.12-13.18-19 Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem. |
Is-Sibt
Is-Sibt
It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
EvanġeljuLq 1, 5-25
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
L-anġlu Gabrijel iħabbar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.
Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta’ Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien. Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta’ qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, u, skont id-drawwa tal-liturġija, intgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens. Waqt ir-rit tal-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra. U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin tal-altar tal-inċens. Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa’ biża’ fuqu. Imma l-anġlu qallu: “Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda nbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. Huwa jreġġa’ lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta’ Elija, biex iraġġa’ l-qlub tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej”. Imma Żakkarija qal lill-anġlu: “Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien”. Wieġeb l-anġlu u qallu: “Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa’ mbikkem u ma tkunx tista’ titkellem sa dakinhar li jiġri kulma ħabbartlek”. Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju. Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa’ mbikkem. Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa’ lura lejn id-dar. Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: “Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!”
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
“Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet.”
Żakkarija u Eliżabetta kienu ilhom jistennew u jitolbu għal ħafna snin. Iżda ż-żmien kien għadda u t-tama tagħhom li jkollhom wild kienet donnha spiċċat. Meta l-anġlu Gabrijel deher lil Żakkarija u ħabbarlu li martu kien se jkollha iben, huwa sabha diffiċli biex jemmen. It-tweġiba tiegħu kienet waħda ta’ dubju: kif jista’ jkun dan iseħħ issa, meta t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien?
Kemm-il darba aħna wkoll naħsbu li xi talba tagħna baqgħet bla tweġiba jew li ċerti affarijiet f’ħajjitna ma jistgħux jinbidlu aktar. Iżda l-istorja ta’ Żakkarija tfakkarna li Alla ma jinsiex u li l-ħin tiegħu mhux dejjem jaqbel mal-ħin tagħna. Huwa kapaċi joħloq bidu ġdid fejn aħna naraw biss tmiem.
Iż-żmien tas-skiet li kellu jgħaddi minnu Żakkarija jista’ jkun għalina stedina biex nieqfu, nisimgħu u nħallu l-fidi tikber fina. F’dan l-Avvent, ejjew ma naqtgħux qalbna mit-talb, għax Alla għadu kapaċi jissorprendina u jġedded it-tama tagħna.
— Kan Jean Claude Schembri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi talba jew tama li kważi qtajt qalbi minnha? Għadni kapaċi nafda f’Alla?
- 2.Kif nista’ nagħmel aktar spazju għas-skiet u għas-smigħ tal-kelma ta’ Alla f’ħajti?
Kolletta
O Alla, int għoġbok turina d-dija tas-sebħ tiegħek bit-twelid ta’ Ibnek mill-Verġni Mqaddsa Marija; agħtina li, b’fidi sħiħa, nqimu l-misteru ta’ din il-ġrajja tal-għaġeb, u nġeddu dejjem it-tifkira tagħha b’ġieħ li jistħoqqilha. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Mħal 13, 2-7.24-25a Anġlu tal-Mulej iħabbar it-twelid ta’ Sansun. |
| Salm responsorjali | 70 (71), 3-4a.5-6ab.16-17 Mulej, mimli fommi b’tifħirek u b’sebħek. |
Ġimgħa 4
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Avvent
“Ħa jsir minni skont kelmtek!” Lq 1, 38
Domenico Bruschi (1840–1910), It-Tħabbira
Il-Ħadd
Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent
EvanġeljuLq 1, 26-38
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben.
F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”. Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”. Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”. U l-anġlu telaq minn quddiemha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Agħmel minni dak li trid Int!
Hekk kif qegħdin noqorbu lejn il-Milied, il-Kelma ta’ Alla tlaqqagħna ma’ Marija, tfajla sempliċi li kellha l-pjanijiet tagħha għall-ħajja. Iżda Alla jidħol fl-istorja tagħha bi stedina li żgur ma kinitx qed tistenna. Permezz tal-anġlu Gabrijel, Alla jitlobha ssir Omm Ibnu.
Marija ma fehmitx kollox mill-ewwel. Saħansitra għamlet mistoqsija: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?” Madankollu, minkejja l-inċertezza, hija għażlet li tafda f’Alla u twieġeb: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”
Kemm-il darba aħna wkoll insibu ruħna quddiem sitwazzjonijiet li ma nifhmux? Xi drabi nkunu nixtiequ li Alla jurina t-triq kollha qabel ma nagħmlu l-ewwel pass. Iżda Marija tgħallimna li l-fidi mhijiex li jkollna t-tweġibiet kollha, imma li nafdaw f’Dak li jmexxina.
Il-Milied ifakkarna li Alla ma jidħolx biss fl-istorja tad-dinja, imma jixtieq jidħol ukoll fl-istorja personali tagħna. Huwa ma jfittixx qalb perfetta, imma qalb miftuħa biex tilqgħu.
F’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent, ejjew nitgħallmu minn Marija ngħidu l-iva tagħna lil Alla. Għax meta nħalluh jaħdem fina, anke l-affarijiet żgħar u ordinarji tal-ħajja jistgħu jsiru strumenti tal-imħabba tiegħu.
— Kan Gylan Camilleri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi sitwazzjoni f’ħajti li fiha Alla qiegħed jistedinni nafdah aktar, minkejja li ma nifhimx kollox?
- 2.X’qiegħed iżommni milli ngħid “iva” lil Alla b’qalbi kollha?
Tfal u żgħażagħ qaddisin7 / 8
Guy de Fontgalland
“Iva, hija l-isbaħ kelma li nistgħu ngħidu lil Alla.”
“Fih il-wegħdiet ta’ Alla kollha saru ‘iva’.” 2 Kor 1, 20
Kien tifel normali li trabba ġo familja sinjura Pariġina. Minn età żgħira huwa fehem l-importanza li jiċċaħħad u jagħmel sagrifiċċji imqar żgħar biex “jogħġob lil Alla.” Waqt pellegrinaġġ f’Lourdes huwa ħass lill-Madonna tgħidlu li ser imut żgħir, kif fil-fatt seħħ. Laqtitu difterite li temmitlu ħajtu fl-24 ta’ Jannar 1925, fl-età ta’ 11-il sena. Huwa xtaq isir qassis però darba ħass lil Ġesù jgħidlu: “Inti ma ssirx qassis tiegħi, imma anġlu tiegħi.” Dan it-tfajjel qaddis kien iħobb jgħid li, “Iva, hija l-isbaħ kelma li nistgħu ngħidu lil Alla.”
Kolletta
Sawwab f’ruħna, Mulej, il-grazzja tiegħek, biex aħna, li bit-tħabbira tal-anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | 2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16 It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem. |
| Salm responsorjali | 88 (89), 2-5.27.29 It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni. |
| It-tieni qari | Rum 16, 25-27 Il-misteru li kien moħbi fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat. |
It-Tnejn
It-Tnejn
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
jew tifkira ta’ San Pietru Kanisju, presbiteru u duttur tal-Knisja
EvanġeljuLq 1, 39-45
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi?
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Inwasslu lil Ġesù għand l-oħrajn
Wara li Marija laqgħet il-Kelma ta’ Alla, l-Evanġelju jgħidilna li marret bil-ħeffa lejn id-dar ta’ Eliżabetta. Marija ma żammitx il-ferħ tagħha għaliha biss. L-ewwel ħaġa li għamlet kienet li marret tiltaqa’ ma’ persuna li kellha bżonn il-preżenza u l-għajnuna tagħha.
Din il-laqgħa bejn Marija u Eliżabetta hija laqgħa mimlija ferħ, tama u fidi. Eliżabetta tagħraf li Marija qiegħda ġġorr fi ħdanha lill-Mulej. U proprju għaliex Marija ġġorr lil Ġesù, il-preżenza tagħha ssir barka għal dawk ta’ madwarha.
Hawnhekk insibu messaġġ għalina lkoll f’din il-waqt tal-mixja tagħna f’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent. Aħna wkoll imsejħin biex inwasslu lil Ġesù lill-oħrajn. Mhux neċessarjament permezz ta’ ħafna kliem jew paroli jew affarijiet straordinarji, imma permezz ta’ ġesti sempliċi: kelma ta’ kuraġġ, żjara lil xi ħadd waħdu, telefonata lil persuna li ilna ma nisimgħu biha, jew ftit ħin mogħti lil min għandu bżonnu.
F’dawn il-jiem, faċli ninħakmu mill-ġiri tat-tħejjijiet għall-Milied. Iżda l-Evanġelju jfakkarna li l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu huwa l-preżenza tagħna mimlija bl-imħabba ta’ Alla.
Ejjew nitgħallmu minn Marija biex ma nistennewx li l-oħrajn jiġu għandna, imma nkunu aħna li nagħmlu l-ewwel pass. Għax fejn hemm l-imħabba vera, hemmhekk Ġesù jkun diġà preżenti.
— Kan Gylan Camilleri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Min huma l-persuni f’ħajti li bħalissa għandhom bżonn il-preżenza, l-attenzjoni jew l-għajnuna tiegħi?
- 2.Kif nista’ nwassal il-ferħ u l-imħabba ta’ Ġesù lil xi ħadd b’ġest konkret qabel il-Milied?
Kolletta
Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ t-talb li aħna, il-poplu tiegħek, qegħdin nagħmlulek, biex, kif nifirħu b’Ibnek il-waħdieni fil-miġja tiegħu fostna bħala bniedem, hekk ukoll niksbu l-premju tal-ħajja ta’ dejjem meta jiġi fis-setgħa tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Għan 2, 8-14 Il-maħbub tiegħi: arah, ġej, jaqbeż fuq il-muntanji. (jew Sof 3, 14-18a) |
| Salm responsorjali | 32 (33), 2-3.11-12.20-21 Għannu, ġusti, bil-ferħ, lill-Mulej; għannulu għanja ġdida. |
It-Tlieta
It-Tlieta
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
EvanġeljuLq 1, 46-55
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.
F’dak iż-żmien, qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja, għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu, bħalma wiegħed lil missirijietna, b’riżq Abraham u nislu għal dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Qalb li tagħraf l-għeġubijiet ta’ Alla
“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej.” B’dan il-kliem Marija tibda l-għanja sabiħa tal-Magnificat. Hija għanja ta’ tifħir u radd il-ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħha u mal-poplu tiegħu.
Marija ma tħarisx biss lejn dak li ġara fil-ħajja tagħha, imma tagħraf li Alla qiegħed iwettaq il-wegħdiet tiegħu. Huwa Alla li jħares lejn iċ-ċkejknin, jerfa’ lill-umli u jimla bil-ġid lil dawk li huma bil-ġuħ. Alla tagħna huwa Alla li ma jinsiex lill-bniedem, speċjalment lil dawk li d-dinja spiss twarrabhom.
Xi drabi aħna tant inkunu ffukati fuq dak li jonqosna, fuq il-problemi u fuq dak li ma rnexxilniex nagħmlu, li ninsew naraw it-tajjeb li diġà hemm f’ħajjitna. Marija tistedinna nbiddlu ftit il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja: mhux billi ninjoraw id-diffikultajiet, imma billi nagħrfu l-preżenza ta’ Alla anke fihom.
Il-Milied huwa proprju ċ-ċelebrazzjoni ta’ Alla li jagħżel iċ-ċokon. Ibnu ma jitwelidx f’palazz, imma fil-faqar ta’ Betlehem. B’hekk Alla jurina li l-kobor veru ma jinsabx fil-poter jew fil-ġid, imma fl-imħabba.
F’dawn l-aħħar jiem tal-Avvent, ejjew insibu ftit ħin biex inħarsu lura lejn ħajjitna u ngħidu grazzi. Għax qalb li taf tirringrazzja hija qalb li tkun aktar lesta tagħraf lil Alla li ġej jiltaqa’ magħha.
— Kan Gylan Camilleri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Għal liema tliet affarijiet f’ħajti nixtieq nirringrazzja lil Alla llum?
- 2.Kif nista’ nagħti aktar spazju f’ħajti lill-umiltà u lill-attenzjoni lejn dawk li huma fil-bżonn?
Kolletta
O Alla, int ħarist lejn il-bniedem imwaqqa’ fil-jasar tal-mewt, u għoġbok tifdih bil-miġja ta’ Ibnek il-waħdieni; agħtina, nitolbuk, li, kif bl-umiltà kollha nistqarru li hu sar bniedem bħalna, hekk ukoll nissieħbu miegħu, il-Feddej tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | 1 Sam 1, 24-28 Ir-radd ta’ ħajr ta’ Anna għat-twelid ta’ Samwel. |
| Kantiku | 1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd Ferħet qalbi fil-Mulej. |
L-Erbgħa
L-Erbgħa
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
jew tifkira ta’ San Ġwann ta’ Kety, presbiteru
EvanġeljuLq 1, 57-66
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
It-twelid ta’ Ġwanni l-Battista.
F’dak iż-żmien, Eliżabetta għalqilha ż-żmien biex teħles, u kellha tifel. Il-ġirien u qrabatha semgħu li l-Mulej wera ħniena kbira magħha, u marru jifirħu magħha. Meta mbagħad fit-tmien jum ġew biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni lit-tifel riedu jsemmuh Żakkarija għal missieru, imma qabżet ommu u qalet: “Le, iżda Ġwanni jkun jismu”. Qalulha: “Ma hemm ħadd li jismu hekk fost qrabatek”. Imbagħad bdew jistaqsu bis-sinjali lil missieru x’ried isemmih, u hu talabhom xi ħaġa fuqiex jikteb, u kiteb hekk: “Ismu huwa Ġwanni”. U kulħadd baqa’ mistagħġeb. Dak il-ħin stess Żakkarija nfetaħlu fommu, ilsienu nħall, u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla. U l-ġirien tagħhom ilkoll qabadhom il-biża’, u bdew ixandru dawn il-ġrajjiet kollha mal-għoljiet kollha tal-Lhudija, u kull min kien jismagħhom kien iżommhom f’qalbu u jgħid: “Mela x’għad ikun dan it-tifel?”. U tassew, id il-Mulej kienet miegħu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Alla kapaċi jagħmel kollox ġdid
Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu dwar it-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Kien mument ta’ ferħ kbir għal Eliżabetta u Żakkarija, li għal ħafna snin kienu stennew tarbija. It-twelid ta’ Ġwanni kien sinjal ċar li Alla ma kienx nesa l-wegħdiet tiegħu.
Meta wasal il-mument li jagħtu isem lit-tarbija, dawk ta’ madwarhom stennew li jsemmuha għal missierha. Iżda Eliżabetta insistiet li ismu jkun Ġwanni, kif kien qal l-anġlu. Żakkarija kkonferma dan billi kiteb: “Ismu huwa Ġwanni.” F’dak il-mument, fommu nfetaħ u beda jfaħħar lil Alla.
Din il-ġrajja tfakkarna li Alla mhux dejjem jaħdem skont dak li aħna mdorrijin bih jew nistennew. Xi drabi l-pjan tiegħu jeħtieġ li noħorġu mid-drawwiet tagħna u ninfetħu għal xi ħaġa ġdida.
Kemm-il darba nżommu sod ma’ dak li dejjem għamilna, sempliċement għax nibżgħu mill-bidla? Iżda l-fidi titlob minna qalb li taf tisma’ u tagħraf fejn Alla qiegħed imexxiha.
Hekk kif il-Milied jinsab fil-qrib, il-Kelma ta’ Alla tistedinna nemmnu li qatt mhu tard biex xi ħaġa tinbidel għall-aħjar. Relazzjoni miksura tista’ tibda tfiq, qalb magħluqa tista’ terġa’ tinfetaħ, u persuna li tilfet it-tama tista’ terġa’ ssib dawl ġdid.
Għax għal Alla, kull bidu ġdid huwa possibbli.
— Kan Gylan Camilleri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Hemm xi ħaġa f’ħajti li qiegħed insibha diffiċli nbiddel, minkejja li naf li Alla qiegħed isejjaħli għal xi ħaġa aħjar?
- 2.X’pass konkret nista’ nagħmel biex dan il-Milied ikun bidu ġdid fil-ħajja spiritwali tiegħi?
Kolletta
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, issa li riesqa l-festa tat-twelid ta’ Ibnek bħala bniedem aħna, qaddejja tiegħek bla ma jistħoqqilna, nitolbuk li jħenn għalina l-Verb tiegħek li għoġbu jsir bniedem minn Marija Verġni u għammar fostna, Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | Mal 3, 1-4.23-24 Nibagħtilkom ’l Elija l-profeta qabel ma jasal Jum il-Mulej. |
| Salm responsorjali | 24 (25), 4bċ-5ab.8-9.10 u 14 Erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib. |
Il-Ħamis
Il-Ħamis
Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Avvent — Ferja privileġġjata
EvanġeljuLq 1, 67-79
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa.
Mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa.
F’dak iż-żmien, Żakkarija, missier Ġwanni, imtela bl-Ispirtu s-Santu u beda jħabbar u jgħid: “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu, u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni f’dar David qaddej tiegħu, bħalma wiegħed fl-imgħoddi b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu, biex isalvana mill-għedewwa tagħna, u minn idejn dawk kollha li jobogħduna. B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu, fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna: li jagħtina l-grazzja li, wara li jeħlisna minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu ħajjitna kollha. U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-aktar Għoli, għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu u tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni permezz tal-maħfra ta’ dnubiethom, mogħtija mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, li mill-għoli jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa; u jdawwal lil min jinsab fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Id-dawl li jegħleb id-dlam
Wasalna qrib ħafna tal-Milied. L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-għanja ta’ Żakkarija, magħrufa bħala l-Benedictus. Wara żmien ta’ skiet, Żakkarija jiftaħ fommu biex ifaħħar lil Alla għall-fedeltà u l-ħniena tiegħu.
Fost il-kliem sabiħ ta’ din l-għanja nsibu xbieha li tolqotna: Alla jiġi jżurna bħax-xemx tielgħa, biex idawwal lil dawk li jinsabu fid-dlam u fid-dell tal-mewt, u jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Kemm hu sabiħ dan il-messaġġ hekk kif qegħdin inħejju ruħna għall-Milied! Ġesù jiġi fid-dinja mhux għaliex kollox huwa perfett, imma proprju għaliex il-bniedem għandu bżonn id-dawl, it-tama u s-salvazzjoni.
Forsi dan il-Milied mhux kulħadd qiegħed jistennih bl-istess ferħ. Hemm min għaddej minn żmien ta’ mard, min tilef persuna għażiża, min għandu problemi fil-familja, jew min iħossu waħdu. Il-messaġġ tal-Milied huwa wkoll għal dawn il-persuni: Alla ma jabbandunana qatt!
It-twelid ta’ Ġesù jfakkarna li d-dlam m’għandux l-aħħar kelma. L-imħabba ta’ Alla hija akbar minn kull biża’ u kull diffikultà.
Hekk kif inħejju ruħna biex niċċelebraw it-twelid tal-Feddej, ejjew niftħu qalbna għad-dawl tiegħu. U fuq kollox, ejjew insiru aħna wkoll dawl żgħir fil-ħajja ta’ dawk li niltaqgħu magħhom.
— Kan Gylan Camilleri
Adorazzjoni 4 · Ir-4 Ħadd tal-Avvent
Iva, Mulej Lq 1, 26-38
Għall-parroċċa, għall-gruppi jew għall-użu personali. PDF b’xejn fuq laikosblog.org/avvent-2026-sena-b
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.Liema huma dawk l-oqsma ta’ ħajti fejn bħalissa għandi l-aktar bżonn id-dawl u l-paċi ta’ Ġesù?
- 2.Kif nista’ nkun sinjal ta’ tama u dawl għal persuni li għaddejjin minn żmien diffiċli f’dan il-Milied?
Tfal u żgħażagħ qaddisin8 / 8
Amandita Ruiz Suárez
Ftit qabel mewtha qalet li mis-sema ma kienet se tinsa lil ħadd.
“Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.” Mt 19, 14
Amandita, kif kienu jsejjħulha qrabatha kienet tifla mill-iktar normali mill-Veneżwela. Edukata, ferrieħa u perswassiva. Minn età żgħira bdiet turi maturità spiritwali u ħajja ta’ talb straordinarja, iċċentrata fuq id-devozzjoni lejn Ġesù Bambin. Meta kellha biss tliet snin laqtitha leukemia. Għalkemm kienet tkun muġugħa waqt u wara t-trattamenti, qatt ma ħarbitilha tgergira minn fommha u t-tbissima tagħha kienet tgħaġġeb lil kulħadd. Mietet ta’ sitt snin biss u ftit qabel mewtha stqarret ma’ ommha li mis-sema ma kienet ser tabbanduna u tinsa lil ħadd. Id-Djoċesi ta’ San Cristobal fetħet il-Kawża tal-Beatifikazzjoni tagħha fl-2018.
Kolletta
Ħaffef, nitolbuk, Mulej Ġesù, la tiddawwarx, biex aħna, li nittamaw fi tjubitek, ikollna l-għajnuna u l-faraġ tal-miġja tiegħek. Int, li tgħix u ssaltan mal-Missier flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Qari l-ieħor tal-Quddiesa
| L-ewwel qari | 2 Sam 7, 1-5.8b-12.14a.16 Is-saltna ta’ David tibqa’ għal dejjem quddiem il-Mulej. |
| Salm responsorjali | 88 (89), 2-3.4-5.27 u 29 It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni. |
25 ta’ Diċembru
Il-Milied
“Illum twildilkom Salvatur” Lq 2, 11
Giotto, It-Twelid ta’ Ġesù (c. 1305), Kappella Scrovegni, Padova.
Il-Ġimgħa
Il-Milied
It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu — Solennità
EvanġeljuĠw 1, 1-18
Bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann.
Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.
Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla. Hu kien fil-bidu ma’ Alla. Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kulma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux. Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl, dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja. Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, imma d-dinja ma għarfitux. Ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx. Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bnedmin, iżda minn Alla. U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità. Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: “Dan hu li għalih għedtilkom: Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli”. Għax mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna, grazzja fuq grazzja. Alla ta l-Liġi permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħu permezz ta’ Ġesù Kristu. Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.
Ħsieb
Alla sar wieħed minna!
“U l-Verb sar bniedem u għammar fostna.” F’dawn il-ftit kelmiet, San Ġwann jiġbor il-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw illum: Alla tant ħabbna li għażel li jsir wieħed minna.
Il-Milied mhuwiex sempliċement it-tifkira ta’ tarbija li twieldet f’Betlehem aktar minn elfejn sena ilu. Huwa ċ-ċelebrazzjoni ta’ Alla li ma baqax ’il bogħod minna, imma daħal fl-istorja tagħna, qasam magħna l-ħajja umana u ġie biex jurina kemm aħna prezzjużi għalih.
San Ġwann jgħidilna wkoll li d-dawl jiddi fid-dlam, u d-dlam ma għelbux. Dan huwa l-messaġġ sabiħ tal-Milied: minkejja d-diffikultajiet, il-biżgħat u t-tbatijiet li nistgħu ngħaddu minnhom, Alla jibqa’ magħna. Id-dawl tiegħu kapaċi jdawwal anke l-aktar mumenti mudlama ta’ ħajjitna.
Iżda l-Evanġelju jfakkarna wkoll li mhux kulħadd laqa’ lil Ġesù. U hawnhekk tidħol l-isfida għalina: aħna lesti nilqgħuh tassew?
Illum, fost il-ferħ, ir-rigali u l-laqgħat mal-għeżież tagħna, ejjew ma ninsewx l-akbar rigal li rċevejna: Alla tana lilu nnifsu.
Il-Milied veru jibda meta nħallu lil Ġesù jitwieled mill-ġdid f’qalbna, biex permezz tal-kliem u l-għemil tagħna, l-imħabba tiegħu tasal għand l-oħrajn.
— Kan Gylan Camilleri
Punti ta’ meditazzjoni
- 1.X’post qiegħed nagħti lil Ġesù f’ħajti? Qiegħed tassew inħallih ikun iċ-ċentru tal-Milied tiegħi?
- 2.Kif nista’ nwassal id-dawl u l-imħabba ta’ Ġesù lil dawk ta’ madwari, mhux biss illum, imma matul is-sena kollha?
Kolletta
O Alla, int b’mod tal-għaġeb ħlaqt il-bniedem fil-kobor tiegħu, u b’għaġeb akbar ġeddidtu wara li waqa’; agħmel li nissieħbu ma’ Kristu fin-natura tiegħu ta’ Alla, kif hu għoġbu jieħu sehem magħna fin-natura tagħna l-bnedmin. Hu, li hu Alla, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
“U l-Verb sar bniedem u għammar fostna.” (Ġw 1, 14)
Il-Milied it-tajjeb! Jalla t-twelid ta’ Ġesù jġedded fina l-fidi, isaħħaħ it-tama u jimla qalbna bl-imħabba tiegħu.
Il-Qari l-ieħor – Quddiesa ta’ Binhar
| L-ewwel qari | Is 52, 7-10 Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna. |
| Salm responsorjali | 97 (98), 1-6 Raw it-truf kollha tal-art is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna. |
| It-tieni qari | Lhud 1, 1-6 Alla kellimna permezz ta’ Ibnu. |
8 profili
Tfal u żgħażagħ b’fama ta’ qdusija
Matul dan l-Avvent se jakkumpanjawna wkoll 8 tfal u żgħażagħ minn erba’ kontinenti differenti li għexu l-Evanġelju sal-aħħar.
Seminarista li qatluh għax ried jappartjeni “totalment lil Ġesù”.
30 ta’ Novembru →Żagħżugħa li bniet ħajjitha fuq il-blat: għażlet lil Alla sal-aħħar u ħafret.
3 ta’ Diċembru →Ta ħajtu biex jipproteġi lil sħabu tal-klassi.
7 ta’ Diċembru →Studenta tal-mediċina li ma setgħetx tibqa’ indifferenti għall-foqra.
11 ta’ Diċembru →Paralizzat, iżda kulħadd kien isejjaħlu “The Master of Joy”.
13 ta’ Diċembru →Imħallef li baqa’ fidil għas-sewwa quddiem il-mafja.
15 ta’ Diċembru →Tifel li għallimna li “iva” hija l-isbaħ kelma li ngħidu lil Alla.
20 ta’ Diċembru →Tifla li ħabbet lil Ġesù Bambin u tbissmet anke fit-tbatija.
24 ta’ Diċembru →