Laqgħa “Fl-Għeruq tal-Ewropa għall-Paċi u l-Għaqda.” Diskors tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljuni XIV. Vjaġġ Appostoliku ġewwa Franza.

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU IL-PAPA LJUN XIV FI FRANZA

25-28 TA’ SETTEMBRU, 2026

LAQGĦA “FL-GĦERUQ TAL-EWROPA GĦALL-PAĊI U L-GĦAQDA”

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV

Ċentru tal-Kungressi “Robert Schuman”, f’Metz

It-Tnejn, 28 ta’ Settembru, 2026

Sur President,

Eminenza,

Distinti Awtoritajiet ċivili u reliġjużi,

Sinjuri,

Jien hieni li ninsab hawn, f’dil-belt storika, salib it-toroq fil-qalba tal-kontinent, għal-laqgħa b’tema evokattiva ħafna: “Fl-għeruq tal-Ewropa għall-paċi u l-għaqda”. Irroddilkom ħajr għall-kliem ġentili li għadkom kif indirizzajtuli.

Il-proposta tat-titlu (tal-laqgħa) hi bla dubju ispirata mill-Venerabbli Robert Schuman, li llum għandna ntuh ġieħ partikolari f’dan iċ-ċentru msemmi għalih, u fuq kollox hawn, fil-Mosella, reġjun fejn għex għal żmien twil, fejn jinsab jistrieħ u li tiegħu għal snin twal kien rappreżentant fl-Assemblea Nazzjonali. Huwa minn dan ir-reġjun, bl-iebes tal-provi kollha li għadda minnhom matul is-sekli dsatax u għoxrin, li sab l-ispirazzjoni li għenitu fit-tiswir tal-Ewropa tal-lum u ta’ għada, permezz tad-Dikjarazzjoni ċelebri u storika tad-9 ta’ Mejju, 1950. Dan it-test huwa fl-istess ħin il-punt tat-tluq u l-qofol tal-impenn tiegħu għar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda tal-kontinent Ewropew, li ddefinixxa ħajtu kollha.

Illum, bl-immaġinazzjoni, nixtiequ nagħmlu vjaġġ li jibda mill-għeruq tal-Ewropa, biex naslu għall-preżent u nħarsu lejn il-futur. Nistaqsu lilna nfusna kif l-istorja ta’ din l-art iffurmat lil wieħed minn uliedha, Robert Schuman, u kif b’mod fundamentali hu għen fit-tiswir tal-Ewropa tant li jitqies wieħed mill-missirijiet fundaturi tagħha.

Dejjem diffiċli tiddefinixxi l-Ewropa, kemm fil-preżent u wkoll dik tal-imgħoddi. Fil-fatt, l-Ewropa gradwalment saret konxja minnha nfisha matul l-epoki storiċi taċ-ċivilizzazzjoni Ellenistika, l-Imperu Ruman, u wara, bit-tixrid tal-Kristjaneżmu, filwaqt li maż-żmien, integrat kulturi ġodda, bħal dawk tal-popli Ġermaniċi u Slavi, fost oħrajn, sa ma’ eventwalment ħaddnet reġjuni dejjem akbar.

Għalhekk, l-Ewropa rridu nħarsu lejha bħala realtà kulturali u storika qabel ma nqisuha realtà ġjografika. Matul is-sekli, hija ħaddnet konfini u definizzjonijiet ġodda, u għaddiet minn perjodi ta’ tkabbir, kriżijiet profondi, u twelid mill-ġdid. Ħaġa li nistgħu nosservaw tul l-istorja twila u mqallba tagħha hi, li l-Ewropa żviluppat u mxiet ’il quddiem kull meta bis-saħħa tal-laqgħa ma’ kulturi oħra rnexxielha telabora l-aspetti pożittivi tal-passat tagħha billi reġgħet ipproponiethom mill-ġdid f’forom ġodda u kreattivi. Iċ-ċiviltà Ewropea, infatti, hi wkoll frott ta’ inkontri sekolari, minkejja li mhux dejjem kienu faċli. Biżżejjed niftakru fil-preżenza tal-kultura Għarbija fil-peniżola Iberika, jew kif “Il-Kontinent l-Antik” rifed “Id-Dinja l-Ġdida”, ħaġa li, kultant anki b’ħafna uġigħ, iġġenerat integrazzjonijiet ġodda fil-kontinent Amerikan.

Madankollu, biex nifhmu din l-istorja ma nistgħux ninsew lil wieħed mill-missirijiet l-oħra tal-Ewropa: San Benedittu, li fl-1964, il-qaddis Papa Pawlu VI kien ħatru patrun tal-Ewropa u ddeskrivih bħala “messaġġier tal-paċi, awtur tal-għaqda, imgħallem taċ-ċiviltà” (1). L-għajnuna lill-foqra, lill-morda, lill-anzjani; l-edukazzjoni tat-tfal u l-universitajiet; l-isptarijiet u l-mediċina; l-arkitettura u l-inġinerija; l-iżvilupp tax-xjenzi; id-dritt u l-organizzazzjoni tal-bliet u tal-Istati nfushom: bosta aspetti fl-Ewropa kienu influwenzati profondament minn San Benedittu u l-monaċi tiegħu! Iċ-ċiviltà Ewropea kif nafuha llum ma setgħetx teżisti mingħajr din it-tradizzjoni monastika. Hawnhekk, f’Metz, bl-opra, fost l-oħrajn, ta’ San Crodegango, kien hawn arja ta’ spirtu Benedittin ta’ fraternità, komunjoni u kondiviżjoni. Kien minn hawn li nfirex il-kant Gregorjan lejn it-territorji Karolinġi biex wassal l-armonija u s-sbuħija fil-kontinent kollu.

Għalhekk ma nistgħux nitkellmu dwar l-Ewropa bla ma nsemmu l-Kristjaneżmu. Robert Schuman kien konxju ħafna ta’ dan meta afferma: “Il-Kristjaneżmu għallem l-ugwaljanza tan-natura tal-bnedmin kollha, ulied tal-istess Alla, mifdijin mill-istess Kristu, bla distinzjoni ta’ razza, lewn, klassi jew professjoni. Il-Kristjaneżmu għaraf id-dinjità tax-xogħol u l-obbligu ta’ kulħadd li jimpenja ruħu f’ħidmitu. Għaraf il-primat tal-valuri interjuri, li waħedhom jagħtu dinjità lill-bniedem. Il-liġi universali tal-imħabba u l-karità għamlet lil kull persuna proxxmu tagħna, u fuq din il-liġi, minn dak iż-żmien ’l hawn, inbnew ir-relazzjonijiet soċjali fid-dinja nisranija” (2).

Missier ieħor fundatur tal-Ewropa kontemporanja, Alcide De Gasperi, hu l-eku ta’ Robert Schuman u jenfasizza “il-wirt komuni Ewropew” (3), jiġifieri “dik il-morali unitarja li tgħolli l-figura u r-responsabbiltà tal-persuna umana bil-ferment tal-fraternità evanġelika, bil-kult tad-dritt li wiret mill-antiki, bil-kult tiegħu tas-sbuħija li baqgħet tirfina tul is-sekli, bix-xewqa tal-verità u l-ġustizzja li l-esperjenza millenarja rrendietu dejjem aktar sensittiv” (4).

Aktar milli kriterju konfessjonali esklussiv (5), ir-riferiment għad-dejn li l-kultura Ewropea għandha lejn il-Kristjaneżmu jippermettilna nifhmu aħjar kif il-ftuħ lejn it-traxxendent huwa dejjem dimensjoni kostituttiva tal-persuna umana u sors ħaj ta’ ċivilizzazzjoni.

Rigward dan, l-artiklu 17 tat-Trattat dwar kif taħdem l-Unjoni Ewropea hu ta’ importanza kbira. Jinkoraġġixxi “djalogu miftuħ, trasparenti u regolari” mal-Knejjes, dejjem bir-rispett, bla ma jippreġudika “l-istatus tagħhom” fl-Istati Membri. Il-lajċità li tirregola l-ħajja tal-Istati ma timplikax biss il-karattru non-konfessjonali tal-istituzzjonijiet ċivili, imma tippreżumi wkoll kollaborazzjoni awtentika bejn il-partijiet, kif ukoll ir-rispett, min-naħa tal-awtoritajiet statali u komunitarji, lejn l-awtonomija tal-Knejjes u l-promozzjoni tal-libertà tagħhom kemm dwar kif jorganizzaw ruħhom kif ukoll fl-istqarrija tal-kult.

Ifisser li nirrikorru għall-għejun tal-valuri fundamentali tal-konvivenza ċivili, jiġifieri, “il-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-persuna, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza u tal-istat tad-dritt” (Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Preambolu).

Fil-kuntest multikulturali tal-lum, l-affermazzjoni tal-universalità ta’ dawn il-valuri, essenzjali għas-sopravivenza nfisha, tgħaddi wkoll mill-iskoperta mill-ġdid tal-għeruq tagħha u d-dispożizzjoni għad-djalogu mal-ieħor.

Hi ħtieġa soċjali u politika li niskopru mill-ġdid l-irwol ċentrali tal-persuna umana u nagħtu konsistenza effettiva għal kliem bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, il-paċi u l-għaqda. Għal dan il-għan hi prezzjuża l-istedina tal-Papa Franġisku biex tkun apprezzata l-kumplessità tar-realtà Ewropea fir-rikkezza kollha tagħha u t-tradizzjonijiet tagħha, b’enfasi fuq “l-isfida ta’ armonija kostruttiva, ħielsa minn kull eġemonija” (6).

Dan il-moviment doppju ta’ skoperta mill-ġdid u djalogu jippermetti wkoll li jinstab mill-ġdid ekwilibriju ġust bejn id-drittijiet infushom, kif ukoll bejn id-drittijiet u d-dmirijiet għax, kif kien dejjem jgħid il-Papa Franġisku: “Mal-kunċett tad-dritt jidher li m’għadniex norbtu iżjed dak daqstant ieħor essenzjali u kumplimentari tad-dmir, u hekk spiċċajna naffermaw id-drittijiet tal-individwu mingħajr ma nżommu f’moħħna li kull bniedem hu marbut ma’ kuntest soċjali, fejn id-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu huma marbuta ma’ dawk tal-oħrajn u mal-ġid komuni tas-soċjetà stess” (7).

L-Ewropa tal-lum, infatti, tinsab f’sitwazzjoni ġdida fl-istorja twila tagħha ta’ laqgħat, bil-miġja fil-kontinent ta’ tant irġiel u nisa maħrubin mit-teatri tal-gwerra u l-persekuzzjoni, inkella biex ifittxu ħajja aħjar bogħod mill-faqar u l-miżerja.

Kif għidt fiż-żjara li għamilt m’ilux fil-Gżejjer Kanarji, fi Spanja: “Id-dinjità umana tesiġi toroq legali u żguri, għajnuna u assistenza, kooperazzjoni reali kontra t-traffikanti, protezzjoni effettiva tal-vittmi, proċessi serji ta’ akkoljenza u integrazzjoni, flimkien ma’ politika li lil kull persuna ttih il-possibbiltà li tgħix bid-dinjità f’art twelidha” (Laqgħa mar-realtà tal-akkoljenza tal-migranti).

Però, dan kollu aktarx li mhux biżżejjed: l-akkoljenza ta’ persuna tfisser integrazzjoni daqslikieku waħda tal-familja, toffrilha possibbiltà li tiżviluppa t-talenti tagħha, il-ħiliet u s-sensibbiltajiet tagħha, imma wkoll li tidħol fl-ispirtu tad-dar li tkun tilqagħha. Hemm bżonn nifhmu t-tifsir storiku ta’ dak li qed iseħħ, jiġifieri, laqgħa bla preċedent bejn popli u kulturi li titlob skoperta mill-ġdid u kreattiva tal-istess għeruq tagħna, filwaqt li fl-istess ħin jeħtieġ li lill-ieħor nisimgħuh b’attenzjoni. L-universalità tal-valuri fundamentali tal-Ewropa tiżgurana li dan id-djalogu huwa possibbli u jista’ jipprovdi bażi soda għas-soċjetajiet tagħna, u b’hekk jippermettilna naħdmu b’mod aktar effettiv favur il-paċi u dinja rikonċiljata.

Hu propju dan il-ħsieb ċar li ispira bnedmin bħal Robert Schuman biex jegħlbu l-oppożizzjoni bejn l-identitajiet kulturali u jagħtu ħajja lill-istituzzjonijiet Ewropej, fi tmiem it-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija, li kixfet il-qies estrem tal-ħażen meta bniedem jaħseb li ebda ostaklu ma jista’ jxekkillu setgħetu.

Robert Schuman, li għex josserva l-fruntieri jinbidlu kontinwament, ta sehemu biex jitqiegħdu l-pedamenti għal Ewropa konxja tal-ħtieġa urġenti li jitwaqqgħu l-ħitan li kienu qed jifirduha. Il-formazzjoni nisranija tiegħu nisslet fih il-valur tal-ugwaljanza bla distinzjoni ta’ razza jew klassi soċjali u għallmitu x’inhi d-dinjità tax-xogħol. Is-suċċessjoni tad-diversi sovranitajiet nazzjonali nisslet fih l-apprezzament tal-importanza tad-dritt internazzjonali u tal-valur tal-kelma mogħtija. Għax trabba f’ambjent fejn il-kburija u l-ispirtu ta’ vendetta kienu jidhru predominanti, Schuman iddedika ruħu għall-paċi u l-fratellanza fost popli li, wara perjodi twal ta’ kunflitt, fl-aħħar irrealizzaw li kellhom bżonn xulxin.

Allura x’inhu t-tagħlim li Robert Schuman ħalla lill-Ewropa u lid-dinja tal-lum? Qabel kollox, xenqa kbira għall-paċi. Sfortunatament, illum reġgħet feġġet il-gwerra fl-Ewropa wkoll: “straġi ġdida u inutli” (8), li ta’ kuljum qed tħalli warajha għadd kbir ta’ vittmi ċivili. U llum ukoll, l-istess kif kien fl-1950, il-kliem li hemm fid-Dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman għadu attwali: “Il-kontribut li Ewropa organizzata u ħajja tista’ tagħti liċ-ċiviltà hu indispensabbli biex jitmantnew relazzjonijiet paċifiċi” (9). Hemm bżonn impenn fi djalogu paċenzjuż, kuraġġ fin-negozjati u r-rieda li jkunu sagrifikati ċerti pożizzjonijiet għall-ġid akbar: il-paċi.

Ċertament it-tfittxija għall-paċi fl-Ewropa, kif ukoll fil-bqija tad-dinja, ma nistgħux inqisuha xi forma inġenwa ta’ ireniżmu. Għall-kuntrarju, kliem Schuman għadu attwali ħafna: “Il-paċi fid-dinja ma tistax titħares jekk ma jkunx hemm sforzi kreattivi proporzjonati għall-perikli li jhedduha” (10). Madankollu hemm bżonn nifhmu li l-armamenti ġodda huma illużjoni. “Mhix kumbinazzjoni li l-appelli ripetuti biex jiżdiedu l-ispejjeż militari li titlob sitwazzjoni bħal din, ħafna gvernijiet jippreżentawhom bħala ġustifikazzjoni minħabba theddid ġej minn ħaddieħor” (Messaġġ għad-LIX Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar, 2026). Il-promozzjoni tal-paċi hi impenn attiv. Illum jeħtieġ insaqsu lilna nfusna jekk aħniex verament qed nagħmlu “sforzi kreattivi” biex nippromwovu l-paċi fid-dinja, inkella aħniex sempliċiment nippruvaw “nikkontrollaw l-emoraġija tal-gwerra” u nippreparaw ruħna aħjar għal dak li nissoponu li għad irid jiġri.

Skont Schuman, l-Ewropa hi kontinent li jippreferixxi li jiddjaloga pjuttost milli jirrikorri għall-kunflitt bl-armi; post fejn jitlaqqgħu r-riżorsi komuni biex b’kull mod “kull gwerra (…) mhux biss tkun inkonċepibbli, iżda materjalment impossibbli” (11).

Skont Schuman, l-Ewropa hi mwaqqfa fuq ir-rispett lejn id-dritt internazzjonali li, b’differenza mid-drittijiet nazzjonali, ebda Stat ma jista’ jimponi ruħu fuq ieħor bil-forza, iżda jimxi fuq il-prinċipju rikonoxxut universalment li acta sunt servanda (il-ftehim hu obbligu). Dan il-prinċipju huwa mħares b’reqqa kbira mil-leġiżlazzjoni speċifika ta’ dan ir-reġjun, li tirregola wkoll ir-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-Knisja Kattolika abbażi tal-Konkordat tal-1801 bejn is-Santa Sede u Franza, ftehim li għadu fis-seħħ.

Id-dritt internazzjonali u l-multilateraliżmu jenfasizzaw l-ugwaljanza ġenwina tal-Istati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom, u huma l-aħjar antidotu għax-xewqa ta’ dominanza, li tinsab fl-għerq ta’ kull kunflitt. Illum, ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-Istati qed isiru dejjem inqas ċivilizzati. Il-valur tal-kelma mogħtija spiċċa taħt is-saqajn; pjuttost hemm min jiftaħar bil-gidba u bl-ingann. L-Ewropa tista’ tgħin biex tkisser dan iċ-ċirku permezz tar-rispett lejn l-oħrajn, rispett li tgħallmet trawwem u tippreserva. Matul dawn l-aħħar tmenin sena, l-Ewropa wriet biċ-ċar li huwa possibbli li wieħed jesprimi opinjonijiet, talbiet u interessi differenti permezz tad-djalogu u l-laqgħa, minflok permezz tal-kunflitt. Schuman ifakkarna li dejjem għandna nkunu realistiċi u kuraġġużi: “L-Ewropa – kien jafferma – ma tinbeniex f’daqqa, u lanqas b’xi pjan ġeneriku: tissawwar permezz ta’ kisbiet konkreti li qabel kollox joħolqu solidarjetà fattiva” (12). Qatt m’għandna nitilfu l-fiduċja fil-ħila tagħna li nimxu ’l quddiem, minkejja li l-passi li diġà saru kultant kienu żgħar u kważi imperċettibbli. Il-pretensjoni tal-lum li “rridu kollox u minnufih” xejn ma taqbel mal-istorja u l-kultura tal-Ewropa, li għall-kuntrarju, tgħallem il-valur taż-żmien u tal-paċenzja. Bil-passi żgħar biss nistgħu nagħtu ħajja lil din is-solidarjetà konkreta, li timplika li ħadd ma jħossu abbandunat jew minsi.

Jien u naqsam magħkom dawn ir-riflessjonijiet, niftakar qabel kollox fiż-żgħażagħ, li għandhom is-sejħa li jibnu l-Ewropa tal-lum u ta’ għada. Kif diġà osserva Schuman: “Jalla din l-idea ta’ Ewropa rikonċiljata, magħquda u qawwija, minn issa ssir il-motto tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, imxenqin biex iservu umanità li fl-aħħar tkun meħlusa mill-mibegħda u l-biża’, li titgħallem mill-ġdid, wara tant żmien ta’ firdiet, il-fratellanza kristjana” (13).

Liż-żgħażagħ ngħidilhom: jalla jkollkom il-kuraġġ li tgħixu b’mod responsabbli l-missjoni li tibnu l-paċi, fi qlubkom, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietkom, fil-familja tagħkom, fl-iskejjel u fl-universitajiet, fil-ħajja ta’ blietkom, tal-pajjiżi tagħkom u tal-Ewropa kollha.

Iċċedux għal-loġika tal-vjolenza u l-oppressjoni.

Ħobbu l-ħajja f’kull waqt u tibżgħux mill-ġejjieni.

Tibżgħux tiffurmaw familja, tiġġeneraw ulied, tiddefendu d-dinjità ta’ kull persuna, mill-ewwel waqt fil-ġuf tal-omm sal-aħħar nifs.

Tibżgħux taħdmu bla heda biex tkunu ta’ servizz għall-ġid tal-komunitajiet tagħkom, anki permezz tal-politika.

Kunu bennejja tal-komunitajiet!

U bikom, l-Ewropa msejsa fuq il-wirt tagħha, tkompli twarrad u tispira lid-dinja kollha.

Jalla jweżinkom Alla f’dawn id-deċiżjonijiet, ibierek u jipproteġi l-Ewropa kollha!


(1) S. Paolo VI, Lett. ap. Pacis nuntius (24 ottobre 1964): AAS 56 (1964), 965.

(2) R. Schuman, Pour l’Europe, Ginevra 2010⁵, 57-58.

(3) Cfr A. De Gasperi, La nostra patria Europa. Discorso alla Conferenza Parlamentare Europea, 21 aprile 1954, in: Alcide De Gasperi e la politica internazionale, Roma 1990, vol. III, 437-440.

(4) Ibid.

(5) Cfr ibid.

(6) Francesco, Discorso al Consiglio d’Europa (25 novembre 2014).

(7) Francesco, Discorso al Parlamento europeo (25 novembre 2014).

(8) Benedetto XV, Lettera ai capi dei popoli belligeranti (1 agosto 1917): AAS 9 (1917), 423.

(9) Dichiarazione Schuman, Parigi, 9 maggio 1950.

(10) Ibid.

(11) Ibid.

(12) Ibid.

(13) R. Schuman, Pour l’Europe, 46.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?