Il-Familja – Komunità

Print Friendly, PDF & Email

29. Katekeżi dwar il-Familja mill-Papa Franġisku. 9 ta’ Settembru 2015

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq li nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq ir-rabta bejn il-familja u l-komunità Nisranija. Hi rabta, biex ngħidu hekk, “naturali”, għax il-Knisja hi familja spiritwali u l-familja hi Knisja żgħira (ara Lumen gentium, 9).

Il-Komunità Nisranija hi d-dar ta’ dawk li jemmnu f’Ġesù bħala l-għajn tal-fraternità bejn il-bnedmin kollha. Il-Knisja timxi qalb il-popli, fl-istorja ta’ l-irġiel u tan-nisa, tal-missirijiet u ta’ l-ommijiet, ta’ l-ulied: din hi l-istorja li tiswa f’għajnejn il-Mulej. Il-ġrajjiet kbar tal-qawwiet dinjija jitniżżlu fil-kotba ta’ l-istorja, u hemm jibqgħu. Imma l-istorja tar-relazzjonijiet tal-bnedmin tinkiteb direttament fil-qalb ta’ Alla; u hi l-istorja li tibqa’ għal dejjem. Dan hu l-post tal-ħajja u tal-fidi. Il-familja hi l-post ta’ l-inizjazzjoni tagħna – xejn ma jista’ jeħdilha postha, tibqa’ għal dejjem – f’din l-istorja. F’din l-istorja ta’ ħajja sħiħa, li għad tintemm fil-kontemplazzjoni ta’ Alla għall-eternità kollha fil-Ġenna, imma li tibda fil-familja! U għalhekk hi hekk importanti l-familja.

L-Iben ta’ Alla tgħallem l-istorja umana f’din it-triq, u mxieha sa l-aħħar (ara Lhud 2:18; 5:8). Hi ħaġa sabiħa nikkontemplaw lil Ġesù u s-sinjali ta’ din ir-rabta! Hu twieled f’familja u hemm “tgħallem id-dinja”: ħanut tax-xogħol, erbat idjar, nitfa ta’ raħal. Imma, fit-tletin sena li għex din l-esperjenza, Ġesù għamel tiegħu l-qagħda umana, u laqagħha fil-komunjoni tiegħu mal-Missier u fl-istess missjoni appostolika tiegħu. Imbagħad, meta ħalla Nazareth u beda l-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù sawwar madwaru komunità, “ġemgħa”, jiġifieri grupp ta’ persuni. Din hi t-tifsira tal-kelma “knisja”.

Fil-Vanġeli, il-ġemgħa ta’ Ġesù għandha l-bixra ta’ familja u ta’ familja li tilqa’, mhux ta’ setta esklussiva, magħluqa: insibu lil Pietru u Ġwanni, imma wkoll lill-imġewwaħ u l-għatxan, il-barrani u l-imġarrab, il-midinba u l-pubblikan, il-Fariżej u l-folol. U Ġesù ma jieqaf qatt jilqa’ u jitkellem ma’ kulħadd, anki ma’ min m’għadux jistenna iżjed li ħa jiltaqa’ ma’ Ġesù f’ħajtu. Hi lezzjoni b’saħħitha għall-Knisja! Id-dixxipli stess huma magħżula biex jieħdu ħsieb ta’ din il-ġemgħa, ta’ din il-familja tal-mistednin ta’ Alla.

Biex il-lum tibqa’ ħajja din ir-realtà tal-ġemgħa ta’ Ġesù, bil-fors hemm bżonn inġeddu l-patt bejn il-familja u l-komunità Nisranija. Nistgħu ngħidu li l-familja u l-parroċċa huma żewġ imkejjen li fihom isseħħ dik il-komunjoni ta’ mħabba li ssib l-għajn aħħarija tagħha f’Alla nnifsu. Knisja tabilħaqq skond il-Vanġelu ma jistax ma jkollhiex bixra ta’ dar li tilqa’, bil-bibien miftuħa, dejjem. Il-knejjes, il-parroċċi, l-istituzzjonijiet li għandhom il-bibien tagħhom magħluqa m’għandhomx jissejħu knejjes, għandhom jissejħu mużewijiet!

U l-lum, dan hu l-patt kruċjali. “Kontra ċ-‘ċentri ta’ poter’ ideoloġiċi, finanzjarji u politiċi, minflok, inqiegħdu t-tamiet tagħna f’dawn iċ-ċentri ta’ l-imħabba evanġelizzaturi, għonja fl-imħabba umana, imsejsa fuq is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni” (Kunsill Pontifiċju għall-Familja, Gli insegnamenti di J.M. Bergoglio – Papa Francesco sulla famiglia e sulla vita 1999-2014, LEV 2014, 189), u anki fil-maħfra ta’ bejnietna.

It-tisħiħ tar-rabta bejn familja u komunità Nisranija l-lum hu indispensabbli u urġenti. Tassew, hemm bżonn ta’ fidi ġeneruża biex insibu mill-ġdid l-intelliġenza u l-kuraġġ biex inġeddu dan il-patt. Il-familji xi kultant iħarsu lura, għax jaħsbu li m’humiex kapaċi: “Dun, aħna familja fqira u anki xi ftit imħarbta”, “M’aħniex kapaċi”, “Diġà għandna ħafna problemi d-dar”, “M’għandiex saħħa”. Dan hu veru. Imma ħadd ma jistħoqqlu, ħadd m’hu kapaċi biżżejjed, ħadd m’għandu s-saħħa! Mingħajr il-grazzja ta’ Alla, ma nistgħu nagħmlu xejn. Kollox hu mogħti lilna, mogħti b’xejn! U l-Mulej qatt ma jasal f’familja ġdida bla ma jagħmel xi miraklu. Niftakru x’għamel fit-tieġ ta’ Kana! Iva, il-Mulej, jekk nintelqu f’idejh, jagħtina li nagħmlu l-mirakli – imma dawk il-mirakli tal-ħajja ta’ kuljum! – meta hemm il-Mulej preżenti, hemm, f’dik il-familja.

Naturalment, anki l-komunità Nisranija trid tagħmel il-parti tagħha. Ngħidu aħna, tipprova tissupera atteġġjamenti wisq maniġerjali jew wisq funzjonali, tiffavorixxi d-djalogu interpersonali u l-għarfien u l-istima reċiproka. Il-familji jieħdu inizjattivi u jħossu r-responsabbiltà li jaqsmu d-doni prezzjużi tagħhom mal-komunità. Ilkoll jeħtieġ nagħrfu li l-fidi Nisranija tingħax fl-għalqa miftuħa tal-ħajja maqsuma ma’ kulħadd; il-familja u l-parroċċa jridu jwettqu l-miraklu ta’ ħajja iżjed komunitarja għas-soċjetà kollha.

F’Kana, kien hemm l-Omm ta’ Ġesù, l-“omm tal-parir it-tajjeb”. Ejjew nisimgħu kliemha: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (ara Ġw 2:5). Għeżież familji, għeżież komunitajiet parrokkjali, inħallu lil din l-Omm tnebbaħna, nagħmlu dak kollu li jgħidilna Ġesù, u nsibu ruħna mill-ġdid quddiem il-miraklu, il-miraklu ta’ kuljum! Grazzi.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading