Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti

Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti


Il‑Ħamis 2 ta’ Frar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fetaħ il‑proċess tal‑kawża għall‑Qdusija ta’ Patri Avertan Fenech, fil‑Knisja tal‑Madonna tal‑Karmnu, l‑Imdina. Wara, fl‑istess Knisja huwa bierek ix‑xemgħat u ta’ bidu għall‑purċissjoni lejn il‑Katidral biex ikompli l‑Quddiesa Pontifikali li saret fil‑festa tal‑Preżentazzjoni tal‑Mulej fit‑Tempju, filwaqt li ċċelebra Jum il‑Ħajja Kkonsagrata.

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina.

“Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom” (Lq 2, 21). L-Evanġelju tal-lum jibda b’din l-espressjoni li għall-familja Lhudija kienet tfisser li mit-twelid tat-tarbija kienu għaddew erbgħin jum skont il-liġi ta’ Mosè. Il-familja ta’ Ġesù, Ġużeppi u Marija hija sottomessa għal-liġi bħal kull familja Lhudija oħra, sottomessa għal-liġi ta’ Mose. Ġesù ta’ erbgħin jum jittieħed Ġerusalemm u jidħol għall-ewwel darba fit-Tempju. Daħal diversi drabi oħra matul ħajtu fuq din l-art. Daħal biex ikeċċi l-bejjiegħa tat-tempju, daħal biex jgħid li huwa d-dawl tad-dinja. Illum ma jgħidhiex hu din il-kelma, imma jgħidha Xmun, dan “ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel li l-Ispirtu s-Santu kien fuqu” (v. 25).

Aħna u nibdew il-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri Avertan Fenech, inħarsu lejħ bħala eżempju sabiħ ta’ kif il-persuna kkonsagrata tista’ tkun, fil-każ tiegħu, “raġel ġust u tajjeb li jistenna l-faraġ ta Israel u li l-Ispirtu kien fuqu”. Anke lil Patri Avertan, bħalma ngħata lil Xmun, ingħata d-don sabiħ li huwa u jistenna l-faraġ tal-Mulej, ikun mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu tal-Mulej u jagħraf il-preżenza tal-Mulej.

Jiena nixtieq insellmilkom, għeżież reliġjużi rġiel, għeżież reliġjużi nisa, membri tal-Istituti sekulari u tal-Ordo Virginum f’dan il-jum li l-Knisja tixtieq ikun ukoll iddedikat għalikom u l-awgurju, it-talba li nagħmlilkom huwa li fuq l-eżempju ta’ tant qaddisin ikkonsagrati lill-Mulej, intom tistennew b’ħerqa “l-faraġ ta’ Israel”, intom tkunu doċli għal dak li jnebbah fikom, fil-qalb tagħkom, fil-kuxjenza tagħkom l-Ispirtu qaddis tal-Mulej.

Illum aħna nilqgħu lil Ġesù bħalma laqgħu f’dirgħajh Xmun bħala s-salvazzjoni li ħejja l-Mulej għall-popli kollha: “id-dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu ta’ Israel” (v. 32). Salvazzjoni, dawl, glorja. Jekk aħna rridu nikkolegaw dan il-mument ta’ dawl, ta’ glorja, ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Ġesù, inħarsu lejn it-Trasfigurazzjoni fejn is-Salvatur ukoll jidher ukoll bħala dawl: “wiċċu sar jiddi bħax- xemx” (Mt 17, 2) u jiddi fil-glorja tiegħu. Mhux ta’ b’xejn insejħulu wkoll fis-sbuħija tat-Tabor, bħala ‘is-Salvatur’.

Hemm ukoll kelma oħra fuq Ġesù li l-persuna kkonsagrata ma tistax taħrab minnha. Xmun iħares lejn omm it-tarbija, berikhom u qal lil Marija: “ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh” ( Lq 2, 34) signum contradictionis. Il-persuna kkonsagrata, in-Nisrani mpenjat ikolli ngħid ukoll, ma tistax tevita din il-liġi, din il-providenza li tkun sinjal li jmeruh. L-ewwel nett għaliex il-ħajja tan-Nisrani imma b’mod speċjali l-ħajja tal-persuna kkonsagrata hija kontra l-kurrent u allura hemm din it-tensjoni kontinwa bejn l-ideali li huma espressi fl-ubbidjenza, fil-faqar, fil-kastità, u l-kontro-valuri ta’ dinja li tfittex l-awtonomija, li tfittex il-flus u l-pjaċir. It-talba tagħna hija li l-Mulej li jżurna meta jżurna, isibna bħal Xmun, persuni ġusti, twajba, mimlija tama għax kontinwament qegħdin fit-tensjoni li nistennew il-“faraġ ta’ Israel” mhux il-faraġ tad-dinja imma l-faraġ li jagħtina l-Mulej stess.

“Nagħtikom il-paċi tiegħi, mhux bħalma tagħtihulkom id-dinja, il-paċi tiegħi” (Ġw 14, 27). Meta aħna nitkellmu fuq il-paċi li jkun hemm fil-qalb, mhux qed nitkellmu fuq xi ħaġa li nħoss, għalkemm il-paċi b’mod speċjali fl-esperjenza tat-talb, hija wkoll sensibbli, imma hija xi ħaġa iżjed profonda, hija don tal-Mulej. Il-kriterju tal-paċi huwa l-kriterju ta’ min ir-rieda tiegħu hija marbuta mar-rieda ta’ Ġesù li fit-tribunal tal-kuxjenza tiegħu li huwa t-tribunal tal-verita, iħossu – mhux bil-ħass tas-sentimenti – imma bil-persważjoni li jagħti l-Ispirtu s-Santu, verament f’paċi ma’ Alla. Nistaqsu lilna nfusna: aħna qegħdin f’paċi ma’ Alla? San Ġorġ Preca kien iħobb isemmi u jgħid: “Alla tagħna hu Alla tal-paċi” u t-tislima tiegħu bħala rxoxt, bħala rebbiegħ fuq il-mewt, hija “il-paċi magħkom”.

Għalhekk jiena nitlob anke bl-intereċessjoni tal-qaddej ta’ Alla Patri Avertan, bl-interċessjoni ta’ tant erwieħ ikkonsagrati li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi, biex aħna nkunu preżenza ta’ paċi vera fil-komunitajiet tagħna, bejnietna, u fis-soċjetà. Il-paċi ta’ min jistenna bil-ġustizzja u bit-tjieba, il-faraġ li jagħti l-Mulej, il-paċi ta’ min it-tama tiegħu fil-Mulej, il-paċi ta’ min iħobb b’imħabba tant kbira li jaf iħaddan saħansitra min għamel il-ħsara jew min iweġġgħu.

Niftakru llum ukoll mhux biss fi Xmun, imma ukoll fil-mara anzjana, qaddisa: f’Anna bint Fanwel li “kienet imdaħħla fiż-żmien” – bħal ħafna membri tal-ħajja kkonsagrata llum, mhux bilfors kienu miżżewġin bħalha, imma din “għamlet seba’ snin miżżewġa, imbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena” – u qed nara xi wħud li jfakkruni f’din l-età – “ma kienetx titwarrab mit-tempju, lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u t-talb” (Lq 2, 37). Kemm hu ritratt sabiħ ta’ Anna, bint Fanwel, li kienet għaddiet minn diversi mħabbiet, kellha wkoll it-togħma tal-imħabba miżżewġa, imma mbagħad minħabba li sfat armla żgħażugħa, sabet ukoll l-imħabba fit-tempju, “lejl u nhar kienet taqdi fis-sawm u fit-talb”.

Kemm hi ħaġa sabiħa li din il-preżenza tkun ukoll preżenza fekonda fil-Knisja, il-preżenza ta’ nisa ferħana bl-għotja tagħhom li lejl u nhar jaqdu lill-Mulej “fis-sawm u t-talb”. Hi ukoll bdiet tfaħħar l’Alla u “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (v.38). Anna hija dik li tintgħażel biex tibda titkellem dwar it-tarbija. Xmun jagħraf it-tarbija, li hija l-Messija, is-salvazzjoni, id-dawl u l-glorja, jagħti l-profezija lil ommu u lil żewġha Ġużeppi, imma hija Anna magħżula biex “titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”. Tgħiduli: “mhux bilfors la mara?” Mħux bilfors, imma l-mara, fost dawn iż-żewġ profeti, hija magħżula biex tkun l-evanġelista li twassal l-aħbar it-tajba ma’ kull min kien qiegħed jistenna.

Il-poplu tagħna huwa għatxan għal din l-Aħbar it-Tajba. Għandu bżonn nisa li filwaqt li jgħaddu ħajjithom fit-tempju “lejl u nhar fis-sawm u fit-talb” isibu wkoll il-ħin, il-ferħ li jitkellmu fuq Ġesù ma’ min forsi qiegħed jistennih, jixxennaq għalih mingħajr ma jaf. Kemm nies għandhom kull ma jridu u qishom m’għandhom xejn. Kemm nies li jagħmlu l-esperjenzi tal-kontro-valuri tal-awtonomija, tar-rikezza u tal-pjaċiri tad-dinja, iħossu vojt kbir fil-qalb tagħhom. Forsi warrbu lil Ġesù għax jiddejqu jersqu lejh, forsi għax ħassew u jħossu li aħna se nikkundannawhom, li m’hemmx post għalihom fit-Tempju u hemm bżonn isibu min, li t-tempju jafu sew, li “fis-sawm u fit-talb” waslu f’intimità ma’ Alla li hu imħabba u jisimgħuh jitkellem fuq it-tarbija ta’ Betlehem.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Patri Avertan u ta’ tant erwieħ oħra kkonsagrati għall-vokazzjonijiet. Ikun futur fqir għal Malta jekk ikollha tiftaqar mill-preżenza tar-reliġjużi, tal-Istituti Sekulari u tal-Verġni kkonsagrati. Din il-kelma ta’ tjubija, din il-kelma profetika, intom tafu li għandna bżonnha, intom tafu wkoll li hemm urġenza li din ngħadduha minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Nitolbu lil Sid il-ħsad biex mhux biss jibgħat ħaddiema, imma wkoll profeti fl-għalqa tiegħu. Nitolbu llum lill-Madonna fil-misteru tal-ferħ tal-preżentazzjoni ta’ Binha fit-tempjum hi li ma kellhiex l-opportunita li toffri l-offerta tas-sinjuri. M’offrietx ħaruf, imma offriet, għax dak l-unika offerta li jsemmi San Luqa, żewġt bċieċen. Infatti hemm ikonografija ħelwa ta’ San Ġużepp bil-gaġġa biż-żewġ bċieċen jew gamiem. Imma fl-istess ħin kienet għanja ħafna għax lit-tempju tagħti żewġ għasafar u f’idejha kienet qed tħaddan l-Ħaruf ta’ Alla. Ma kellhiex bżonn iġġib ħaruf magħha dik li kellha fi ħdanha lill-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. U dik li fl-għajnejn tad-dinja, il-mara tal-mastrudaxxa kienet fqira, kienet għanja imma għaliex kellha fi ħdanha l-ħaruf ta’ Alla, kienet ukoll imnebbħa permezz ta’ Xmun bit-tbatija li kellha tgħaddi minnha. Dan ukoll huwa allura mument ta’ dulur. Intom tafu, li fid-devozzjoni popolari dan l-episodju għandu żewġt uċuħ: misteru tal-ferħ u wieħed mid-duluri ta’ Marija Santissima, meta Xmun jgħidilha: “u inti, sejf jinfidlek ruħek” (v. 35).

Ejjew ningħaqdu magħha fil-ferħ tagħha u fid-dulur tagħha u nafdaw lill-Knisja f’Malta f’idejn ta’ San Ġużepp li ma jitkellimx, imma sema’ kollox u kellu ħarsa qalila lejn Xmun x’ħin beda jisma’ bis-sejf, imma mbagħad irrealizza li hu kellu wkoll jitgħallem li din it-tarbija mħabbra fil-ħolm lilu u li hu kellu jsemmih Ġesù, mhux kellu jkun salvazzjoni, dawl, u glorja imma wkoll ħaruf tas-sagrifiċċju, sinjal li jmeruh. Jalla aħna wkoll ikollna l-kuraġġ nilqgħu lil Ġesù fid-dawl tiegħu u fis-salib tiegħu biex hekk aħna wkoll bħal tant qaddisin qabilna, inkunu nies ġusti u twajba li “jistennew il-faraġ ta’ Israel u l-Ispirtu s-Santu ikun fuqna”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: