Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Li tkun ma’ Ġesù hi li tirrealizza kemm iħobbok

Li tkun ma’ Ġesù hi li tirrealizza kemm iħobbok


Is-Sibt, 20 ta’ Mejju 2017: L-Arċisqof beda l-viżta pastorali fin-Naxxar u ċċelebra Quddiesa mal-komunità.

302664-740xNone

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Bidu tal-viżta pastorali – Fil-Knisja Parrokkjali, in-Naxxar

F’dan l-Evanġelju Ġesù jkellem lill-ġenerazzjoni tagħna, lil dawk l-Insara li jħossu l-preżenza tiegħu mhux bħalma ħassewha dawk li kien jgħix magħhom qabel il-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, imma l-ġenerazzjoni li ġew wara l-qawmien mill‑imwiet tiegħu.

Imma fl-istess ħin Ġesù jkompli juża l-kategorija li aħna narawh, li aħna nagħrfuh. Tgħiduli: “imma kif jista’ jkun?”. Li tara lil Ġesù, li tagħrfu, il-Mulej stess jiġbor dan kollu, din l-esperjenza fil-kelma “imħabba”. “Jekk tħobbuni, tħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 15, 15). “Intom tagħrfuh lill-Ispirtu li se nibgħatilkom, jgħammar fikom, intom tgħammru fih, u mhux se nħallikom iltiema” (ara vv. 17-18).

Ġesù jixtieq jassigurana mill-preżenza tiegħu u, fid-dawl ta’ dan il-kliem, kliem ieħor tiegħu jagħmel iżjed sens: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm jien inkun fosthom” (Mt 18, 21). “Kull ma tagħmlu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qegħdin tagħmluh miegħi” (Mt 25, 40).

Mhux ta’ b’xejn meta lil Sawlu kkonfrontah fit-triq għal Damasku, Ġesù ma qallux: “għaliex qiegħed tippersegwita lid-dixxipli tiegħi?”, imma qallu “ Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9, 4). L-appostlu Missierna tant impressjona ruħu b’dawn il-kliem li baqa’ jirrifletti fuqhom tul ħajtu kollha. Permezz ta’ dawn il-kliem nirrealizza li Ġesù huwa r-ras tal-komunità tad-dixxipli li huma aħna. Dak li jsir lilna, hu tassew iqisu magħmul miegħu u lilu. Hu jgħix fostna.

Il-Ħadd li ġej nicċċelebraw il-mument meta d-dixxipli jħossu li bdiet fażi ġdida tal-esperjenza tagħhom ta’ Ġesù. L-anġli jgħidulhom: “Nies tal-Galilija, intom għalfjen qed tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù li ttieħed minn għandkom qiegħed fil-lemin tal-Missier” (ara Atti 1, 11).

Illum hemm bżonn niftakru x’qed jgħidilna: “ma nħallikomx iltiema. Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (ara Ġw 14, 18). Jitlob minna, għalkemm aħna dgħajfin u hu jafna, din il-lealtà lejn il-kmandamenti tiegħu. “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jien ukoll inħobbu u nurih lili nnifsi”. Innutaw kemm‑il darba fil‑kitba ta’ San Ġwann Kapitlu 14 vers 21, jiġi rrepetut il-verb ‘li tħobb’ għax l-esperjenza li inti tkun ma’ Ġesù hija li tirrealizza kemm iħobbok u tagħmel ħiltek biex tirrispondi b’imħabba għal tant imħabba.

Mhux ta’ b’xejn l-appostlu Missierna stess jgħidilna li l-liġi u l-profeti jinġabru fil-kmandament tal-imħabba. “Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12).

Aħna u nibdew flimkien din iż-żjara pastorali u nispiraw ruħna mill-kelma ta’ Ġesù, ejjew nitolbu li dawn il-ġranet ikunu ġranet ta’ laqgħa ta’ mħabba bejnietna u fl-istes ħin li aħna l-Insara – aħna min aħna – nibqgħu niftakru li dak li jimmarkana tassew hija l-esperjenza ta’ kemm iħobbna l-Mulej u x-xewqa li għandna fil-qalb tagħna li nħobbuh dejjem.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: