Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > F’qalbhom, iż-żgħażagħ tagħna għandhom il-ħuġġieġa tal-fidi?

F’qalbhom, iż-żgħażagħ tagħna għandhom il-ħuġġieġa tal-fidi?


It-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2017: L-Arċisqof iċċelebra quddiesa fl-okkażjoni tal-425 sena mit-twaqqif ta’ Ħal Kirkop.

306026-740xnone.jpg

Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – L-425 anniversarju mit-twaqqif tal-Parroċċa, Ħal Kirkop

“Iżda jien, għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott”. Dak li qegħdin niċċelebraw illejla proprju fil-ġurnata tad-29 ta Mejju 1592, jiġifieri 425 sena ilu – ħafna minnkom, jew uħud minnkom, jiftakru wkoll l-400 anniversarju fl-1992 li tiegħu hemm irħama kommemorattiva mal-koxxa tal-ġenb tal-knisja – dak li qegħdin niċċelebraw huwa proprju l-mument meta l-Mulej għażilkom iżjed minn 400 sena ilu, biex intom tkunu xhieda tal-imħabba tiegħu.

Aħna llum irridu nirringrazzjaw lil Alla ta’ 425 sena li din il-parroċċa ddedikata lil San Leonardo fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, l-Ewkaristija li hija l-espressjoni u s-sejħa għall-imħabba. Imma rridu wkoll nitolbu maħfra lil Alla ta’ kemm-il darba ġellidna lil San Anard u San Ġużepp, ħalli inkellimkom ta’ wieħed minnkom.

Hawnhekk, f’Ħal Kirkop, inħossni wieħed minn tal-familja u waqt li kont qed nirringrazzja lis-Sagrament tafu xi ħsibt? Li mhux biss ommi u nannieti u r-razza kollha tgħammdu hawnhekk, imma ommi u missieri żżewwġu hawn ukoll. Din il-parroċċa hija parti mid-DNA tal-Isqof, bħalma l-parroċċa tkun parti mid-DNA ta’ kulħadd.

Imma din l-enerġija li jużaw il-każini qed jużawha wkoll biex iwasslu l-imħabba li dwarha jitkellem Ġesù?

Irridu nirringrazzjaw lil Alla tal-ġid kollu li sar. Qed nieħu pjaċir nara ż-żgħażagħ u wħud mit-tfal li se jagħmlu l-preċett. Hawn ukoll xi subien li se jagħmlu l-Griżma. Qed nieħu pjaċir narahom. Imma wara l-Griżma, biex narahom il-Knisja se jkollna noħorġu bin-nemes biex narawhom? Din il-mistoqsija li qed inpoġġi lill-parroċċa f’għeluq l-425 sena.

Ir-raħal juża’ ħafna enerġija biex jagħmel il-festi tiegħu: il-festa ta’ San Leonardu, it-titular u l-patrun, u l-festa sekondarja ta’ San Ġużepp. Imma din l-enerġija li jużaw il-każini – it-tnejn li huma u nsellmilhom – qed jużawha wkoll biex iwasslu l-imħabba li dwarha jitkellem Ġesù? Kif nitkellmu fuq xulxin? Kif inħarsu lejn xulxin? Ir-raħal kiber, għandu wkoll oqsma ġodda, b’nies li aħna ngħidulhom ġew minn barra, bħallikieku Malta hi qisha l-Awstralja. Veru, mhumiex il-qalba l-antika ta’ Ħal Kirkop, imma huma wkoll mistednin biex ikunu parti minn din il-parroċċa.

Jiena nixtieq nirringrazzja lil Alla għad-diversi kappillan li kellha l-parroċċa. Min jaf kemm-il darba n-nies tar-raħal ġew hawnhekk mhux biss għall-Magħmudija ta’ wliedhom, imma anke għall-maħfra tad-dnubiet. Meta ngħidu grazzi lill-Mulej għal din il-parroċċa, ma naħsbux biss f’dan it-tempju ċkejken u ħelu, imma naħsbu fil-komunità tal-Insara li hawnhekk dejjem sabet il-wens, sabet min jieħu ħsiebha, sabet is-saċerdoti tagħha, min jitmagħha, min jaħfrilha dnubietha u min jgħinna.

Il-każini, is-sema jwaqqgħuh bid-dagħa jew bit-tifħir lill-qaddisin tagħna?

Aħna nixtiequ wkoll nirringrazzjaw lil Alla talli din il-parroċċa baqgħet ħajja għal dawn is-sekli, għax 425 sena mhumiex sena jew tnejn. Aħna rridu nirringrazzjaw lill-Mulej, imma rridu wkoll nitolbuh għall-400 sena li ġejjin. Meta jiġi l-Mulej f’Ħal Kirkop se jsib il-fidi? Iż-żgħażagħ tagħna għandhom fil-qalb tagħhom il-ħuġġieġa tal-fidi? Forsi ssibhom biex jagħmlu l-armar, issibhom biex jagħmlu l-murtali, issibhom biex idoqqu l-banda, imma fil-festa ta’ San Anard u San Ġużepp jidħlu fil-knisja? Il-każini, is-sema jwaqqgħuh bid-dagħa jew bit-tifħir lill-qaddisin tagħna? U l-familji tagħna? Jiena nippreokkupa ruħi meta nara ż-żgħażagħ tagħna, ta’ tnax-il sena jiġu għall-Griżma, u daqshekk. Grexit, minflok Griżma, “way out”. Grexit. Imbagħad forsi jirritornaw għax iġġebbidhom l-għarusa għat-tieġ jew għal xi funeral.

Imma l-knisja hija d-dar ta’ Alla, dejjem u għal kulħadd. U għalhekk jiena mhux biss nixtieq nirringrazzja lill-Mulej, imma wkoll nitlob biex il-komunità Nisranija f’Ħal Kirkop tkompli, tkompli anke bil-ġenerazzjoni tal-ulied. Jiena nitlob biex iż-żgħażagħ li huma msejħin għaż-żwieġ ikunu mberkin bid-don tal-ulied u b’mod abbundanti. Tgħidli “se tħallas int?” Le, imma l-Mulej jipprovdi. Irid ikollna din il-fidi anke meta aħna nixtiequ l-ulied, li huma barka. Jiena nixtieq ukoll nitlob li l-miġja tar-relikwi antiki ta’ San Leonardu f’Awwissu li ġej, tkun ukoll mument ta’ barka u ta’ għaqda. Huwa mument importanti ħafna anke fl-istorja tar-raħal. Hi barka li jkollok relikwa importanti tal-qaddis patrun.

Bħal-lum 425 sena, twieldu diversi parroċċi oħrajn, pereżempju waħda minnhom hi Ħal Tarxien u jekk m’iniex sejjer żball anke Ħal Lija twaqqfet proprju bħal-lum. Illum hija ġurnata importanti għal ħafna parroċċi, imma jiena għandi din il-barka li nkun fil-parroċċa li minnha ħarġet l-għażiża ommi. Allura ma nistax ma nirritornax barka b’barka oħra, il-barka li din il-parroċċa, għalkemm ċkejkna bħalma kienet ċkejkna Betlem, tibqa’ dawl.

Jiena nawgura wkoll li bħalma qegħdin fil-ġenna l-qaddisin li tant inħobbu, lil San Anard u lil San Ġużepp, ma nġellduhomx għax fis-sema dawn ma jiġġildux, fis-sema qegħdin igawdu l-glorja ta’ Alla. Imma ma nitteħdux mill-bluha ta’ min jara sa mnieħru u minflok jgħid “ħa niċċelebraw u nieħdu pjaċir ilkoll fil-festi ta’ xulxin”, ninku lil xulxin. Jekk ma ngħidhiex jiena din il-kelma ma norqodx dal-lejl, imma għidthielkom u rrid nagħmlilkom kuraġġ.

Din hija xi ħaġa li tibqa’ miegħek; li inti r-raħal ma tarax in-negattività tiegħu, imma l-ferħ ta’ festa Nisranija.

Kemm ħadt pjaċir niġi, għax ommi kienet iġġibna dejjem għand in-nanna għall-festi, u jiena ta’ tifel ċkejken li kont, kont nieħu pjaċir fiż-żewġ festi nara r-raħal miġbur fil-pjazza għall-istatwa ħierġa, sew jekk hi ta’ San Anard sew jekk ta’ San Ġużepp. Din hija xi ħaġa li tibqa’ miegħek; li inti r-raħal ma tarax in-negattività tiegħu, imma l-ferħ ta’ festa Nisranija.

Issa se jkollna wkoll il-festi Ewkaristiċi, il-Corpus, ikollna l-Qalb ta’ Ġesù. Dawn huma festi li jiġbruna madwar Ġesù Ewkaristija. Jekk aħna kapaċi nagħmlu festa sabiħa għall-qaddisin kbar tal-Mulej Ġesù, għal San Anard u għal San Ġużepp, kemm hemm bżonn nieħdu sehem b’ħeġġa għall-festa tal-Ewkaristija, għall-festa ta’ Corpus, għall-festa meta wliedna jirċievu għall-ewwel darba lil Ġesù fil-qalb tagħhom? U aħna nitolbu għal dawn iċ-ċkejknin innocenti waqt li nwiegħdu lill-Mulej li bl-eżempju sabiħ tagħna, inwasslulhom il-fidi u ngħinuhom jibnu dinja li, ħafna drabi għandha proposti oħra, ngħinuhom jikbru ferħanin li huma Nsara, ferħanin li huma ta’ Ġesù, ferħanin li huma wlied il-Papa, ferħanin li kull nhar ta’ Ħadd jistgħu jiġu hawnhekk f’dan it-tempju jiċċelebraw l-għotja ta’ Ġesù għalina, dik l-imħabba li biha hu tana kollox, tana lilu nnifsu.

“Agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla, lill-Missier permezz tiegħu”. U aħna hekk nagħmlu llum, ngħidulu grazzi lill-Mulej ta’ 425 sena ta’ qima lejn il-kelma tiegħek, lejk preżenti fl-Ewkaristija, nirringrazzjawk tal-Magħmudijiet u t-tiġijiet li ġew iċċelebrati hawnhekk, nirrringrazzjawk ukoll tal-grazzja li nwasslu lill-għeżież tagħna fi ħdanek permezz tal-barka tal-Knisja huma jissejħu għal għandek, nirringrazzjawk ta’ kemm żgħażagħ irċevew l-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Griżma, u fuq kollox nirringrazzjawk tal-vokazzjonijiet, tas-saċerdoti li ħarġu minn din il-parroċċa, filwaqt li nitolbuk biex bħala l-isbaħ rigal ta’ dan l-anniversarju sabiħ, inti tberikna bil-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Ikun imbierek Alla.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: