Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Permezz tad-djakonija l-Knisja tqajjem tant nies mill-miżerja

Permezz tad-djakonija l-Knisja tqajjem tant nies mill-miżerja


L-Erbgħa, 28 ta’ Ġunju 2017: Quddiesa lejlet il-festa ta’ San Pietru u San Pawl.

315683-740xnone.jpg

Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna – Fil-Katidral tal-Imdina

Dawn iż-żewġ appostli li tagħhom qegħdin niċċelebraw l-aqwa xhieda, il-martirju, irċevew kelma f’ħajjithom dwar it-tbatija li kellhom jgħaddu minnha.

Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, Ġesù jgħid lil Pietru: “Tassew, tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid, imma meta tixjieħ, inti tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tridx”. U l-kumment tal-evanġelista jkompli: “dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien se jagħti glorja lil Alla” (Ġw 21, 18-19).

Anke San Pawl f’esperjenza komplessa ġdida tal-konverżjoni tiegħu, sa mill-bidu stess tas-sejħa tiegħu jirċievi din il-kelma ta’ profezija: “għad trid tbati ħafna minħabba ismi”. U hu stess jirrakonta kif jirrakontaw ukoll l-Atti tal-Appostli, li l-Mulej kien ifarrġu, imma fl-istess ħin jurih li kellu jbati għalih f’diversi bliet sakemm imbagħad is-sejħa tiegħu kienet li jmur Ruma biex hemmhekk jagħmel l-aqwa xhieda, ix-xhieda bit-tixrid ta’ demmu.

Din is-sena qegħdin niċċelebraw l-1950 anniversarju mill-martirju tal-appostli Pietru u Pawlu. Qegħdin niċċelebraw dan is-sagrifiċċju li l-Mulej laqa’ bħala offerta spiritwali. Qegħdin niċċelebraw it-tixrid tad-demm tagħhom li fil-Knisja għadu jagħti frott.

L-Evanġelju ta’ San Ġwann jgħid li bil-mewt tiegħu Pietru kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Aħna qegħdin nikkonfermaw din il-kelma tal-Evanġelju, qegħdin nagħtu glorja lil Alla tal-għotja u tax-xhieda ta’ dawn iż-żewġ appostli kbar. Illum irridu nġeddu l-fedeltà tagħna lejn il-messaġġ li ġabulna u li tawna, u nagħmlu talba speċjali li l-Knisja tkun imbierka bil-qawwa li kellu Pietru u bl-għana li kellu Pawlu għax il-qawwa u l-għana ta’ dawn iż-żewġ appostli mhumiex fil-privileġġi jew fil-flus ta’ din id-dinja imma fil-qawwa tal-ispirtu tal-Mulej.

Pawlu jitkellem dwar il-ħeġġa li tiġi mill-ispirtu qaddis tal-Mulej biex hu jagħmel ir-rieda ta’ Ġesù. U meta Pietru jiltaqa’ mar-raġel mifluġ ħdejn il-bieb is-sabiħ tat-tempju jgħidlu “fidda u deheb m’għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek. Fl-isem ta’ Ġesù ta’ Nazaret, imxi” (Atti 3, 6). Din il-qawwa għadha mal-Knisja u fil-Knisja. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, hija jekk għandniex il-fidi ta’ dawn l-appostli li meta jħarsu lejn il-mifluġ, ma jistriħux lejn is-sapport kollu li tagħti d-dinja, imma b’fidi u ferħ kbir nitmantnew u nkunu qawwija bil-qawwa ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret.

Pietru jaqbad lil dan il-mifluġ minn idu l-leminija u jqajmu. Jiena nixtieq nirringrazzja lill-Mulej ta’ kemm dan il-ġest iseħħ kuljum fl-opri ta’ karità tal-Knisja. Permezz tad-djakonija tagħha l-Knisja kontinwament tmidd idha l-leminija u tqajjem tant nies mill-miżerja tad-dipendenza mid-droga, mill-abbandun, min-nuqqas ta’ dinjità, u hemm bżonn li tibqa’, mhux iċċekkċek il-flus bħala risposta, imma tnewwel l-id il-leminija u terfa’ l-umanità biex tiskopri d-dinjità tagħha.

Il-bieb sabiħ tat-tempju jibqa’ għalina sinjal ta’ tama. Ħdejn il-bieb sabiħ tat-tempju, Pietru ta kulma kellu. “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi se nagħtihulek” u wera l-qawwa tal-isem imqaddes ta’ Ġesù. Nimmaġina li dawn iż-żewġ appostli fix-xjuħija tagħhom lissnu l-isem imqaddes ta’ Ġesù qabel ma mietu. It-tnejn mietu mewta kiefra: Pietru miet il-mewta tal-iskjavi, Pawlu miet il-mewta taċ-ċittadin, imma t-tnejn ċarċru demmhom għal Ġesù.

Nitolbu l-interċessjoni tagħhom biex aħna nkunu dejjem xhieda tal-qawwa tal-Mulej Ġesù. Qatt u qatt ma nserrħu rasna bil-ġid ta’ din id-dinja jew bil-privileġġi li jiġu u jmorru imma nitolbu li jurina l-Mulej Ġesù juri l-glorja tiegħu permezz tal-qawwa tal-ispirtu qaddis tiegħu.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: