Home > Arċisqof Charles J. Scicluna > Min hu Ġesù għalik?

Min hu Ġesù għalik?


Is-Sibt, 16 ta’ Settembru 2017: Monsinjur Arċisqof jiċċelebra Quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk, u matulha jamministra s‑Sagrament tal‑Griżma tal‑Isqof lill‑adolexxenti tal‑Parroċċa.

Omelija tal-Arċisqof J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk

Ħsieb qasir biex tibqgħu tiftakruh, għax intom grupp għażiż u membri ta’ din il-parroċċa, li qed tagħmlu l-Griżma f’okkażjoni speċjali. Nispera li tafu li qed niċċelebraw il-50 anniversarju minn meta din il-knisja, dan it-tempju, dan is-santwarju, ġie kkonsagrat lil Alla. Tafuha din?

Ħarsu ftit lejn il-pilastri tal-knisja fejn hawn dawn is-slaleb li għandhom ir-rand magħhom illum. Dawn għandhom xemgħa tixgħel. Dawk tbierku biż-żejt qaddis li bih se tindilku intom illum. Kull sena, l-Isqof, f’Ħamis ix-Xirka, jikkonsagra tliet tipi ta’ żjut: iż-żejt tal-katekumenu (dak li jagħti l-qawwa biex wieħed ikun jista’ jipprepara ħa jsir Nisrani), iż-żejt tal-morda (li bih aħna nidilku l-morda ħalli l-Mulej ifejjaqhom fir-ruħ u fil-ġisem), u ż-żejt tal-griżma.

Iż-żejt tal-griżma jintuża biex jiġu kkonsagrati n-nies u pereżempju l-artal u anke il-bini. Intom llum se tiġu kkonsagrati biż-żejt tal-griżma. Xi jfisser? Li llum, il-Mulej, bid-dilka qaddisa tal-Isqof u bid-dilka tal-Knisja, it-talba tal-Knisja, se jikkonsagrak u ssir kollok ta’ Ġesù.

Ħamsin sena ilu, in-nies ta’ Marsaxlokk offrew dan it-tempju lil Alla, qalulu: “Mulej, aħna għandna d-djar tagħna, għandna anke d-dgħajjes tagħna, aħna bnejnilek dar”. Mhux biex jgħammar fiha Alla biss, għax Alla kullimkien insibuh, imma din insejħulha d-dar ta’ Alla. Aħna ninġabru hawnhekk biex nitolbu lil Alla, nieħdu mingħandu l-barka tiegħu, nisimgħu l-kelma tiegħu, niltaqgħu miegħu fis-sagramenti speċjalment fil-qrar u t-tqarbin, l-Ewkaristija.

Hawnhekk inġibu t-trabi tagħna, hawnhekk tiġu tiżżewġu, jekk Alla jrid. Hawnhekk min minkom isir saċerdot iqaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu; hawnhekk inġibu l-għeżież tagħna biex nagħtuhom l-aħħar tislima. Dan il-post għażiż huwa marbut ma’ ħafna ġrajjiet fil-ħajja tagħna li huma mhux biss importanti imma essenzjali.

Waħda minnhom hija din li intom ġejtu llum, imma għax tridu, biex dak li sar meta kontu trabi, issa tgħidu: “Jien rridu dan, se nagħżlu jien”. U x’kienet l-għażla li għamlu l-ġenituri tagħkom meta ġabukom hawn, meta kontu trabi? Hija li tkunu ta’ Ġesù. U jiena meta nagħmillek id-dilka biż-żejt tal-griżma, se ngħidlek: “Ħu s-siġill tad-don tal-Ispirtu s-Santu”. Illum, id-don tal-Ispirtu s-Santu li diġà beda jingħatha lilek fil-Magħmudija, se jkun issiġġillat fuqek, u s-siġill huwa s-salib, is-sinjal tas-salib.

Tiddejjaq qatt turi li inti Nisrani, li inti ta’ Ġesù. Bħalma din id-dar hija ta’ Alla, inti ta’ Ġesù, fik jgħammar il-Mulej. Lilek Ġesù qed jistaqsik illum, bħalma għamel lil sħabu: “Inti min tgħid li jien?” Meta Ġesù jgħidlek “inti, min tgħid li jien, jien għalik min jien?” Tgħidlu, “Ma nafx ta”! Hekk se tgħidlu lil Ġesù? Ġesù min hu għalik? Inti tista’ tgħid: “Għalija Ġesù huwa ħabib, għalija Ġesù huwa leader, għalija Ġesù huwa l-iben ta’ Alla, għalija Ġesù huwa l-Iben tal-Madonna, għalija Ġesù huwa profeta kbir”. Dak kollu huwa tajjeb. Dawn ir-risposti juru dak li huwa Ġesù għalik, imma l-iżjed importanti llum, inti u tikber u ssir mara u raġel, hija li Ġesù jkun id-dawl tal-ħajja tiegħek. Il-Mulej jipproteġik mill-perikli jekk inti tafda lilu u timxi fuq il-kelma tiegħu.

Jiena nixieq nirringrazzja lill-ġenituri li ġabukom hawn, lill-parrini li se jieħdu ħsiebkom għax issa bħala parrini responsabbli tagħkom, se jagħtukom eżempju qaddis, se jitolbu għalikom, se jissapportjawkom. Nissuġġerilkom li tkomplu tfittxu anke fl-iskejjel fejn qegħdin imma anke fil-parroċċa, tagħlim Nisrani, ħbieb Insara mhux għax aħna għandna xi ngħidu mal-oħrajn. Aħna l-Insara ħbieb ma’ kulħadd. Imma inti jekk ikun hemm xi ħadd joffirlek id-droga se tgħidlu iva? Le, dak mhux ħabib. Inti min jgħidlek tagħmel id-dnub, se tgħidlu iva? Dak mhux ħabib jew ħabiba. Il-ħabib vera huwa dak li jgħinek tgħix il-konsagrazzjoni ta’ Ġesù, li inti tkun ta’ Ġesù. U hekk ikollok il-paċi, u ommok u missierek ikollhom ukoll moħħhom mistrieħ. Imma jekk tibda tagħmel li jfettilek, titlef il-paċi inti u ttellifha lil min iħobbok tassew. Meta tikber, il-kliem tiegħi tifhmu iżjed.

Il-paċi magħkom.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s

%d bloggers like this: