Arċisqof Charles J. Scicluna

Il-ġustizzja hija bbażata fuq il-verità li ma tħares lejn wiċċ ħadd – L-Arċisqof lill-Ġudikatura


L-Erbgħa, 27 ta’ Diċembru 2017: Il-messaġġ tal-Arċisqof lill-Ġudikatura fil-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida.

358857-740xNone

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta

Jien nixtieq nirringrazzjak ħafna Sur Imħallef Micallef, u nixtieqek twassal it-tislija tagħna lill-Prim Imħallef u anke l-gratitudni tagħna lejh talli f’okkażjonijiet importanti u istituzzjonali jaf ukoll ikun il-vuċi tal-poplu li, wara kollox, aħna lkoll qed nippruvaw naqdu u nservu. Jiena nixtieq ukoll nitolbok twassal il-gratitudni tal-Knisja u anke tal-poplu lill-membri kollha tal-ġudikatura, kemm lill-imħallfin u kemm lill-maġistrati.

Aħna nitolbu ħafna minnkom, bħalma l-poplu jitlob anke mill-kleru, għaliex jippretendi li aħna nsostnu l-valuri li jridu jkunu verament is-sinsla mhux biss tad-diċenza imma tad-demokrazija u anke tal-ħajja li tgħixha sew. U jiena napprezza wkoll meta l-ġudikant, fis-sapjenza tiegħu, jagħraf jimmodera l-esiġenza tal-ġustizzja mal-ħniena. Dan huwa ekwilibriju iebes imma neċessarju biex il-liġi tiġi implimentata imma intom wara kollox m’intomx qrati tad-dritt imma qrati tal-ġustizzja.

Il-ġustizzja hija bbażata fuq il-verità li ma tħares lejn wiċċ ħadd imma fl-istess ħin ukoll, meta niġu fil-kriminal per eżempju, il-ġustizzja tħares lejn il-korrezzjoni tal-iżbalji. Nifhem li ma jiddependix minnkom li l-faċilitajiet korrettivi jkunu verament korrettivi imma napprezza wkoll li għandkom strumenti neċessarji, li l-liġi tippermetti ċertu flessibbiltà fil-ġudizzju biex l-interess tal-persuna jiġi rrispettat u fl-istess ħin tiġi ssalvagwardjata wkoll l-ordni pubblika u l-ġid komuni.

Naf ukoll li membri tal-maġistratura u anke tal-ġudikatura, l-imħallfin, għandhom f’idejhom investigazzjonijiet delikati ħafna. Inwegħdukom it-talb tagħna u nitolbu għalikom biex intom ikollkom mhux biss l-għerf u d-dehen imma l-kuraġġ ukoll biex dak li hemm bżonn isir isir, bla biża’ u bla favur.

Ippermettili li fil-persuna tiegħek, għażiż Imħallef Micallef, nippreżentalek din ir-replika tal-monument ta’ Kristu Re għall-Qorti tal-Ġustizzja. Ippermettili nitolbok tippreżentaha lill-Prim Imħallef wara li joħroġ mill-indispożizzjoni, li nawgurawlu tkun qasira. Hija replika tal-iskultur Malti Chris Ebejer, tal-monument ta’ Antonio Sciortino b’tifkira tal-Kungress Ewkaristiku tal-1913, għax il-monument twaqqaf fin-1917. Fl-istess ħin huwa wkoll sinjal ta’ gratitudni konkreta u sinjal ta’ barka wkoll fuq l-operat tagħkom.

✠ Charles J. Scicluna

Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s