Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof – 30 ta’ Marzu 2020


It-Tnejn, 30 ta’ Marzu 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Ewwel Qari rajna l-Mulej isalva l-innoċenza ta’ Susanna permezz ta’ dan iż-żgħażugħ Danjel li waqaf lil dawn iż-żewġ imħallfin krudili, li għaliex Susanna ma ċeditx għall-istedina tagħhom għad-dnub, riedu jakkużawha inġustament b’adulterju.

Fl-Evanġelju Ġesù ma jiddefendix mara innoċenti; hija mara li nqabdet fid-dnub. Il-kundanna miktuba fil-Liġi hija ċara: għandha titħaġġar. Hekk jgħidulu: “Issa fil-liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Inti imma xi tgħid?” (Ġw 8:5). Ir-risposta ta’ Ġesù hija li jsalva lill-mara u juri lil kull min qiegħed jakkużaha li hu mhux aħjar minnha.

Huwa messaġġ li hemm bżonn nifhmu u nixtarru f’dan il-jum qaddis tar-Randan. Kemm-il darba ġġudikajna lil xulxin, kultant ukoll xandarna d-dnubiet ta’ xulxin mingħalina aħna aħjar minn ħaddieħor. Quddiem il-Mulej ilkoll ninsabu kif aħna tassew. Xi dritt għandna nwaddbu l-ewwel ġebla?

Lill-mara, Ġesù jgħidilha: “Jiena ma nikkundannakx. Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (ara Ġw 8:10). Minflok jikkundannha għall-mewt, jaħfrilha u jagħtiha ċ-ċans tibda mill-ġdid. Hekk jagħmel il-Mulej magħna kull darba nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar.

Xi ħadd, jiem ilu, qalli: ‘għandna t-tqarbina tax-xewqa, hemm il-qrara tax-xewqa?’ Kif tgħallem il-Knisja, aħna li nidinbu tal-inqas seba’ darbiet kuljum bid-dnubiet venjali tagħna, naqilgħu l-maħfra t’Alla bit-talb, bil-karità li nagħmlu, billi nilqgħu mingħandu dak kollu li għalina huwa skumdità u ħajja diffiċli u bħalissa dawn ma jonqsux.

Kemm-il darba ġġudikajna lil xulxin, kultant ukoll xandarna d-dnubiet ta’ xulxin mingħalina aħna aħjar minn ħaddieħor. Quddiem il-Mulej ilkoll ninsabu kif aħna tassew.

Għal min hu konxju minn xi dnub gravi, jiena nfakkru li l-ħniena ta’ Alla hija kbira u li f’dawn il-mumenti fejn il-qrar mhux possibbli għaliex mhux dejjem insibu l-possibbiltà li mmorru, importanti li wieħed jagħmel att ta’ ndiema u jagħmel il-proponiment li meta jkollu ċans, l-ewwel ċans li jkollu, iqerr.

Imma b’dan il-proponiment u b’din l-indiema l-Mulej jaħfrilna, jgħidilna: “Lanqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed” (Ġw 8:11).

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 13, 1-9.15-17.19-30.33-62
Salm: 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6
Evanġelju: Ġw 8, 1-11

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.